Tagħmillek ġerħa biex imbagħad torbothielek

Wieħed mis-sorsi li tassew ifarraġna fil-ħajja hi l-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Salm 119 jgħidilna hekk: Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, li biha inti ttamajtni. Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja (S 119:49-50). Il-Kelma t’Alla hi l-faraġ tagħna għax toħodna lil hinn mis-sitwazzjoni ta’ tbatija li tkun qed iddur magħna. Hi turina lil Dak li qal: Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi (Ġw 14:6).

Biss il-Kelma t’Alla taf tferi wkoll l-għaliex tfakkar f’esperjenzi tabilħaqq morri u ta’ tbatija li ngħaddu minnhom. Ma ninsa qatt esperjenza li ġarrabt meta qrajt is-silta mill-Vanġelu skont San Mark meta Ġesù qajjem tifla ta’ tnax-il sena. Quddiemi rajt mara qed timsaħ ix-xmara tad-dmugħ li kienet ħierġa minn għajnejha waqt li kont qed naqra l-vanġelu. Sirt naf li bintha kienet ħalliet dal-Wied tad-Dmugħ meta kienet għadha żgħira. U, kif qaltli l-mara stess wara l-quddiesa: L-għaliex qajjem lil din it-tifla u lil tiegħi ħallieha tmut? Ma kellix tweġiba x’nagħtiha għall-mistoqsija rejalistika bħal din. 

Madankollu, waqt li kont qed nisma’ il-karba ta’ din oħtna quddiem niket kbir bħal dan tela’ quddiem għajnejja l-kliem tat-tielet antifona fit-talb tat-Tlieta ta’ wara nofsinhar f’jum il-festa ta’ San Żakkarija l-Profeta: Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek. L-istess, l-ewwel rejazzjoni umana għal din l-antifona tkun: Jekk il-Mulej jorbotli l-ġerħa kien hemm bżonn li jagħmilhieli qabel? Mhux aħjar jekk m’għamilli xejn? Imma tgħid din it-triq? Jew inkella jaf ikun hemm triq oħra: Tgħid jien weġġajt lili nnifsi b’xi ħaġa hekk li għandi bżonn lill-Mulej li jdewwini? Issa, fil-każ meta jmutu nies innoċenti, dawn x’tort għandhom? Għaliex għandhom iġorru l-ħtija ta’ ħaddieħor?

Dawn il-mistoqsijiet jgħallmuni ħaġa importanti: meta nistaqsi fuq li nistaqsi lili nnifsi ħalli nipprova nsib soluzzjoni għall-problemi u d-diffikultajiet li jeżiżtu aktar se neħel. Għalhekk, biż-żmien, il-Mulej qed jgħinni ngħix b’qalbi miftuħa għax-xaqq tat-tama li taf turi ruħha f’ħafna modi. Ifarraġni bil-bosta dak li tgħid Ommna Marija fil-Kantiku tagħha l-Magnificat: Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu (Lq 1:50). Meta nintelaq f’idejh, fl-agħar żminijiet ta’ ħajti, għid li ħa nara, inħoss u nitfarraġ bil-ħniena tiegħu.

Ma ninsewx x’jgħidilna San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin: Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm (2 Kor 1:3-4).

Jeżiżti faraġ u tama akbar minn din?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading