Il-Birthday taċ-ċkejkna Inès fis-Sinodu

Minn Joe Galea

Nhar il-Ħamis 17 ta’ Ottubru filgħodu nstemgħet għajta ta’ “Happy birthday!” Kienet għal Inés, tifla ta’ 10 snin, li dakinhar għalqet sninha, f’okkażjoni speċjali għax dan l-awgurju sar fis-Sala tas-Sinodu, fil-Vatikan, waqt il-waqfa għall-kafé. Id-delegati preżenti laqgħuha bit-tislima ta’ “Happy birthday, ċkejkna Inés!” Imbagħad, kor mibdi mill-Papa Franġisku hekk kif Inés daħlet fis-sala.

Il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, ħabbar il-wasla ta’ Inés: “Din il-ġimgħa spiss enfasizzajna l-importanza tal-familja, u llum niċċelebraw għax wieħed mill-membri tagħna, José Manuel de Urquidi, jinsab hawn ma’ martu u bintu, li llum tagħlaq 10 snin. Ersqu ‘l hawn ħa tiltaqgħu mal-Papa.”

It-tifla għannqet lil ommha, Ana Cecilia u lil missierha, Jose Manuel, eks avukat finanzjarju u sid ta’ ristorant li sar missjunarju diġitali biex “iwieġeb għas-sejħa ta’ Kristu,” kif kiteb fuq il-profili tal-midja soċjali tiegħu. Mis-sena li għaddiet, huwa kien delegat taċ-CELAM (il-Konferenza Episkopali tal-Amerika Latina) għall-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu, fejn jikkontribwixxi l-esperjenza tiegħu bħala tekniku diġitali u disinjatur tal-kontenut Kattoliku fl-Istati Uniti u l-Amerika Latina.

Il-laqgħa mal-Papa

Għal din l-aħħar ġimgħa f’Ruma, waqt li ż-żewġ ħutha ż-żgħar, Javier u Marcelo, kienu d-dar man-nanna tagħhom f’Dallas, l-Istati Uniti, Inés kellha xewqa waħda għal għeluq l-10 snin tagħha, li tkun tista’ tara s-sala fejn missierha ilu jaħdem hemm mit-2 ta’ Ottubru ma’ rappreżentanti mill-Knejjes tad-dinja. Ix-xewqa ta’ Inés saret realtà, u fuq kollox setgħet tiltaqa’ personalment mal-Papa, li kien bagħtilha x-xewqat ta’ għeluq sninha s-sena l-oħra f’filmat qasir.

“X’familja sabiħa,” esklama l-Papa meta t-tlieta li huma resqu lejh. “Kuntent ħafna li qed narakom.” Lil Inés, wara li ħadilha b’idejha, il-Papa qal, “Grazzi talli sellift lill-papà tiegħek lill-Knisja.”

Ir-rigali

Imbagħad, il-Papa u t-tifla taw rigali lil xulxin. Il-Papa Franġisku ta lil Inés kaxxa tal-injam b’alfajores, li hu ħelu tradizzjonali mill-Arġentina. “Kulhom flimkien mal-oħrajn, mhux waħdek għax inkella tiħxien,” iċċajta l-Papa mal-familja.

Inés tatu ittri u tpinġijiet mingħand sħabha tal-klassi fl-Iskola Kattolika tal-‘Qaddisin Kollha’ fid-Djoċesi ta’ Dallas. Il-karti kien fihom tislijiet, dikjarazzjonijiet ta ‘affezzjoni, u kumplimenti. Tifel minnhom kiteb: “Int taħdem ħafna u inti Papa meraviljuż”. Xi tfal ħadu l-opportunità biex jagħmlulu xi mistoqsijiet urġenti, bħaċ-ċkejken Preston, li fuq paġna ħdejn tpinġija ta’ Papa Franġisku jilgħab il-futbol, kiteb: “Inti tħobb li tkun Papa?”

Il-Papa Franġisku tbissem għar-rigali u ta l-barka tiegħu lill-familja, b’mod partikolari lil Inés. Hekk ukoll għamlu l-parteċipanti l-oħra kollha tas-Sinodu, li telgħu b’numru kbir biex jawgurawha lil Inés egħluq sninha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading