Jannar – Għad-Dritt għall-Edukazzjoni
Nitolbu għall-migranti, għar-refuġjati u dawk milqutin mill-gwerra, biex id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, li huwa neċessarju għall-bini ta’ dinja aħjar, ikun dejjem rispettat.
Frar – Għall-Vokazzjonijiet għas-Saċerdozju u għall-Ħajja Reliġjuża
Nitolbu biex il-komunità ekkleżjali tilqa’ x-xewqat u d-dubji ta’ dawk iż-żgħażagħ li jħossuhom imsejħin jaqdu l-missjoni ta’ Kristu fis-Saċerdozju u fil-Ħajja Reliġjuża.
Marzu – Għall-Familji fi kriżi
Nitolbu biex il-familji mkissra jsibu l-kura għall-weġgħat tagħhom fil-maħfra, billi jerġgħu jiskopru l-kwalitajiet ta’ xulxin anke fost id-differenzi ta’ bejniethom.
April – Għall-Użu Tajjeb tat-Teknoloġiji l-ġodda
Nitolbu biex l-użu tat-teknoloġiji ġodda ma jieħux il-post tar-relazzjonijiet umani, jirrispetta d-dinjità tal-persuna, u jgħinna naffaċċjaw il-kriżijiet ta’ żmienna.
Mejju – Għall-Kondizzjonijiet tajba tax-Xogħol
Nitolbu sabiex ix-xogħol jagħti sodisfazzjon sħiħ lil kull persuna, isostni bid-dinjità lill-familji, ħalli jkollna soċjetà aktar umana.
Ġunju – Biex id-Dinja Tikber fil-Mogħdrija
Nitolbu biex kull persuna ssib faraġ fir-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù ħalli mill-Qalb tiegħu titgħallem turi mogħdrija ma’ kulħadd.
Lulju – Għall-formazzjoni fid-Dixxerniment
Nitolbu biex nitgħallmu niddixxernu, billi nagħrfu nagħżlu t-toroq li jagħtu l-ħajja u nwarrbu kull ma jbegħidna minn Kristu u l-Vanġelu.
Awwissu – Biex Ngħixu flimkien fis-Sliem
Nitolbu għal dawk il-postijiet fejn in-nies isibuha diffiċli jgħixu flimkien biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni tal-konfrontazzjoni minħabba diverġenzi etniċi, politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi.
Settembru – Għar-relazzjoni mal-Ħolqien kollu
Nitolbu biex bħal S. Franġisk, inħossu r-rabta li teżisti bejn il-ħlejjaq li lkoll huma maħbubin minn Alla u jixirqilhom kull għożża u rispett.
Ottubru – Għall-kollaborazzjoni bejn tradizzjonijiet reliġjużi differenti
Nitolbu ħalli dawk kollha li jħaddnu tradizzjonijiet reliġjużi differenti jaħdmu flimkien biex jiddefendu u jippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-fraternità umana.
Novembru – Għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju
Nitolbu għal dawk li qed jitqabdu ma’ ħsibijiet ta’ suwiċidju biex isibu l-wens, l-assistenza u l-imħabba li jkollhom bżonn mill-komunità, u li jkunu miftuħin għas-sbuħija tal-ħajja.
Diċembru – Għall-Insara li jinsabu f’inħawi ta’ konflitt
Nitolbu għall-Insara li jgħixu f’inħawi ta’ gwerra u konflitt, l-aktar fil-Lvant Nofsani, biex ikunu żerriegħa ta’ paċi, rikonċiljazzjoni u tama.