Adorazzjoni – 26 Ħadd matul is-Sena B

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

“Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

Int taf meta noqgħod u meta nqum,

Int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom” (Salm 139:1-3)           (3 sek pawsa)

Iva, Mulej Ġesù, Inti taf kollox; Inti tafna minn ġewwa, kif ukoll minn barra. U llum f’dan il-ħin ta’ adorazzjoni miegħek u fik, irridu nilqgħu l-istedina li Int qiegħed tagħmlilna: biex nieqfu ftit u nidħlu fina nfusna. Int tixtieqna li nagħarfu ftit aktar lilna nfusna, u li nagħrfu r-rieda tiegħek.

Ix-xewqa tiegħek f’dan il-ħin, b’mod speċjali fil-mumenti ta’ skiet, huwa li tkellimna u li tismagħna. Huwa f’dan il-ħin ta’ skiet, li Int, o Mulej, tkellem lil qalbi. Santa Tereża ta’ Kalkutta tgħid: “li fis-skiet ta’ qalbna, Alla jitkellem dwar l-imħabba tiegħu; bis-skiet tagħna, aħna nħallu lil Ġesù jħobbna”. Ejjew nħallu lil Alla jħobbna, u nħallu lill-Mulej jiġbidna lejn il-Qalb Ħanina Tiegħu.  

Silenzju       3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mark                                    Mk 9:38-43,45,47-48

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.

U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’ħajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, naraw lil Ġwanni jmur fuq Ġesù, u jgħidlu: Mgħallem, sibna lil min qed ikeċċi x-xjaten f’ismek,  u li dan mhuwiex wieħed miċ-ċirku tagħna. (2 sek pawsa)

L-attitudni ta’ Ġwanni, tirrifletti l-atteġjament tagħna l-bnedmin. Qisna rridu ningħalqu fi gruppi ta’ elite, daqs li kieku aħna setgħet: aħna u huma; parteġjaniżmu, parrokkjaliżmu. U Ġwanni ma jieqafx hemm, anzi juri lil Ġesù, li ħadu azzjoni: “Mgħallem, ridna nżommuh, għax dan mhux wieħed minna”. Mhux hekk nagħmlu aħna wkoll!!

Imma Ġesù jċanfarhom għal dak li għamlu, u jgħidilhom “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.”      (2 sek pawsa)

X’tagħlima kbira tagħtina, o Ġesù! Int, ma tieqaf qatt tgħallimna kemm għandna bżonn li nkunu miftuħin għal kulħadd. Huwa veru li aħna dixxipli tiegħek, imma għinna nagħrfu li f’kull persuna, anke jekk ma temminx, hija xbieha tiegħek, u tista’ tkun tajba u anke tgħix ħajja ta’ qdusija. (2 sek pawsa)

L-ispirtu ta’ Alla huwa spirtu tal-libertà, jaħdem permezz ta’ kulħadd. Ejjew ma nkunux esklużivi, imma jkollna qalb miftuħa għal kull persuna li niltaqgħu magħha.        

Silenzju                3 min

Fit-tieni parti tal-Evanġelju, Ġesù jagħmel twissija xi ftit serja, mhux biss għal mexxejja tal-Knisja, imma għal kull nisrani; biex bl-imġiba u bil-kliem tagħna, ma nkunux ta’ skandlu, ma nkunux ta’ tfixkil għall-oħrajn.

B’din is-silta, l-Mulej qed jagħtina okkażjoni li nagħmlu eżami tal-kuxjenza; li nieqfu ftit u naraw kif qegħdin ngħixu.

Stajt jien tellift lil ħuti, bl-imġiba forsi ipokrita tiegħi?   (3 sek pawsa)

X’qed nagħmel biex nevita kemm jista jkun milli nagħmel id-dnub, biex ma nkunx ta’ skandlu għall-oħrajn?        (3 sek pawsa)

X’inhu dak id-dnub, li l-Mulej qiegħed jitlob minni biex inqaċċtu mill-ħajja tiegħi?          (5 sek pawsa)

Ġesù jinsisti, li dak kollu li jista jfixkel lil ħuti, u dak kollu li jista jfixkel lili fil-mixja tiegħi lejn Alla, għandi nevitah.

Mulej, agħtina dan l-ispirtu ta’ libertà; agħtina l-ispirtu qaddis tiegħek, biex inkunu ġenwini, awtentiċi, u nwasslu lil ħutna lejk.     

Silenzju/ soft background music                3 min     

Kant: ________________

Ejjew inkunu fil-grazzja ta’ Alla, billi nħarsu l-liġi tal-Mulej. Għax din li timla bil-ferħ ‘il dawk kollha li jħarsu u jfittxu l-verità. Nitolbu ‘l Alla l-grazzja li nimxu skont il-kmandamenti tiegħu u li jbegħdna minn kull deni: Ngħidu flimkien

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

Il-liġi tal-Mulej sħiħa,

tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej sewwa,

tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

Il-biża’ tal-Mulej nadif,

jibqa’ għal dejjem;

l-ordnijiet tal-Mulej sewwa,

imseddqa għal kollox.              R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

Il-qaddej tiegħek tgħallimhom sewwa;

hemm ħlas tajjeb għall-ħarsien tagħhom.

In-nuqqasijiet min jagħrafhom?

Minn dak li ma nafx bih naddafni.      R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

Mill-kburija ħares il-qaddej tiegħek,

biex ma taħkimx fuqi.

Imbagħad inkun bla ħtija

u safi minn dnub kbir.     R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading