L-influencer

Min ma semax bl-influencers? Fuq il-midja soċjali bħalissa hawn kampanja sħiħa fuq l-influencers. Hawn min, saħansitra, qed jibni ħajtu u ħajjitha fuq x’jgħidu dawn l-influncers.

X’inhu l-influencer? Fost il-ħafna tweġibiet li sibt iltqajt ma’ waħda li ħallietni naħseb mhux ftit. Forsi l-għaliex ħassejtha għalliema aktar mill-oħrajn. L-influencer hi persuna li hi meqjusa bħala esperta fil-qasam partikulari tagħha. Barra minnhekk, din il-persuna għandha ħafna nies li jsegwuha. In-nies jafdaw fl-opinjonijiet tagħha. Aktar ma jsegwuwha u jagħmlu tagħhom l-ideat li tgħaddilhom aktar din l-influencer jkollha influwenza fuqhom. Bħalissa hawn għatx kbir għall-interess fl-esperti li għandhom influwenza kbira soċjali u anki preżenza permezz tal-midja soċjali.

Kwalitajiet ta’ influencer

Xi wħud jgħidu li influencer tajjeb għandu jkollu tal-inqas seba’ kwalitajiet bil-għan li jħabbeb in-negozju tiegħek mal-konsumatur ta’ issa jew tal-futur tiegħek.

L-ewwel kwalità hi, li jkun ta’ man-nies. L-influencer irid ikun taz-zokkor mal-pubbliku. Inkella aqta’ kemm igerrixxlek klijenti. Ta’ min jistaqsi: Din l-influencer tinġieb man-nies? Hi ta’ man-nies? Tista’ tkellimha? Kif tweġbihom lin-nies? U meta tirċievi feedback negattiv kif twieġeb għalih? It-tieni, tibni pont mal-messaġġ li qed iwassal. Int li għandek negozju, fit-tfittxija għall-influencer, tajjeb li tistaqsi ftit: X’rabta hemm bejn dil-persuna mal-valuri ta’ dan in-negozju? Titkellem fuq l-opinjonijiet tagħha? Kif l-opinjonijiet tagħha jintrabtu ma’ dawk li l-kumpanija tiegħek temmen fihom? Dil-persuna tissapportja negozji oħra? Jekk iwa dawn in-negozji jikkontradixxu jew jikkompetu ma’ tiegħek?

It-tielet, l-influencer għandha tkun persuna li taf tirrelata għax tidħol fiż-żarbuna ta’ dak li jkun. Staqsi ftit: Il-persuna li rrid bħala influencer tan-negozju tiegħi għandha simpatija lejn l-esperjenzi tal-oħrajn? Hi bħas-segwaċi tagħha li jirrelataw mal-kontenut li jaqsmu? Fil-posts li tagħmel fuq il-midja soċjali hemm ġenwinità u awtentiċità? Ir-raba’, il-veru influencer jaf jirrispondi. L-influencer jirriklama l-prodott u anki jikkomunika miegħek meta int urejt fiduċja fih u fiha. Qabel tagħżel influencer staqsi: Dil-persuna tirrelata b’mod attiv mas-segwaċi tagħha? Qed twieġeb b’kummenti maħsuba u mhux sempliċiment tagħmel il-likes lil min jiktbilha? Kemm qed twieġeb malajr lilek u lis-segwaċi tagħha?

Il-ħames, l-influencer konsistenti. Il-konsistenza u li wieħed jista’ jorbot fuqu huma s-sisien ta’ kull influencer, speċjalment fil-qasam tan-negozju. Ħa nistaqsi jien li qed infittex influencer: Dil-persuna qed tippowstja kontenut tal-ogħla kwalità b’mod konsistenti? Tagħmel użu, b’mod regolari, mill-fatturi kollha tal-pjattaformi tal-midja soċjali tagħha bħalma huma l-istejjer, il-videos, il-boomerangs u l-bqija? Is-sitta’, l-influencer għandha tkun persuna li hi midħla tal-midja soċjali. L-influencer għandu jkollha l-ħila li tedittja r-ritratti u li tagħmel posts awtomatiċi. F’kelma waħda, l-influencer għandha tkun midħla tal-pjattaforma tal-midja soċjali u kif tidħol, iddur fiha u madwarha. Jekk se nagħżel lil xi ħadd bħala influencer ħa nistaqsi: Il-kontenut ta’ dil-persuna magħmul sewwa? Tuża stampi ta’ l-ogħla kwalità? Għandha sbuħija konsistenti fil-page tagħha? Hi l-page tagħha interessanti biex tħares lejha?

L-aħħar kwalità ta’ influencer tajba hi l-krejattività. Il-midja soċjali tista’ tkun mezz ta’ krejattività għal ħafna nies. L-aqwa influencers dejjem qegħdin jesperimentaw b’applikazzjonijiet ġodda bil-għan li jżommu l-kontenut tagħhom frisk. Ħa nistaqsi ftit: Il-kontenut tal-influencer hu oriġinali u krejattiv? Jien interessat fil-post tal-influencer jew inkella l-posts li jtella’ huma ġeneriċi, mudlama u jdejquk? Juża’ sentenzi li jisirqulek qalbek flimkien ma’ ritratti babaw biex jirreklamaw il-prodotti?

L-Influencer tal-influencers

Meta qgħadt nagħrbel dan kollu l-unika persuna li tgħix dawn il-kwalitajiet ta’ influencer, u hi fil-fatt l-Influencer tal-influencers, hi Ġesù Kristu. Ġesù hu l-aqwa influencer li qatt kien hawn, hawn u se jkun hawn. Għaliex?

Il-prodotti li l-influencers ta’ did-dinja li jirreklamaw, ilkoll għandhom data ta’ skadenza. Dak li jirreklama Ġesù m’għandu l-ebda data ta’ skadenza għax Ġesù jirreklama l-prodott li tana Alla Missieru u Missierna, il-Ħajja ta’ Dejjem.

Ġesù hu espert fil-Ħajja ta’ Dejjem. Hu stess qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14:6). Min fada fih ma ddiżappuntax ruħu. L-istess bħal min qagħad fuq il-kelma tiegħu li tagħti l-Ħajja ta’ Dejjem. Ġesù hu t-tweġiba għall-għatx kbir li hawn li jinstabu l-esperti veru tal-umanità li l-influwenza tagħhom mhux biss tinħass u tidwi imma wkoll tagħti l-ħajja.

Ġesù hu l-Influencer tal-influencers għax iħabbeb miegħu l-għatx li hemm fik u fija li ngħixu għal dejjem u li nħobbu u nkunu maħbuba għall-eternità. Ġesù ta’ man-nies. Tista’ tkellmu fi xħin u meta trid. M’għandekx bżonn ta’ appuntament ta’ ma nafx kemm-il ġimgħa qabel. Ma’ Ġesù m’għandekx problema ta’ waiting lists u lanqas li tħallas għas-siġġu sakemm toqgħod tistennieh ikellmek. Mhux marbut ma’ ħin u ma joħodlokx balla flus ta’ ftit minuti. Ġesù jiġbdek lejn Missierek u Missieri tas-Sema. Espert f’dil-biċċa xogħol. Lin-nies iweġibhom bil-ħlewwa u kritika joħodha. Tibżax, mhux ħa jumbrak la għala ħanżira u lanqas għala pulita. Ġesù dejjem se jgħidhielek kif iħossha. Mhu ħa jaħbilek xejn. U kemm jissapportja lil dawk kollha li jaħdmu għas-Saltna tas-Sema! Qalilna: “Għax min m’huwiex kontra tagħna, huwa magħna” (Mk 9:40).

Ġesù hu l-Influencer tal-influencers għax jidħol fiż-żarbuna tiegħek. Jaf x’jiġifieri tkun bniedem għax hu Alla magħmul bniedem. “Kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub” (Lhud 4:15). Jaf juri ħniena u mogħdrija għall-miżerji u l-iżbalji li nwettqu kuljum u ġieli bl-addoċċ aħna l-bnedmin. Ġesù mhux biss jirrelata mal-messaġġ ta’ mħabba li qed iwettaq imma hu stess il-messaġġ, għax hu stess l-imħabba tal-Missier għalina. Jgħidilna: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3:16-17). Għalhekk, hu nnifsu l-messaġġ u l-kontenut tal-messaġġ. Hu nnifsu l-ġenwinità u l-awtentiċità.

Ġesù hu l-Influencer tal-influencers għax jaf jirrispondi u jikkomunika bi mħabba u b’kompassjoni li d-dinja lanqas taf tispellihom aħseb u ara li tgħixhom dawn il-valuri. Hu l-ħin kollu jirrelata magħna, ħutu. Dejjem jgħidilna dik il-kelma li tħallina naħsbu dwar ħajjitna. Mhux bniedem superfiċjali għax jagħmillek like u mbagħad jibgħatek tixxejjer bil-pulit għax jeħles minnek. Le. Ġesù jħares f’għajnejk u jkellmek. Iqatta’ ħinu miegħek. Tinsiex, Ġesù mhux moħħu li jagħmel il-miljuni imma li jieħdok fid-dinja tal-miljunarji vera li, minflok il-flus, għandhom l’Alla nnifsu jgħix fihom, il-Ġenna, il-Ħajja ta’ Dejjem.

Ġesù hu l-Influencer tal-influencers għax konsistenti f’dak li jagħmel u jgħid. Għalhekk tista’ torbot fuqu. Dejjem jgħaddilna messaġġ tal-ogħla kwalità: li min jemmen fih għandu l-ħajja ta’ dejjem. Dan il-messaġġ dejjem iwasslu. Ġesù jħobb juża’ il-pjattaforma tad-djalogu sieket ma’ qalbna. Hemm jieħu gost ikellimna. Dik l-aqwa midja soċjali tiegħu għax mhux biss hi xi ħaġa soċjali imma, u wisq aktar, hi midja personali u intima. Ġesù jħobb ħafna jaħdem fl-istejjer tagħna. Iħobb jidħol fihom, jekk inħalluh jagħmilhom tiegħu u jibdilhom mill-qiegħ nett billi jibdel qalbi u qalbek. M’għandux bżonn ta’ ritratti għax jien u int ir-ritratti ħajjin tiegħu. Aħna maħluqa fuq xbiehetu. Biss jaf jidħol fina u jiddilja magħna. Basta nħalluh jagħmel dan. Is-sbuħija ta’ Ġesù hi dejjem konsistenti għax hu s-sbuħija. Għalhekk, Ġesù jibqa’ interessanti li nħarsu dejjem lejH. Fil-fatt, ħarsitna għandha tkun fih biss.

Ġesù hu l-Influencer tal-influencers għax hu l-Krejattiv tal-krejattivi. Ġesù dejjem jara x’jivvinta biex jidħol f’qalbna ħalli jgħaqqadna miegħu. Dan jagħmlu billi jurina min hu, hu li hu l-imħabba friska u dejjiema li għaliha int u jien tgħidx kemm nokorbu għaliha. Il-posts tiegħu krejattivi għax jgħinnuna nħobbu lill-oħrajn b’għemejjel ċkejkna imma bi mħabba kbira mill-istess imħabba li hemm ġewwa fina. Is-sentenzi ta’ Ġesù jisirqulna qalbna għax mimlijin imħabba, li hi hu stess.

Talba lill-Influencer tal-influencers

Mulej Ġesù, l-Influencer tal-influencers, ħudni kif jien, bid-difetti tiegħi, bin-nuqqasijiet tiegħi, imma agħmilni kif tixtieqni int. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading