Fl-aħħar ġiet il-Waħda t-Tajba!

Kemm-il darba l-Mulej ilaqqagħni ma’ nies li jkunu għaddejjin minn biżibilju problemi, waħda wara l-oħra. U, kif ngħidu bil-Malti, id-diskors mill-ewwel idur bħaċ-ċirasa u dawn it-talin jgħiduli, xi drabi wkoll, bid-dmugħ f’għajnejhom: “Iwa meta ġejja waħda tajba?”

Ġieli kelli l-grazzja li niltaqa’ ma’ dawn in-nies. Id-darba l-oħra, raġel, waqt li kont ħiereġ mill-isptar, waqt li kien qed jitħaddet ma’ sħabu ma felaħx ma jlissiniex il-kelma: “Patri, dak li qed tqassam kollu għalxejn. Qtajt qalbi!”

Ma nagħtihx tort li jħossu hekk. Dan mument li jiġi fuqek u fuqi wkoll. Ikollna dak il-waqt fejn ma nkunux nifilħu aktar. Fejn nibdew nibilgħu l-ilma u jibda’ jiddispjaċina għal dak li jiġrilna. “Għaliex qed jiġrili dan kollu? X’għamilt ħażin?” Mhux din tkun karbitna?

Illum għandna għax nittamaw

Illum, l-Għid il-Kbir, waqt li pajjiżna qed jiċċelebra Jum Il-Ħelsien, aħna, bħala Insara, qed niċċelebraw il-Ħelsien ta’ kull ħelsien ieħor li eżiżta u qatt jista’ jeżiżti fl-istorja kollha tal-bniedem, il-ħelsien mill-ħażen u d-dnub.

Minn minna ma jridx jinħeles mill-ħażen? Min minna ma jixtieqx li jgħix fis-sliem li jibqa’ u li qatt ma jixxellef? Jibqa’ is-sliem tad-dinja jew inkella jixxellef u anki jinkiser? Titwila lejn l-istorja tagħna l-bnedmin mill-ewwel turina kemm dan is-sliem hu, tassew, aktar sensittiv miċ-ċaqquf. Kemm jaf isir elf biċċa miskin!

Imma llum, meta Kristu rebaħ fuq il-mewt u d-dnub, għandna l-għaliex nittamaw. Tant hu hekk li llum nistgħu ngħidu li t-tajjeb tassew li jirbaħ lill-ħażin. Bil-passjoni, bil-mewt u bil-qawmien tiegħu, Kristu qed jurina li min jemmen fih se jgħix għal dejjem bħalu. Li l-mewt ma ssaltanx aktar fuqu. Min iħobb lil Kristu xorta jmut u jbati imma, fit-tbatija u l-mewt tiegħu għandu t-TAMA li jgħix għal dejjem.

X’jgħidilna Kristu

F’dawn il-jiem hekk sbieħ tal-Għid tolqotni mmens dak li nsibu miktub fl-omelija antika fuq is-Sibt Qaddis tal-Għid il-Kbir. Meta Kristu jinżel f’art l-imwiet biex jeħles lil Adam, li kien ilu maqful hemm sa minn mewtu, jgħidlu hekk:

“Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-mewt, ħa jiddi fuqek Kristu.”

“Jien hu Alla tiegħek, li minħabba fik sirt ibnek; minħabba fik u l-imnissla minnek kollha, issa bis-setgħa tiegħi qiegħed nordna u ngħid lil dawk li kienu marbuta fil-jasar, ‘Oħorġu’; lil dawk li kienu fid-dlamijiet, ‘ Ħa jiddi fuqkom id-dawl’; u lil dawk li kienu mitlufa fin-ngħas, ‘Qumu’.”

“Jien qiegħed nordnalek: Stenbaħ, int, li rieqed; għax jien ma għamiltekx biex tibqa’ marbut f’art l-imwiet. Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin. Qum, għemil idejja; qum, xbieha tiegħi, int li kont magħmul fuq ix-xebħ tiegħi. Qum, noħorġu minn hawn; għax inti fija, u jiena fik, aħna persuna waħda mhix mifruda.”

 “Minħabba fik jien, Alla tiegħek, sirt ibnek; minħabba fik jien, is-Sid, sirt ilsir bħalek; minħabba fik jien, li jien ogħla mis-smewwiet, inżilt fl-art, anzi sa qiegħ l-art; minħabba fik, ja bniedem, jien sirt qisni bniedem bla saħħa li għandu friexu fost il-mejtin; inti ħriġt mill-ġnien u jien minħabba fik itteħidt minn ġo ġnien, ingħatajt f’idejn il-Lhud, u ssallabt fi ġnien.”

“Ħares lejn il-bżieq li tefgħuli fuq wiċċi; jiena lqajtu minħabba fik, biex nitfa’ fuqek mill-ġdid dak in-nifs li kien ingħatalek fil-bidu. Ara kemm daqqiet bil-ħarta tawni fuq ħaddejja; jien stabart bihom, biex inġedded fik dik ix-xbieha li fuqha ssawwart u li int ħassart, u nagħtiha sura tixbah lil tiegħi.”

“Ara kemm swat ħadt fuq dahri; jiena lqajtu minħabba fik, biex inneħħilek minn fuq dahrek it-toqol ta’ dnubietek. Ħares lejn idejja, kif issammru mas-salib minħabba fik, għax int darba għamilt ħażin li middejt idek lejn is-siġra.

“Jiena rqadt fuq is-salib, u lanza nifditli ġenbi; dan ukoll minħabba fik, għax inti rqadt fil-ġnien u ġenbek infetaħ biex minnu ħarġet Eva. Issa ġenbi fejjaq lil ġenbek, ir-raqda tiegħi qajmitek mill-irqad tiegħek f’art l-imwiet, u l-lanza tiegħi żammet lura x-xabla li kien hemm imxejra għalik.”

“Qum, nitilqu minn hawn. L-għadu ġagħlek toħroġ mill-Għeden; imma jien se nqiegħdek mhux fi ġnien tal-art, imma fuq tron fis-sema. L-għadu firdek minn siġra li kienet biss xbieha tal-ħajja; imma ara, jien, il-ħajja, issa ninsab ħaġa waħda miegħek. Fl-imgħoddi qegħedtlek il-kerubini qishom qaddejja tiegħek biex iħarsuk; issa nagħmel li l-kerubini, b’mod li jixraq lil Alla, jagħtuk il-qima tagħhom.”

“Jien ħejjejtlek it-tron tal-kerubini; dawk li se jwassluk hemm huma lesti u qegħdin jistennewk: bnejtlek il-post fejn se toqgħod; għandek l-ikel imħejji; it-tinda tiegħek ta’ dejjem mgħammra u mżejna; it-teżori ta’ kull ġid huma miftuħa għalik; is-saltna tas-sema tħejjietlek sa minn dejjem.”

Kliem li jwassalna għall-għemil

Min minna ma għandux bżonn jisma’ dan il-kliem qawwi: “Stenbaħ, int, li rieqed?” Mhux ilkoll għandna bżonn li dan il-kliem isir rejaltà f’ħajjitna?

U nistenbaħ minn xiex? Minn negattività tan-nuqqas ta’ tama li dejjem inħalli ddur ġewwa fija li jien ma jien tajjeb għalxejn, li fid-dinja ħadd ma jħobbni u jagħti kasi, li xejn ma jitbiddel, li d-dinja krudila, li l-ħajja inġusta u ma nafx xiex. Le! Fi Kristu dan id-diskors mhux biss jieqaf imma jsir opportunità biex inħalli l-pożittività ta’ Kristu, li hi l-istess grazzja u l-qawwa ta’ Kristu Rebbieħ fuq il-mewt u n-negattività nnifisha tad-dnub, tirbaħ lili.

Mhux ta’ b’xejn li, f’dawn il-jiem hekk għeżież il-Mulej għallimni permezz ta’ kitba ta’ Mahatma Ghandi li sibt f’ċikkulata li offrewli: “Kun il-bidla li int tixtieq tara fid-dinja”. Ovvjament, bħala Nisrani, lil Ghandi din is-sentenza nirranġahielu naqra ħalli tinftiehem u tintiegħem b’mod Nisrani: “Kun il-bidla li Kristu jixtieq jara fid-dinja”.

Iwa! Bil-qawwa ta’ Kristu Rxoxt, int u jien nistgħu naraw id-dinja, pajjiżna u aħna stess, ninbidlu kif iridna Hu għax nibdew naħfru, inħobbu, inċanfru bil-ħlewwa, ngħallmu b’għemilna l-ewwel u mbagħad bi kliemna, nitolbu, nsumu, ngħinu lil min hu waħdu, nitimgħu lill-imġewħa, nisqu lill-għatxana, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru l-morda u l-ħabsin, nistabru b’min idejqilna qalbna, nagħtu parir tajjeb lill-ħosbenin, ngħallmu lil min ma jafx u l-bqija.

Bis-saħħa ta’ Kristu lkoll nistgħu nagħmlu dan.

Nitgħallmu nistabru

Ir-rebħa għal dan kollu hu s-sabar. L-imbierka paċenzja. Il-ħajja mhix “il-google search engine” li, f’radda ta’ salib, tagħtina dak kollu li rridu. Le! Fil-ħajja jrid ikollna l-paċenzja. L-imbierka paċenzja. L-ewwel u fuq kollox, magħna nfusna.

Jekk lil Kristu nitolbuh se jgħinna żgur biex insiru bħalu. Naqra naqra. U fejn naqgħu hemm is-sagrament tal-qrar li jfejjaq lil qlubna. Il-mixja tieħu ż-żmien. Xejn ma sar f’daqqa. Irridu l-ħin. Madankollu, il-ħin mgħoddi ma’ Kristu se jgħinna f’din id-direzzjoni tant sabiħa tal-ħajja.

Għax l-Għid jgħallimna nifirħu u nkunu grati lejn dan Alla li sar wieħed minna biex jifdina. Għalhekk, fi Kristu, ma naqtgħu qalbna qatt. Anki jekk kollox ikun ħażin, proprju kollox, jekk ningħaqdu ma’ Kristu se jbiddel lilna u bina jbiddel id-dinja ta’ madwarna. Ma ninsewx, nitfa’ dawl għandha l-qawwa biżżejjed biex tegħleb massa sħiħa ta’ dlamijiet.

“Mulej Ġesù, kun il-fjamma f’qalbi tar-rebħa tiegħek fuq il-ħażen u d-dnub. Kun il-fjamma tal-ferħ, tat-tama u tal-kuraġġ. Ibqa’ ixgħel fija. Jien naf Mulej li jekk int tibqa’ tixgħel fija d-dawl tiegħek għandu l-qawwa li jdawwal id-dlamijiet ta’ madwari fil-qlub tal-oħrajn. Għax fik u bik Mulej fl-aħħar ġiet il-Waħda t-tajba! Li hi int stess! Amen!”

Iktibha din: f’Ġesù Rxoxt fl-aħħar ġietna l-Waħda t-Tajba għax miegħu nirbħu l-ħażen u lill-ħażin u hekk ngħixu miegħu għal dejjem fl-eternità. Tista’ tiġina waħda aħjar minhekk?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading