Aktar mal-Mulej jagħtini l-grazzja li naħdem u nkun mal-pazjenti u l-familjari tagħhom, flimkien mal-membri tal-istaff fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, aktar qed jgħallimni kemm il-bidla isseħħ f’ħajjitna u kemm m’għandniex kontroll fuqha. Xi drabi, bħalma jgħid il-qawl Malti: Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa.
Kos hux! Kemm naħsbu li ċerti sitwazzjonijiet donnhom li mhu ħa jitbiddlu qatt u mbagħad iseħħ xi avveniment u tarahom jinbidlu mill-lejl għan-nhar. Għalhekk, dan kollu, aktar u aktar iżommni saqajja mal-art kemm, u qabel kollox, m’għandix nintrabat ma’ did-dinja. F’din il-ħajja kollox jgħaddi. U, bħalma jgħid tajjeb il-Ktieb ta’ Koħelet, hemm żmien għal kollox fil-ħajja.
Fil-fatt, dal-ktieb mimli għerf tal-Mulej jgħidilna: Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li
taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi. Xi qligħ għandu l-bniedem mix-xogħol li jagħmel? (Koħ 3:1-9).
F’din is-silta mill-isbaħ li titħaddet fuq il-prinċipju li kollox għandu żmienu l-awtur sagru, b’imħabba kbira, qed jgħallem lili u lilek biex ma nintrabtu mal-ebda siġġu fil-ħajja, hu x’inhu hu. Ibda’ mis-siġġu tal-għana, tas-setgħa, tal-popolarità, tal-pjaċiri tal-ħajja u spiċċa mis-siġġu ta’ ħajjitna stess. Kollox jgħaddi. Personalment, kien San Pawl stess li ġabni aktar konxju ta’ dal-fatt hekk importanti tal-ħajja meta, fil-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin, jgħidilna hekk: Lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem (2 Kor 4:18).
Ejjew nissieħbu ma’ dawk li jinvestu fil-ħajja ta’ dejjem l-aħwa u f’dawk li jnisslu fostna l-valuri tas-Saltna tas-Sema. Il-materjaliżmu jgħaddi u niżżu ħajr l’Alla li nkunu ħlisna minnu imma l-valuri tal-fraternità, tal-paċi, tal-qsim tal-ġid bejn kulħadd, l-aktar mal-ifqar fost il-fqar, dawk jibqgħu għal dejjem.
Ejjew naħdmu biex ħadd ma’ jibqa’ jiġi mċaħħad mill-imħabba ta’ familja waħda għax aħna, la aħna wlied ta’ Missier wieħed, aħna aħwa ta’ xulxin. Ejjew naħdmu u nistinkaw kemm nifilħu għal dil-bidla u biex dil-bidla tibdilna f’familja waħda li taqsam kollox ma’ xulxin u ma’ oħrajn barra minna.
Patri Mario Attard OFM Cap