Il-Ħadd, 29 ta’ Diċembru 2024, Festa tal-Familja Mqaddsa: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Ftuħ solenni tal-Ġublew tat-Tama fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Kemm ngħaddu minn qtigħ ta’ qalb fil-familji tagħna! Kemm ngħaddu minn problemi u diffikultajiet! Naħseb li kull wieħed u kull waħda minna jista’ jagħmel lista: forsi wħud minna għaddejjin bħalissa minn dawn id-diffikultajiet. Il-Qari tal-lum ippreżentalna persuni b’diffikultajiet (1 Sam 1:20-22,24-28; Lq 2:41-52). Ippreżentalna lil Anna, il-mara ta’ Elkana, omm dak li mbagħad kellu jkun il-Profeta Samwel. Din kellha problema kbira, għax ma setax ikollha tfal. Hija problema li llum immissuha b’idejna u niltaqgħu magħha l-ħin kollu: id-diffikultà tal-isterilità, in-nuqqas ta’ possibbiltà li jkollna tfal. U din toħloq qtugħ ta’ qalb fina. Iltqajna wkoll mad-diffikultà ta’ Ġużeppi u Marija. Dawn spiċċaw biex tilfu lil Ġesù. Kemm ġenituri jgħixu d-diffikultà tat-telfa tal-iben jew tal-bint, b’diversi modi! Jista’ jkun hemm l-esperjenza hekk iebsa u kiefra tal-mewt ta’ iben jew bint. Imma mhux biss! Wieħed jista’ jitlef lil ibnu jew lil bintu b’elf mod; forsi, għax dak li jkun jaqbad triq li qatt ma ħolmu l-ġenituri; forsi għax kien hemm diżgwid, kunflitt, u ma baqgħux jitkellmu flimkien; forsi għax b’xi mod l-omm jew il-missier, jew it-tnejn, għandhom l-inkwiet ma’ wliedhom. Huma kollha sitwazzjonijiet li joħolqu fina biża’, tbatija, qtugħ ta’ qalb.
Hemm imbagħad qtugħ ta’ qalb marbut max-xogħol, mal-ħidma tagħna. Anki aħna s-saċerdoti kultant jiġi mument li taqta’ qalbek fil-ħidma tiegħek. Forsi tgħid: ‘Tavża, tħabbar, tistieden, taħdem u tistinka’, u l-frott, almenu skont għajnejna, skont kif nikkalkulaw aħna, ikun ftit, jew kultant xejn. Ngħaddu minn mument ta’ qtugħ ta’ qalb.
Illum f’din il-Festa tal-Familja Mqaddsa qegħdin niftħu s-sena tal-Ġublew tat-Tama. X’jiġifieri niftħu l-bieb tat-tama fil-ħajja tagħna? Nagħmlu sforz biex nibdew nittamaw iktar? Nimpenjaw ruħna biex nafdaw aktar? Nistinkaw, naħdmu, nagħmlu xi ħaġa oħra ma’ dak li diġà qegħdin nagħmlu biex jekk jista’ jkun inkunu ottimisti u mhux pessimisti? Xejn minn dan! It-tama qalb id-diffikultajiet kollha tal-ħajja tagħna, aktar milli sforz, aktar milli impenn tagħna, hi don. Aħna nsejħulha virtù, u l-virtù mhix sempliċiment attitudni tagħna, imma hija l-ewwel u qabel kollox, bħalma huma l-fidi u l-imħabba, iż-żewġ virtujiet teologali l-oħra, rigal ta’ Alla għalina. X’inhuma dawn il-virtujiet teologali: fidi, tama u mħabba? Huma sinjali tal-Insara li tmisshom b’idejk, li tarahom b’għajnejk, u huma marbutin ħafna flimkien.
Il-fidi mhix li nemmnu f’Alla, li Alla jeżisti, il-Kredu… dik ukoll, imma mhux dik biss. Il-fidi hija rigal tal-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla għalina. Għax jekk ma jkollokx il-fidi, ma jistax ikollok it-tama. Il-fidi hi din il-konvinzjoni, din l-esperjenza li aħna nagħmlu fil-ħajja tagħna li Alla jħobbna, mhux li aħna nħobbu lilu. Inkunu qed niżbaljaw jekk aħna naħsbu li l-fidi hi li aħna nħobbu lil Alla. Il-fidi hi l-esperjenza li aħna nġarrbu f’ħajjitna li Alla jħobbna.
Smajna fit-Tieni Qari tal-lum silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, li hi sabiħa immens. Qalilna: “Aħna wlied Alla” (3:2). U Alla, jekk hu Missier, ma jistax ma jħobbniex. Imma din il-fidi li Alla jħobbna ma tistax tibqa’ sempliċi konvinzjoni tal-moħħ, idea li kultant tiftakar fiha jew tinsieha, imma trid issir għaġna waħda mal-ħajja tagħna, taħlita waħda mal-persuna tagħna. Jien frott tal-imħabba ta’ Alla. Alla jħobbni l-ħin kollu. Din hi l-fidi.
U jekk jien konvint, jekk jiena għandi esperjenza ta’ din l-imħabba li Alla għandu għalija, allura tiġi t-tama. It-tama hi li, jiġri x’jiġri fil-ħajja, hemm Alla li jieħu ħsiebi. Mhux Alla se jieħu ħsiebi, mhux Alla se jipprovdi, mhux Alla se jirranġa. Le! Diġà, waqt it-tbatija tiegħi, waqt l-inkwiet tiegħi, waqt il-problema tiegħi, waqt il-mard tiegħi, Alla qiegħed jieħu ħsiebi. Dak li għaddej minnu, għalkemm ma nifhmux, għalkemm ma nistax nagħtih sens, għalkemm joħloq tbatija għalija, għandu tifsira li jagħtihielu Alla, għandu xi spjegazzjoni li jien, bil-mod il-mod, se nagħraf u niskopri. Din hi t-tama. Imma din tiġi daqskemm jien konvint li Alla jħobbni.
Ħa nġibu eżempju mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Illum il-festa tal-familja, u jekk missier jew omm iħobbu tassew lil uliedhom, u t-tifel jew it-tifla ta’ ħames snin għandu esperjenza fit-tul u kontinwa ta’ din il-kura li l-ġenituri għandhom għalih, meta tiġri xi ħaġa, meta t-tifel jaqa’, jew meta l-ġenituri jirrabjaw u jeħduha mat-tifel jew mat-tifla, għalkemm dak il-ħin ikun mument ta’ kriżi u diffikultà, imma dak it-tifel se jkollu s-sigurtà li, minkejja li hu marid, minkejja li għaddej minn tbatija, l-imħabba ta’ ommu u ta’ missieru mhux se tonqos, li dawk qegħdin hemm, u li dak li għandu se jgħaddi.
L-imħabba tagħti din il-possibbiltà. L-imħabba ta’ Alla għalina, jekk aħna nħossuha u ngħixuha, tagħtina din il-kapaċità li ngħaddu minn qalb il-ħalel u l-mewġ, li ngħaddu minn qalb il-widien mudlama, b’ċertezza. Iva, niċċaqilqu ftit, nitriegħdu ftit, imma bażikament, profondament, fundamentalment, aħna nibqgħu ċerti, nibqgħu kunfidenti, nibqgħu nafdaw lil Dak li jħobbna kontinwament.
Il-virtù tal-imħabba hi marbuta mal-fidi u t-tama. Jekk jien inħossni maħbub minn Alla, allura ma nibqax iffissat u ffukat fuqi nnifsi, fuq il-problemi tiegħi biss, bħallieku ma jeżisti ħadd iktar fid-dinja; ma nibqax inkwetat biex nara x’se nagħmel ħalli l-oħrajn iħobbuni. Meta jien ma nħossnix maħbub, jien nispiċċa b’ħajti kollha nipprova nixtri b’kull mod l-imħabba; kultant saħansitra nbigħ lili nnifsi, l-identità tiegħi, il-persuna tiegħi, il-konvinzjonijiet tiegħi. Jekk għandi l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla għalija, allura nħares ukoll madwari. Anzi, l-ewwel u qabel kollox inkun iktar attent, sensittiv, sensibbli għall-bżonnijiet tal-oħrajn.
Imma kif nistgħu nikbru f’din l-esperjenza tat-tama? Għax għedna li mhix frott l-impenn u l-isforz tagħna. Imma nistgħu aħna b’xi mod noħolqu klima, disponibbiltà fil-qalb tagħna, biex dawn id-doni li Alla jrid jagħtina, nilqgħuhom u ngħixuhom f’ħajjitna.
