Agħraf lilek innifsek

Il-magħruf filosfu ta’ kull żmien, Aristotile, kien jgħid: Li tkun taf lilek innifsek hu l-bidu ta’ kull għerf. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu ħafna għal dan.

Kien hawn min qal li meta tkun taf lilek innifsek dat-tagħrif jgħinek tgħix il-ħajja li veru trid. Hawn min jaf li hu fqir. Forsi jrid jgħix aħjar. Madankollu, il-kundizzjoni tiegħu qed iżżommu milli jgħix dak li jrid. F’din iċ-ċirkustanza, aktar ma jaf lilu nnifsu aktar jaf ikun frustrat miskin. Mhux ċajta li tgħix xi ħaġa jew realtà waqt li trid oħra. Ngħiduha kif inhi, ħajjitna turina li mhux dejjem hu possibbli li toħroġ dak kollu li tkun trid minnek innifsek. Jekk jonqsuk ir-riżorsi dan mhux possibbli.

Imma ejjew ma niġrux l-aħwa! Hemm affarijiet li huma bil-wisq aktar importanti minn dak li nixtieq fi flus, f’oġġetti jew f’opportunitajiet. Dawn huma l-ħwejjeġ sempliċi fin-natura tagħna l-bnedmin l-għaliex naqqaxhom fina l-Ħallieq u l-Feddej tagħna. Min minna ma jistax jagħti tbissima jew kelma ta’ kuraġġ? Min minna ma jistax jisma’ lil xi ħadd li qalbu muġugħa? Inkella jagħti tazza ilma lil xi ħadd bil-għatx?

Anki Ġesù jitħaddet f’dawn it-termini. Qalilna: U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu (Mt 10:42). Dan it-test jurina li Ġesù mhux qed jistenna minna xi affarijiet kbar u ferm ogħla minna. Minna jrid affarijiet li ngħixu magħhom ta’ kuljum, qegħdin fihom u huma fina. Kulma rridu nagħmlu hu li noffruhom bi mħabba lil xulxin.

Papa Franġisku għandu riflessjoni tassew sabiħa fuq li nkunu nafu lilna nfusna. Jgħidilna: Li nkunu nafu lilna nfusna mhux diffiċli, imma fih it-taħbit tiegħu: jimplika ħidma kollha sabar ta’ tħaffir ġewwieni. Jitlob il-ħila li nieqfu, li “niddiżattivaw l-awtopilota”, biex niksbu għarfien fuq il-mod kif aħna naġixxu, fuq is-sentimenti li hemm fina, fuq il-ħsibijiet li spiss jiġuna u jikkundizzjonawna, u dan spiss bla ma nintebħu. Jitlob ukoll li nagħrfu nagħżlu bejn l-emozzjonijiet u l-fakultajiet spiritwali. “Inħoss” mhuwiex l-istess bħal “jiena konvint”; “għandi aptit” mhuwiex l-istess bħal “irrid”. Hekk naslu biex nagħrfu li l-ħarsa li għandna fuqna nfusna u fuq ir-realtà xi kultant hi xi ftit mgħawġa. Hija grazzja li nintebħu b’dan! Fil-fatt, ħafna drabi jista’ jiġri li konvinzjonijiet żbaljati fuq ir-realtà, mibnija fuq l-esperjenzi tal-passat, jinfluwenzawna bil-kbir, u jillimitaw il-libertà tagħna li nirriskjaw għal dak li tassew jiswa fil-ħajja.

Mulej, għinni nkun naf min jien u għinni nikber f’dak li hu tajjeb fija u li nwarrab dak li hu ħażin. Għinni nkun konvint kemm qed tgħinni u eħlisni minn sentimenti li jċajpru dak li tassew jien quddiemek. Għinni nirriskja għal dak li hu tassew importanti f’ħajti. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading