Meta ħa nipparkja fil-ġenb?

Għal ħafna, il-ħajja saret tellieqa minn filgħodu sa filgħaxija. Xogħol, xogħol, u ġib lil min jaħdem.

Tassew li f’ċerti ċirkustanzi x-xogħol irid isir. U allaħares le għax imbagħad… Imma veru wkoll li l-magna taż-żmien mhux talli waqfet talli baqgħet għaddejja. Tikk wara tikk u diġà nofs is-sena addijo. Iż-żmien għaddej u ma jistenna lil ħadd. U miegħu wkoll jgħaddu opportunitajiet importanti li, jekk nitilfuhom, meta jgħaddi s-Sur Żmien jaf jiddispjaċina bil-kbir. Int ħu min, għal għadd ta’ raġunijiet, ma jistax jara lil uliedu jittrabbew. Mhux għafsa ta’ qalb dik l-aħwa?

Barra minn dan hemm biċċa xogħol oħra li tikkumplika l-ħajja u li ftit qed insemmuha. Anki moħħna għandu l-istonku tiegħu. Ġieli, moħħna, jaf taqbdu indiġistjoni tafux daqskemm jibda’ jara kbir. Indiġistjoni minn dan it-tip wieħed isibha fil-vanġelu skont San Luqa fil-mod inkredibbli li bih irraġuna r-raġel għani. Jgħidilna Ġesù: Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!” Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’ Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla” (Lq 12:16-21).

Naffordjaw li f’ħajjitna daqshekk qasira ngħaddu minn din l-istess esperjenza ta’ dar-raġel għani li ħaseb aktar għal żaqqu tal-ġisem milli għall-ħajja ta’ dejjem tiegħu? Kulma dar-raġel ried, jaħasra, hu li jieqaf naqra u jipparkja ftit fil-ġenb u jħalli lill-Ispirtu t’Alla jkellmu fil-qigħan ta qalbu. Inkredibbli kif dar-raġel nesa’ jagħmel dal-pass daqshekk vitali f’ħajtu u ara kif spiċċa jirraġuna: naħseb fl-issa t’hawn għax ħa ngħix għal ħafna żmien! Kos hux! Kemm min ma jirriflettix jispiċċa ma jirraġunax! U kemm, frott in-nuqqas ta’ raġunar tiegħu, idaħħal lilu nnifsu u lil ta’ madwaru f’għadd ta’ niket bla bżonn!

Sewwa kiteb il-filosfu Franċiż Albert Camus: Biex wieħed jifhem lid-dinja wieħed għandu jitbiegħed minnha minn żmien għal żmien. Ejjew infittxu waqtiet fejn nipparkjaw fil-ġenb ta’ ħajjitna biex, taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu, naraw ftit fejn aħna sejrin u fejn għandna nibqgħu mexjin. Jekk dan l-għarfien ta’ aħna min aħna fir-relazzjoni mad-dinja ta’ madwarna qed jagħtina l-paċi f’qalbna allura ejjew nibqgħu mixjin f’din it-triq li żgur qed idaħħalna f’dak li qalilna: Jiena hu t-Triq (Ġw 14:6), Ġesù Kristu Sidna.

Meta ħa nipparkja fil-ġenb?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading