Qegħdin fix-xahar ta’ Novembru, ix-xahar iddedikat lil ħutna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu tindaqq il-mota tal-mewt fil-kampnari tal-knejjes tagħna. Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, il-qniepen huma mportanti għax ifakkruna fi ħwejjeġ għeżież għalina. X’ħajja tkun mingħajr it-tifkira ta’ dak li hu għażiż għalina? Kif ħa nħobbu u nuru rispett jekk ma niftakrux? Biex ħa titwieled, tinbet u titmantna l-imħabba jekk mhux mit-tifkira? Mela ejja nżommulu naqra ilsienna qabel naqbdu ngħidu kontra l-qniepen. Għax mal-qniepen hemm marbuta s-sentimenti mill-aktar umani u ġewwiena tiegħek u tiegħi stess. Intant…
Barra minhekk, bħalissa, f’bosta ċimiterji mxerrdin mal-gżejjer tagħna, ninnutaw il-fjuri u x-xemgħat fuq l-oqbra tal-għeżież tagħna. Kemm hi ħaġa sabiħa li lil dawn ħutna nibqgħu nħobbuhom u nirrispettawhom anki wara mewthom. Mela l-imħabba għandha xi data ta’ skadenza l-aħwa? Ma jgħidilniex l-Appostlu Missierna San Pawl li “l-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:8)?
Imma veru li hemm ħajja wara l-mewt?
Mhux l-ewwel darba li ltqajt ma’ persuni li qaluli: “Patri, ma nemminx li wara din il-ħajja hemm ħajja oħra”. Filwaqt li nirrispetta l-fehma ta’ dawn ħuti, emmnuni li ma nistax naqbel magħhom. Qabel ngħaddi għall-barage tas-sentenzi bibbliċi li lkoll juru li tassew hemm il-ħajja ta’ dejjem irrid immur għar-raġunament uman.
Xi ħaġa sabiħa li għandna fis-soċjetà tagħna hi l-prinċipju tal-meritokrazija. Hu ġust u sewwa li, fis-soċjetà, persuna timxi ‘l quddiem l-għaliex hi kapaċi u turi l-ħila u l-intelliġenza tagħha minn dak li tistudja u twettaq. Min ħaqqu ħa jimxi ‘il quddiem. Anzi, min ħaqqu mhux biss ħa jimxi ‘l quddiem imma wkoll jekk jibqa’ sejjer tajjeb f’dak li hu sewwa ħa jagħtuh iżjed ħa jissokta jkun ta’ ġid għal ħaddieħor. Anki l-aktar bniedem ateju, anjostiku u x’m nafx jien, dan jaċċettah. Għax din hi raġuni pura umana.
Issa jekk aħna, bħala bnedmin, nagħtu l-premju lil min ħaqqu, kemm aktar Dak li ħalaqna u fdiena jippremjana għall-fedeltà tagħna lejh meta nwettqu dak li hu sewwa quddiemu. Ejjew ma ninsewx li dak li hu sewwa ġej minnu, nemmnu jew ma nemmnux. Ovjament, min għandu d-don tal-fidi dan se japprezzah u se jimxi aktar fuqu. Dan l-għaliex, il-Kelma t’Alla, turina biċ-ċar li wara din il-ħajja hemm tgawdija, tbatija u, għal xi żmien, perjodu ta’ tisfija.
Ġesù kien ċar kristall fuq li hemm tgawdija u tbatija. Tiġini quddiem għajnejja s-silta mill-vanġelu skont San Mattew, fil-kapitlu 25 u li ġiet mogħtija t-titlu “il-ħaqq mill-popli”. Nixtieq inħalli l-Kelma ta’ Alla titħaddet hi. Inħoss li leħinha għandu jissupera għal kollox il-leħen dgħajjef, irqajjaq u midneb tiegħi.
“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’
Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Imbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem” (Mt 25:31-46).
Kemm nagħmlu sewwa jekk, ta’ kuljum, insibu ċans biex nirriflettu ftit fuq din is-silta daqshekk ċara, diretta u li ma tħalli l-ebda u l-iċken lok għal xi dubju li l-ħajja ta’ wara l-mewt teżiżti tassew. Il-Ġenna u l-Infern jeżiżtu, u jeżiżtu bil-kbir! U, bilħaqq, attenti fuq kif nittrattaw mal-proxxmu tagħna għax hemm inkunu qed nilgħabu jew mas-salvazzjoni inkella mat-telfien tagħna!
Ma rridx ninsa ngħid li rigward il-Purgatorju l-Bibbja tagħtina dawn il-versi dwar l-eżiżtenza tiegħu. Insemmu l-Ewwel Ittra lill-Korintin li tgħidilna hekk: “Jekk il-bini jinħaraq, ħlasu jitilfu; iżda huwa jsalva, imma jkun għadda minn ġon-nar” (1 Kor 3:15). Imbagħad, l-Ewwel Ittra lil Pietru tfissrilna li: “Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu” (1 Piet 1:7). Fl-aħħar nett, fil-vanġelu skont San Mattew, Ġesù jgħid hekk: “U jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jitkellem kontra l-Ispirtu s-Santu ma jkollux maħfra, la f’din id-dinja u lanqas f’li ġejja” (Mt 12:32). Mela, Ġesù qed juri li fid-dinja li ġejja hemm il-maħfra wkoll, f’kelma waħda dak li ngħidulu l-Purgatorju.
Fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika l-Knisja tgħallem dan: “Il-Knisja ssejjaħ Purgatorju din il-purifikazzjoni tal-aħħar tal-magħżulin, tisfija li hi għal kollox differenti mill-kastig tad-dannati… Għandna nemmnu li għal xi ħtijiet żgħar qabel il-ġudizzju (tal-aħħar) hemm nar li jsaffi minnhom, skont kif jgħidilna dak li hu l-verità fih innifsu, meta jsemmi lil dawk li jitkellmu kontra l-Ispirtu s-Santu, u jgħid li ma jkollhomx maħfra la f’din id-dinja u lanqas f’li ġejja (Mt 12,32). Minn dan il-kliem nistgħu nifhmu li xi ħtijiet jistgħu jinħafru f’dan iż-żmien u oħrajn fiż-żmien li għad irid jiġi” (nru. 1031).
Għalhekk, ejjew noffrulhom il-quddies, li hu l-aktar mod li bih nistgħu ngħinu. Il-quddiesa għandha merti infiniti u l-ġid li tagħmel imur lil hinn mill-qafas ta’ din id-dinja tal-ispazzju u l-ħin. Il-quddiesa tgħin ħafna fit-tisfija ta’ dawk li qed jissaffew fil-Purgatorju.
Ħadd li mar ma reġa’ ġie lura
Għax proprju ħadd ma mar u reġa’ ġie biex jgħidilna dak li ra, ilkoll inħossu li għandna ngħixu ħajjitna b’responsabbiltà kbira. Ħajja waħda għandna. Ma naffordjawx li nitilfuha għall-bqija tal-eternità għax inkunu tbegħdna mill-Mulej Missierna li tant iħobbna.
Kemm hu sabiħ meta nisma’ nies li jgħiduli: “Patri, għoġbu u għoġobha hemm fuq għax ma ġiex u ma ġietx lura”. Is-suċċess veru ta’ ħajjitna jseħħ meta nsaltnu ma’ Kristu għal dejjem fil-Ġenna!
Tgħid niltaqgħu ma’ xulxin?
Spiss ikun hawn min jistaqsini: “Allura Patri, tgħid niltaqgħu ma’ xulxin fil-Ġenna?” Emmnuni ħuti imma l-Ispirtu s-Santu jurini li għandi mmur pass aktar ‘il quddiem minnhekk. Meta naraw lill-Mulej, hu kif inhu, taħsbu li jibqagħlna moħħ infittxu fil-Ġenna fejn qegħdin l-għeżież tagħna? Taf x’qawwa u x’ferħ kbir hemm f’li tara l-wiċċ li, skont San Ġorġ Preca, “hu tant prezzjuż li jifforma l-għaxqa tal-qaddisin”! Mela, mhux aħjar niffukaw fuq il-Mulej! F’Dak li hu the best!
Imma l-Mulej ħu ħniena u familja. Għalhekk nimmaġina li wara li nkunu rajnieh sewwa żgur li se jlaqqagħna mar-razza u r-radika tal-Ġenna kollha, inklużi l-għeżież tagħna. Intom x’taħsbu?
Mulej, għinni nħobbok f’min hu fqir li jġegħelni nemmen fik. Għinni nilmħek f’kull min hu magħkus li l-akbar xebħ jagħtik. Jekk nagħrfek f’dak u f’dik inkun għaraftek f’kulħadd, inkluż fl-għeżież tiegħi. Amen.
Patri Mario Attard OFM Cap