IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT SENA Ċ

L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

Minn Fr Michael A. Galea.

Is-sależjan Don Giovanni Mantegazza, missjunarju f’Tokyo, il-belt kapitali tal-Ġappun, jirrakkonta li jum fost l-oħrajn ltaqa’ ma’ raġel anzjan ta’ tmenin sena u ma damux ma saru ħbieb. L-anzjan marad b’marda inkurabbli u għażel li jmur jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu ġo sptar immexxi mis- Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija. F’dan l-isptar, ir-raġel anzjan kellu l-possibilta’ li jsir jaf mill-qrib ir-Reliġjon Kattolika. Il-missjunarju kien imur jarah ta’ spiss u d-diskursati li kien ikollhom bejniethom kienu ħafna drabi dwar suġġetti kattoliċi. Kienu jitkellmu fuq Alla, fuq l-imħabba tiegħu, fuq il-misteru li bagħat fid-dinja lil Ibnu biex isalvana. L-anzjan kien joqgħod jisimgħu b’attenzjoni kbira, imma qabel iħallu lil xulxin dejjem kien jgħidlu: “Issa kellimni fuq il-Madonna” u dejjem kienu jikkonkludu d-diskursata tagħhom bir-reċita tal-Ave Marija. Wiċċ dan l-anzjan kien isir jibda jiddi bil-ferħ. Għadda ftit taż-żmien u dan l-anzjan wera x-xewqa li jitgħammed. Tgħammed fil-kappella tal-isptar u ried li jieħu l-isem ta’ Franġisku. Is-sależjan ikkonkluda u qal: “Biex tkun nisrani ta’ veru jrid ikollok devozzjoni u mħabba kbira lejn il-Madonna.”

Illum qegħdin niċċelebraw it-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija mnissla mingħajr ebda tebgħa ta’ dnub. Jekk il-bnedmin kollha jitnisslu bid-dnub oriġinali (jiġifieri d-dnub ta’ Adam u Eva) il-Madonna kienet meħlusa minn dan id-dnub sa mit-tnissil tagħha. Fil-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom, l-Anġlu Gabrijel li kien mibgħut minn Alla għand Marija biex jgħidilha li kienet magħżula minnU biex tkun Omm il-Feddej, indirizzaha b’dawn il-kelmiet: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Ikompli jgħidilna San Luqa li għal dan il-kliem, Marija tħawdet u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti se tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesu’. Għaliex tħawdet Marija? Marija tħawdet għax għalkemm kienet mgħarrsa lil Ġużeppi (u għal-Lhud l-għerusija kienet qisha żwieġ) kellha f’moħħha li tibqa’ verġni. Dil-biċċa xogħol kienet kollha kemm hi opra tal-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt ikompli jgħidilha l-Anġlu Gabrijel: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla.” Għal din l-ispjegazzjoni tal-Anġlu Marija baxxiet rasha b’ħafna fidi u b’ħafna ubbidjenza għall-pjan ta’ Alla, u qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek.” Forsi aħjar “Hawn jien l-ilsira ta’ Alla: ħa jsir minni skont kelmtek.”

X’nitgħallmu minn din il-festa tal-kunċizzjoni bla Tebgħa ta’ Marija? Tliet tagħlimiet.

L-ewwel tagħlima. Fil-festa tal-lum ma nfaħħrux biss lil Marija għax mimlija bil-grazzja imma nfaħħru fuq kollox lil Alla li wettaq il-wegħdiet tiegħu. Kif smajna fl-ewwel lezzjoni, Adam u Eva għamlu d-dnub u fid-dinja daħal it-taħwid. Dak inhar Alla qal lis-serp: “Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u int tgħattanlu għarqubu…” Dil-ġlieda seħħet u għadha sseħħ sal-lum, imma rridu nemmnu li t-tajjeb għad jirbaħ.

It-tieni tagħlima. Marija kellha pjan, (ikolli ngħid il-pjan li tibqa’ verġni) imma għall-kelmiet tal-Anġlu Gabrijel li ġie għandha biex iħabbrilha pjan ieħor, il-pjan t’Alla għaliha, hija kienet lesta tqatta’ l-karti tagħha u toqgħod għall-pjan ta’ Alla. Min jaf aħna kemm ikollna pjanijiet, issa rridu nagħmlu ħaġa, issa rridu nagħmlu ħaġa oħra. Imma nistaqsi: lesti nwarrbu dak li għandna f’moħħna u nagħmlu dak li jrid Alla? Żgur li dak li jrid Alla minna hu ħafna aħjar u ħafna isbaħ minn dak li nixtiequ aħna.

It-tielet tagħlima. Marija hija l-imnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub. Marija hija sabiħa. Il-filosofija tgħallimna li hemm tliet tipi ta’ sbuħija: is-sbuħija li taqa’ taħt is-sensi tagħna. Għaldaqstant is-sbuħija tax-xemx tiela’ fil-għodu jew nieżla fil-għaxija, is-sbuħija ta’ warda qegħda tiftaħ, is-sbuħija t’għasfur qed jgħanni fil-ġnien, is-sbuħija ta’ mara fl-aħjar ta’ żgħożitha…Hemm imbagħad is-sbuħija intellettwali: allura moħħ il-bniedem li kapaċi jaħseb, kapaċi jifhem, kapaċi jiddomina l-liġijiet tan-natura. Fl-aħħarnett hemm ukoll is-sbuħija morali, is-sbuħija tal-qalb, is-sbuħija ta’ ruħ mhedija fil-ħwejjeġ t’Alla u ħsiebha biss biex tagħmel dak li jrid Alla. Forsi f’għajnejn Alla, din hija l-aqwa sbuħija,  għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fil-għajnejn, imma l-qalb.

Nispiċċa b’talba qasira imma sabiħa, tingħad fi żmien l-avvent u żmien il-Milied. It-talba: “Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej, int bieb li jagħti għas-sema; int kewkba tal-baħar Marija; ħarisna mill-wagħqa, kun magħna għajnuna tal-poplu l-maħtur  li b’għaġeb nissilt lil min ħalqek fis-siegħa li lqajt it-tislima li tak Gabrijel u bqajt xebba, kif qabel hekk wara t-tnissil, ħenn omm għal uliedek midinba.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading