Mhux passat imma preżenza

L-Erbgħa, 2 ta’ Ottubru 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fit-Tifkira tal-Anġli Kustodji Mqaddsa għal dawk il-familji li tilfu tarbija qabel it-twelid. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Meta tarbija, qabel iż-żmien – mhux biss qabel iż-żmien tat-twelid, imma qabel iż-żmien illi fih fin-normalità bniedem jiġi msejjaħ lura minn Alla biex jingħaqad miegħu permezz tal-mewt – meta tarbija, kemm jekk twieldet, kemm jekk ma twelditx, tgħaddi minn esperjenza bħal din, hi tidħol malajr fl-hena ta’ Sidha, issib malajr l-iskop, tilħaq malajr l-għan għaliex hi ġiet fid-dinja. Dan l-iskop aħna nilħquh biż-żmien, min qabel u min wara.

Imma din il-ġrajja tħalli trawma kbira fil-persuni li jgħixuha, tħalli sensazzjonijiet illi ma jintesewx, tħalli esperjenza li tibqa’ mmarkata, b’mod speċjali fil-qalb u fil-moħħ tal-omm u tal-missier. Hekk kif il-ħsieb huwa etern, jibqa’ dejjem miegħek – għax l-imħabba hija eterna, ma tintemmx, ma tiqafx, ma tispiċċax, lanqas lejn dawk it-trabi illi m’għadhomx magħna, kemm jekk twieldu, kemm jekk ma tweldux – hekk ukoll l-istess tarbija hija eterna; l-istess ħajja, l-istess persuna tibqa’ għal dejjem.

Meta niċċelebraw quddiesa bħal din tal-lejla, aħna nkunu qegħdin mhux biss infakkru ġrajja li ġrat snin ilu, mhux biss nerġgħu naqilgħu l-uġigħ u t-tbatija li ġarrabna dakinhar, imma fuq kollox nagħmlu flimkien stqarrija fil-ħajja ta’ dejjem li qegħdin fiha dawn it-trabi tagħna. Ejjew nemmnu tassew li t-tifel jew it-tifla tagħna għadhom ħajjin, daħlu fil-ħajja ta’ dejjem u qegħdin jieħdu ħsiebna. Huma tassew ‘anġli’ fis-Sema li jipproteġuna, li jieħdu ħsiebna fis-sabiħ u fl-ikrah tal-ħajja tagħna.

Imma biex naslu għal dawn il-konvinzjonijiet, hemm mixja li rridu nagħmlu. Il-mixja tgħaddi minn passi tqal. Wieħed minn dawn il-passi tqal huwa t-tbatija tat-telfa u tal-vojt. Pass ieħor tqil illi ngħaddu minnu ħafna drabi huwa t-tbatija tar-rabja, forsi lejna nfusna, forsi l-oħrajn, forsi anki kultant lejn is-sistema tas-saħħa; ikollna jew ma jkollniex raġun, ikun hemm din ir-rabja, li kultant tasal ukoll sa għand Alla, rabja lejn Alla: “Għax kellu jiġrili dan lili? Għax kelli ngħaddi minn dan kollu, jien li nħobb daqshekk lit-tfal? Imbagħad hawn oħrajn li lit-tfal mhux biss ma jirrispettawhomx, imma saħansitra jippruvaw jeħilsu minnhom anki fil-ġuf!”. Nagħmlu mistoqsijiet oħra bħal dawn illi jesprimu u jgħinuna noħorġu r-rabja tagħna.

Imbagħad hemm mument ieħor iebes: il-mument tas-sens ta’ ħtija. Ngħaddu minn mumenti li fihom inħossuna ħatja li nkunu għamilna xi ħaġa ħażina, bħallikieku konna aħna b’xi mod il-kawża ta’ dak li ġara.

Imma dawn il-passi tat-telfa, tal-ħtija u tar-rabja jridu jwassluna bil-mod il-mod għal pass aktar importanti: il-pass tal-aċċettazzjoni ta’ dak li ġara, il-pass illi jieħu ż-żmien. Irridu ż-żmien biex nilqgħu u naċċettaw bħala esperjenza, parti mill-ħajja tagħna, l-istorja li nkunu għaddejna minnha. Irridu ż-żmien biex naċċettaw il-pjan ta’ Alla f’ħajjitna, għaż-żwieġ tagħna, għall-familja tagħna, b’dak li nkunu għaddejna minnu.

Imma meta naslu hawnhekk, meta naslu għal din l-akkoljenza, meta niftħu jdejna u lill-Mulej ngħidulu: “Mulej, jiena nilqa’ dak li għaddejt minnu”, dakinhar aħna nistgħu ngħaddu propju għal din il-fiduċja, għal din il-fidi, din it-tama li dawn it-trabi li kienu storja fl-esperjenza ta’ ħajjitna, fil-ġrajjiet li ġrawlna, mhumiex biss storja fil-passat imma huma preżenza. Huma esperjenza li nistgħu ngħixuha, ngħaddu minnha bħalissa b’tama kbira. Għax dawn qegħdin jieħdu ħsiebna, jarawna, ikellmuna u aħna nitkellmu magħhom.

Wara li nkunu għamilna u għaddejna minn dawn il-passi iebsa tal-ħajja, imbagħad dakinhar aħna nkunu nistgħu naċċettaw ir-realtà kif inhi. Dawn uliedna, għalkemm ma narawhomx, għalkemm ma mmissuhomx, għalkemm nimmissjawhom, għalkemm ma nħossuhomx forsi fil-kuntatt tal-ġisem tagħhom ma’ ġisimna, huma preżenti u nħossuhom mod ieħor, nagħmlu esperjenza tagħhom mod ieħor.

Jiena nissuġġerixxi lil dawk li għadhom qatt ma taw isem lit-trabi li ma tweldux biex tagħtuhom isem. Nissuġġerixxi li dawk li ma jitkellmux magħhom biex tkellmuhom fuq id-diffikultajiet tagħkom, fuq il-problemi li tgħaddu minnhom, għax huma tassew anġli quddiem il-Missier u jistgħu jidħlu għalikom.

Dawk illi kellhom l-esperjenza illi jaraw lil uliedhom forsi għal xi ftit żmien, u minkejja d-diffikultajiet gawdewhom u kellhom esperjenza tagħhom, dik l-esperjenza jibdew iħarsu lejha b’mod pożittiv, bħala don bħalma hi kull ħajja oħra, u bħala don li issa laħaq il-milja tiegħu, li issa wasal fejn kellu jasal: il-post, is-sitwazzjoni li fiha jien, int u kull wieħed u waħda minna msejħin naslu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading