Inkun f’posti

Nhar il-Milied fil-għodu kien jum mill-isbaħ. Ix-xemx, bil-preżenza melliesa tagħha, tassew li tagħtni ħafna kuraġġ biex naffronta l-jum tal-jiem, (biex indawwar naqra l-frażi li tani Missieri San Franġisk). Illum ngħid li ma kellix le għalfejn naffronta daqskemm li nduq dan il-jum ta’ paċi u sliem.

Waħda mill-ħaddiema tal-Onkoloġija ġibditli xi ritratti fil-Kappella. Hi ħaġa mill-isbaħ li tfakkar. Inkella “jekk ma żżommx it-tifkira kulma tagħmel isir ftira”. Għalhekk, biex dan żgur li ma jseħħx, ftehemna li t-tifkira tinżamm ħa tibqa’ tinxtamm. Madankollu, kif sar ħarira tal-ħin, bil-ħlewwa kollha qaltli: “Ħa nħallik għax irrid inkun f’posti”.

Ma nafx għaliex imma meta smajt din il-kelma ħassejt lil qalbi tiġi minsusa mid-daqqa ħelwa tagħha. Din il-frażi lili kienet qed tgħidli, jew almenu iddoqqli, biċċa mużika ferm sabiħa u meħtieġa għal ħajti: “Inkun f’posti”. Fis-skiet li kont fih donni li bdejt nisma’, titlissem magħha, frażi oħra li hi għal kollox familjari miegħi: “Inżomm posti”.

Frażi għalliema

Qisu ma tantx kelli għalfejn noqgħod inħabbel rasi bil-bosta biex nara ftit xi tfisser din il-frażi hekk importanti. Daqqa t’għajn lejn il-maxtura, b’Ġesù Bambin fiha, mill-ewwel tagħtni d-dawl li kelli tabilħaqq bżonn f’dak il-waqt importanti.

Niftehmu, jekk kien hawn xi ħadd li ma żammx postu kien Ġesù Bambin. Anzi, dan mhux talli ma żammux talli tilfu għalina lkoll billi sar bniedem bħalna. Il-Ħallieq sar wieħed mill-ħlejjaq tiegħu sal-punt li fl-aħħar, meta kiber u ħareġ iwettaq il-missjoni li kien afdalu f’idejh il-Missier, spiċċa  jkun sinjal ta’ kontradizzjoni, ġie mibgħud, ipproċessat u miżmum b’ħati, ingħata s-sentenza tal-mewt u inqatel. Madankollu, fit-tielet jum, qam minn bejn l-imwiet. Din l-istorja waħedha turi bil-bosta kemm tilfu postu dan Alla magħmul bniedem għalina.

Tinħass kontradittorja għall-aħħar u forsi, għall-loġika tagħna l-bnedmin, tidher li ma tagħmilx sens. Imma abbli għalhekk se tagħmel sens u sens bil-bosta għax mhux populista imma l-biċċa hi tabilħaqq umana. U umana għall-aħħar. F’dan il-bniedem Alla li ċeda t-tron irjali tiegħu tas-sema biex sar bħali u bħalek, f’dan li tilef kollox biex ikun wieħed minna, hu f’dan li aħna nistgħu aktar naraw postna bħala l-ħlejjaq u qatt il-ħallieqa.

Għaliex dan?

Lezzjoni siewja fl-umanità

Meta nħarsu lejn Ġesù Bambin aħna nibdew nindunaw kemm tabilħaqq ħadd minna mhux xi invinċibbli u ma jista’ għalih ħadd. L-esperjenza tiegħi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-ħin kollu tfakkarni f’dan il-fatt tant u tant importanti. Minn dak li jgħaddu minnu l-għeżież ħutna li qed jieħdu t-trattament kemm huma stess, u jien magħhom għax wieħed minnhom, nirrejalizzaw li t-tmun mhux f’idejna. Anzi, iċ-ċintorin ilu li ttieħed minn idejna għax, fil-verità, qatt u qatt ma kien f’idejna.

Il-biċċa hi li meta jkollna s-saħħa anki din taf titlagħlna għal rasna. Nibdew naħsbu li għax issa għandna s-saħħa li nagħmlu biżibilju xorti allura kollox jibda’ isir possibbli għalina. Ġieli, daqskemm inħossuna fis-sakra b’din l-idea falza, nafu naqbżu l-limiti tagħna, bil-konsegwenza li nagħmlu l-ħsara mhux biss lilna nfusna imma wkoll lil dawk li jkunu madwarna. U meta dan iseħħ kemm jinħoloq uġiegħ bla bżonn jaħasra.

Madankollu, fl-għerf tiegħu, il-Mulej jippermetti li ngħaddu mill-imwieġ tal-ħajja, huma x’inhuma, fejn fihom nirrejalizzaw li aħna m’aħniex dak li konna ħsibna qabel li aħna. Fil-wiċċ ta’ dan l-imwieġ, li magħhom iġibu wkoll dak is-sens qares u tal-biża’ tal-umiljazzjoni, nibdew nintebħu wkoll li għandna bżonn lil ħaddieħor.

Dawn huma mumenti ta’ grazzja kbira. U, inkunu f’liema sitwazzjoni nkunu, m’għandna qatt u qatt nkunu aħna l-qattiela tagħna nfusna għax naqbdu nirraġunaw, jew aħjar nikkundannaw lilna nfusna għax narawna ninfetħu għall-għajnuna. Li nitlob l-għajnuna hi dinjità mill-aktar kbira. Li nitlob l-għajnuna hi punt ta’ fejqan kbir.

L-ewwel nett, l-għaliex ħadd ma jista’ jagħmel kollox waħdu. Aħna ġejna maħluqa biex ngħixu ta’ familja, eżattament bħall-Fabbrika tat-Trinità Qaddisa li ħalqitna u fdietna. Din hi tlieta: Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Dan hu Alla, Tlett Persuni, Komunità ta’ mħabba u solidarjetà. Barra minhekk, il-limiti tagħna jgħinuna nħarsu kemm ‘il fuq u anki madwarna. Għax minn hemm tiġi l-għajnuna. Inutli nibqgħu magħluqa fina nfusna, nittawlu mit-toqba tas-serratura tal-bieb tal-jien għax priġunieri tal-egoiżmu tal-biża’ li għandna fuqna. Minn hawn għajnuna mhux ħa nsibu. Għandna mela bżonn li ninfetħu fetħa żul minn hemm.

Min iħabbat jiftħulu

Kien Kristu stess li dan il-prinċipju hekk importanti għallimhulna bl-għeruq u x-xniexel. Qalilna: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. 8Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu” (Mt 7:7-8). Dan għamlu hu stess. Lil mara Samaritana talabha tixrob. Hu, li hu “l-għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:14), ma qabadtx u ħadilha l-barmil minn idejha, ramieha l’hemm u ħa l-ilma tal-bir hu. Xejn minn dan. Ta’ bniedem-Alla li hu, kollu għerf, qdusija u umanità, talabha jixrob.

Fi ftit kliem, Ġesù għaraf il-ħtieġa u l-importanza tad-DJALOGU. Fil-vanġelu skont San Ġwann Ġesù beda dan id-djalogu ma’ din il-mara, liema djalogu għadda minn diversi stadji u ħa għadd ta’ sfumaturi. Bħal kull djalogu ieħor, dan id-djalogu għadda minn tlugħ u l-inżul. Biss, fih kellu determinazzjoni mill-isbaħ: iż-żewġt iqlub li kienu qed iżommuh ħaj u jixgħel. Kienu t-tnejn li huma li għażlu jibqgħu involuti fih. Ma beżgħux mill-kontradizzjonijiet li setgħu joħorġu minnu. Baqgħu għaddejjin sakemm waslu biex iduqu mill-frott bnin tiegħu li hu l-għemil jew ġabra ta’ għemejjel ta’ mħabba li jagħmlu biżiblju ġid.

Dawl għas-sena l-ġdida

Waqt li s-sena 2023 qed tħarħar l-aħħar tħarħira qabel ma tmut u tindifen fil-kotba tal-istorja, issa hu l-waqt li nidħlu daħla fina nfusna u nħallu dawn il-valuri li semmejna jimxu magħna.

Ejjew niftakru li ħadd minna mhux xi buli, għandu kemm għandu flus u għandu kemm għandu setgħa. Aħna ilkoll taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor għax ilkoll għandna bżonn xulxin. Ibda biex qegħdin taħt is-setgħa ta’ Dak li ħalaqna u fdiena. Għandna għax inkunu tassew grati lejh għax dan ma stmerx jieħu l-mewta tas-salib biex isalva lilna nġusti. Anzi, sar wieħed minna biex jurina kemm hu tassew importanti li nkunu nies li naraw lil hinn minn imneħirna u hekk inwessgħu l-viżjoni tagħna. Hu meta noħorġu miż-żona komda tagħna li nibdew naraw it-tama, il-ferħ, il-kuraġġ u s-sliem li jibqa’ magħna għal dejjem.

Barra minhekk, aħna li ġejna maħluqa u mifdija minnu, ejjew nagħmlu l-pass u bħalu nibdew NIDDJALOGAW. L-ewwel nett miegħu personali għax ħadd, u propju ħadd, ma jista’ jagħtina l-imħabba li jagħtina Hu. Imbagħad nibdew niddjalogaw ma’ xulxin. U dan biex inwettquh irridu bosta u bosta kuraġġ. Biex tiddjaloga mal-oħrajn trid il-ħin, is-saħħa u ħafna, proprju ħafna, sabar. Imma mingħajr sabar ma jsir xejn. U s-sabar hu t-tieni nifs biex ngħixu ħajjitna ta’ bnedmin, hi x’inhi l-fidi li nħaddnu.

L-awgurju

Għada li se nibdew sena ġdida, minn qalbi nixtieqlek li jkollok sena fejn tkun umli, tisma’, tiċċekken, tikkollabora, titlob u tiddjaloga. Dawn huma verbi kbar u jagħmluk tabilħaqq speċjali. Dawn jfakkruk, bħalma jfakkru lili, biex tkun f’postok. Aħna bnedmin tad-demm u l-laħam bit-tlajja u l-inżul tagħna. Aħna limitati.

Ejja għas-sena 2024 “inkun f’posti” għax inkun bniedem u bniedma!

Nixtieqlek sena fejn tgħix mill-isbaħ dan il-messaġġ hekk importanti, f’waqtu u tant urġenti.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading