Minn Dun Mikiel Galea Apap
IT-TAJBIN JIMTLEW BIL-GĦIRA META MA JKUNUX TASSEW TAJBIN!
Illum, Don Angelo Comastri huwa kardinal. Dal-kardinal jirrakkonta li meta kien għadu fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu, il-pastorali tiegħu kienet tikkonsisti prinċipalment f’ ħidma mal-ħabsin irġiel, naturalment kull wieħed minnhom bl-istorja tiegħu: forsi min għax seraq, min għax qatel, min għax stupra xi tfajla jew xi mara… Insomma fil-ħabs ma tistenniex li jkun hemm irġiel ta’ kondotta tajba! Ikun hemm min jiddispjaċieh u jikkorreġi ruħu u jkun hemm jibqa’ mkaħħal mal-ħażen tiegħu. Ikun hemm min idum is-snin maqful fil-ħabs u min ma jdumx. Mela jum fost l-oħrajn dan is-saċerdot ħabrieki kien mistieden jagħti taħdita lil xi nisa anzjani, membri ta’ għaqda kattolika. Mela għal din it-taħdida, Don Angelo fettillu jieħu miegħu wieħed ħabsi li kien iddispjaċieh tassew tal-ħażen li kien għamel. Beda jaqra l-Iskrittura, beda jitlob u jieħu sehem fil-quddiesa ta’ kuljum: fi kliem ieħor, kien ikkorreġa ruħu u ikkonverta. Mistħi, rasu baxxuta, u b’umilta’ kbira dal-ħabsi irrakkuntalhom l-esperjenza tiegħu.
L-istorja ma spiċċatx hawn: waħda minn dawn in-nisa tajbin, (minn hawn u ftit ieħor se jkolli ngħid li mhux kollha kienu tassew tajbin) bħal skandalizzata, resqet tkellem lil Don Angelo u qaltlu: “Ma nafx xi ħsibtna! Kif kellek il-wiċċ iġġib miegħek wieħed ħabsi biex jagħtina lezzjoni?” Comastri jgħid: “Innutajt li fil-kliem ta’ din il-mara kien hemm ħafna għira u ħafna suppervja.” Ikompli jgħid Comastri: “Dak il-ħin ġietni f’moħħi l-parabbola tal-Fariżew u tal-pubblikan li telgħu t-tempju biex jitolbu…Min mar id-dar iġġustifikat? Dak li mingħalih kien qaddis u ma kienx jew il-midneb li xtaq jaqla’ l-maħfra ta’ dnubietu u jkun qaddis? Ta’ l-aħħar u mhux tal-ewwel jikkonkludi Ġesu’.”
Qed ngħid dan kollu għax fl-ewwel parti tal-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom, l-appostlu Ġwanni, li ‘l quddiem kellu jikteb u jitkellem ħafna fuq l-imħabba, jmur igerger ma’ Ġesu’ u jgħidlu: “Mgħallem, wieħed raġel li soltu ma jkunx magħna rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhux wieħed minn tagħna.” F’din it-tgergira għandna bħal repitizzjoni jew eku ta’ dak li qalet dik il-mara li marret tgerger ma’ Don Comastri għax skont ma qaltlu: “ġabilhom ħabsi biex jagħtihom lezzjoni.” Imma lill-appostlu Ġwanni, Ġesu’ jgħidlu: “La żżommuhx, le għax m’hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.”
Verament, il-vanġelu tal-lum jippresta ruħu biex nitkellmu fuq ħwejjeġ oħra wkoll, pereżempju: il-ħlas minn għand Alla lil dawk li jkunu ġenerużi mad-dixxipli ta’ Ġesu’, id-dnub gravi ta’ dawk li bħal donnu qisu m’huma qegħdin jagħmlu xejn meta jagħtu skandlu liċ-ċkejknin…Ġesu’ huwa iebes ħafna magħhom, u mbagħad, fl-aħħarnett, Ġesu’ jinsisti ħafna miegħi u miegħek biex naħarbu l-okkażjoni tad-dnub. Idejna, riġlejna u għajnejna jistgħu jkunu għalina okkażjoni ta’ dnub, allura b’mod drammatiku, Ġesu’ jgħidilna: aħjar teħles minnhom milli tmur bihom fl-infern!
Pero’ jien xtaqt inkompli l-omelija tiegħi b’dak li bdejt bih, jiġifieri: jeżistu nies ġusti u tajbin imma mhux il-każ li nħossuna aħjar minnhom bħalma għamel l-appostlu Ġwanni. Kittieb Ingliż jgħid li aħna l-bnedmin nitwieldu b’tendenza li nikkompetu ma’ xulxin u jekk ma nitweldux b’din it-tendenza nibdew niżviluppawha bil-mod il-mod matul is-snin. Ikompli jgħid dan il-kittieb: “Osserva żewġt itfal żgħar…xi ħadd jagħtihom ġugarell biex jilagħbu bih: arahom jikkompetu bejniethom u jaqbdu ma’ xulxin għax iriduh it-tnejn.” Ħa nkun iktar prattiku…
Fil-lingwaġġ tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, il-kelmiet jien u int, tiegħi u tiegħek, tagħna u tagħkom huma kelmiet użati ħafna. Bħal dawk iż-żewġt itfal li semma’ l-kittieb Ingliż, naslu biex niġġieldu wkoll! Ħa nagħtikom xi eżempji…Jien nifhem iktar minnek! L-għaqda li tagħha jiena membru hija aħjar mill-għaqda tiegħek! Il-parroċċa tiegħi hija aħjar mill-parroċċa tiegħek! Il-partit tiegħi hu aħjar mill-partit tiegħek! Ir-reliġjon tagħna twasslek iktar lejn Alla mir-reliġjon tagħkom! Dari kienu jgħidu li min mhux kattoliku ma jistax isalva. Illum il-ġurnata, il-Knisja tgħallimna li dawk membri ta’ reliġjonijiet oħra xorta jsalvaw basta jkunu nies ta’ rieda tajba u jippruvaw jgħixu l-valuri tar-reliġjon tagħhom.
Nispiċċa bi ġrajja vera. Mela ġo żona fil-belt ta’ Londra kien hemm daqsxejn ta’ knisja. Il-pastor anglikan, għalkemm anzjan, kien famuż għall-omeliji tiegħu. In-nies kienet tieħu gost tmur tisimgħu. Wasal pastor żagħżugħ u sab postu fi knisja kważi viċin l-oħra. Anki l-pastor il-ġdid kien jagħmel omeliji sbieħ, kien enerġiku u żelanti. In-nies bdiet tħalli l-pastor anzjan u tmur tisma’ lill-pastor żagħżugħ. Xi ħadd qal lill-anzjan: “Il-kotra qegħda tħallik u tmur tisma’ liż-żagħżugħ!” L-anzjan għamel minuta silenzju u wieġeb: “Ejjew immorru aħna wkoll!” Dik umilta’! Dik maturita’!
BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA.
O Missier qaddis, int ma tagħżilx bejn dak u l-ieħor, bejn dawk li huma magħna u dawk li mhumiex, bejn dak tajjeb u dak ħażin: inti tħobb lil kulħadd bl-istess mod. Int ittella’ x-xemx tiegħek sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin u tniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex. Agħmel li jkollna dik il-maturita’ nisranija li nkunu nixbħuk anki f’din il-ħaġa, għalkemm kultant insibuha daqsxejn diffiċli. Grazzi Missier.