Għalkemm Ġesù kien mitluf, fl-Evanġelju tal-lum, kienu iktar mitlufin il-ġenituri tiegħu milli hu. Qalilhom: “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Araw, il-fidi li l-Missier iħobbu; it-tama li, għalkemm hu mitluf, imma mhux mitluf. Mitlufin ommu u missieru, ma jafux fejn se jagħtu rashom.
Kif nistgħu noħolqu fina disponibbiltà biex nilqgħu d-don tal-fidi, imma b’mod speċjali tat-tama u tal-imħabba? San Pawl għandu sentenza: “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17). Nixtieq indawwarha, mingħajr ma nagħmel vjolenza fuq it-test ta’ San Pawl, u ngħid: “It-tama tiġi mis-smigħ tal-Kelma”. Għandna bżonn li nkunu iktar qrib tal-Kelma ta’ Alla. Mhux darba kultant, mhux darba kull nhar ta’ Ħadd, imma kontinwament, il-ħin kollu. Il-Kelma ta’ Alla għandna bżonn li nkunu midħla tagħha, ħalli ssir hi midħla tagħna, biex nibdew nirraġunaw skont din il-Kelma. Dan bħal meta tmur f’pajjiż barrani u trid toqgħod hemm biex taħdem hemm. Għall-ewwel ma tkunx taf titkellem b’dik il-lingwa, jew forsi tkun taf biss bil-kotba; imma meta int toqgħod hemm u titkellem, u terġa’ titkellem, u jkollok bilfors titkellem b’dik il-lingwa, int tibda mhux biss titkellem b’dik il-lingwa, imma taħseb biha. Hija esperjenza li għamilna ħafna minna, biex ma ngħidx ilkoll. L-istess l-Iskrittura, meta aħna naqrawha spiss, aħna nibdew mhux biss nifhmu l-Iskrittura, imma nibdew naħsbu bl-istil u bil-mod tal-Iskrittura. U din toħloq fina l-konvinzjoni li aħna wlied Alla, kif “tassew aħna”, jgħid San Ġwann; li aħna maħbubin. Il-Kelma ta’ Alla toħloq fina t-tama. L-ewwel mod ta’ kif aħna nħejju fil-qalb tagħna post sabiħ għat-tama hi l-Kelma ta’ Alla. Ma nitilfux l-okkażjoni li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, matul din is-sena li ġejja b’mod speċjali. Hawn diversi realtajiet tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla fil-parroċċi tagħna. Hija din il-Kelma li trid timliena bit-tama.
Imbagħad iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Ma ninsewx, l-istess Passjoni u Mewt ta’ Ġesù sservi bħala għajn tal-ħajja għal kull wieħed u kull waħda minna. Aħna b’għajnejna narawh traġiku, straġi; imma fil-fatt għiduli jekk hemmx tama ikbar minn din! Għalhekk imxejna wara Ġesù Kurċifiss, għax hu t-tama tagħna. U l-Quddiesa hija l-esperjenza tal-Kalvarju, tal-għotja tiegħu minn fuq is-Salib.
Imma mhux biss, hemm xi ħaġa oħra li rridu nieħdu ħsieb. U din hi l-komunità Nisranija, hija l-imħabba ta’ bejnietna, l-għaqda ta’ bejnietna, il-komunikazzjoni u l-komunjoni, u l-maħfra ta’ bejnietna – relazzjonijiet iktar awtentiċi bejnietna.
Huma dawn it-tliet modi ta’ kif aħna nistgħu nħejju qalbna biex il-Mulej ikun jista’ jagħtina dan ir-rigal, din il-virtù tat-tama. U hekk jiġri li verament lil Ġesù nsibuh. Ġesù jinstab saħansitra fid-diffikultajiet il-kbar ta’ ħajjitna. Verament ikollna s-serenità fil-qalb tagħna, li tiġi mit-tama; mhux mill-ottimiżmu, mhux minn kemm aħna nies pożittivi, imma minn kemm aħna konvinti li aħna qegħdin f’dak li hu tal-Missier, f’dak li hu ta’ Alla, kif qal Ġesù lil Marija u lil Ġużeppi: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49).