Il-Papa jiftaħ Bieb Imqaddes ġo ħabs f’Ruma

“Jien ridt li t-tieni Bieb Imqaddes li niftaħ ikun hawn f’ħabs,” stqarr il-Papa Franġisku. Għall-Ġublew tat-Tama 2025, l-ewwel Bieb li nfetaħ kien il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru fl-24 ta’ Diċembru 2024, imbagħad, għall-ewwel darba, il-Papa fetaħ il-Bieb Imqaddes f’ħabs.

Matul il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena (2015-2016), lil dawk li kienu qegħdin fil-ħabs, il-Papa Franġisku kien awguralhom li t-talb u x-xewqa tagħhom li jersqu lejn il-Missier tgħinhom ħalli kull darba li jaqsmu l-għatba taċ-ċella, dan ikun ifisser għalihom il-passaġġ mill-Bieb Imqaddes. għax il-ħniena ta’ Alla kapaċi tbiddel il-qlub, u kapaċi wkoll tittrasforma l-vireg tal-għeluq f’esperjenza ta’ libertà.

Bibien miftuħa u Qlub miftuħa

Din id-darba, fil-ħabs ta’ Rebibbia, f’Ruma, il-Papa Franġisku, wara li mexa mill-Bieb Imqaddes, ippresieda l-quddiesa fil-knisja. Fl-omelija tiegħu, huwa tkellem dwar ir-raġuni taż-żjara tiegħu, u ddeskrivieha bħala turija ta’ ftuħ”. Iżda aktar milli sempliċiment jiftaħ il-bibien, il-Papa ħeġġeġ lill-priġunieri preżenti, biex jiftħu qalbhom. Il-fratellanza, qal, hija “qlub miftuħa.”

It-tama hija ankra

Il-Papa Franġisku kompla biex xebbah it-tama ma’ ankra fix-xatt, marbuta sew bil-ħabel. “Kultant, il-ħabel ikun iebes,” kompla, “u jweġġagħlna idejna.” Iżda anke f’dawn il-mumenti, tamitna trid tibqa’ ffukata dejjem ‘il quddiem, għax, qal, dejjem hemm xi ħaġa quddiemna.

“Meta qalbha tingħalaq, issir iebsa bħall-ġebla; tinsa t-tenerezza,” wissa l-Papa. Jeħtieġ għalhekk li nżommu l-bibien ta’ qalbna miftuħa, anke fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli. Hu ħeġġeġ lill-priġunieri preżenti biex ikunu miftuħa għat-tama.

Ara aktar dwar il-Ġublew 2025 … https://www.gublew.org/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading