O Ġesù Ewkaristija, Inti sors ta’ kull ħajja, ta’ kull imħabba, u ta’ kull dawl.
Fik biss, tinsab l-identità tiegħi.
Fil-ħniena tiegħek, il-fiduċja tiegħi.
Fil-kompassjoni tiegħek, hi t-tama tiegħi.
Fir-rieda tiegħek, is-sliem tiegħi.
Fil-grazzja tiegħek, id-dinjità tiegħi.
Fis-salvazzjoni tiegħek, is-sigurtà tiegħi.
Fl-imħabba tiegħek, il-ferħ tiegħi.
Fil-Qalb ta’ mħabba u ġeneruża tiegħek, hu l-mistrieħ u l-milja tiegħi.
Għallimni mmewwet lili nnifsi, biex ngħix ħajja ċċentrata fl-Ewkaristija; ħa ngħix ħajti kollha kemm hi fik, miegħek u għalik. Waqt li nġedded lili nnifsi, għinni nasal li nħobb lill-oħrajn, bl-imħabba u bl-għożża li tħobbni Int.
Silenzju 2 min
Il-Ħadd li għadda, rajna lil Ġesù juri lilu nnifsu lill-pagani, simbolizati fil-Maġi, li fittxewh b’qalb safja. F’dan il-Ħadd, l-Missier stess jirrivela lilna min hu Ġesù fil-ġrajja tal-Magħmudija tiegħu. Il-Missier li jagħtina l-identità ta’ Ġesù: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”. Jien u int, aħna lkoll ulied għeżież ta’ Alla.
Silenzju/background music 2 min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 3:15-16,21-22
F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.
Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
Silenzju 1min
Ħsieb:
Ġesù jibda l-ministeru pubbliku tiegħu bil-Magħmudija tiegħu, fix-xmara Ġordan. Huwa kien ħejja ruħu għall-erbgħin jum fid-deżert ta’ Ġuda, f’intimità ta’ talb u ta’ sawm ma’ Alla l-Imbierek. U waqt li kien qed jitlob f’xatt ix-Xmara Ġordan, infetħu smewwiet u niżel l-Ispirtu s-Santu. Kien hawn li l-Missier jurina min hu verament Ġesù: “Int Ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi” (2 sek pawsa)
Ejjew niftakru li anke aħna, bis-saħħa tas-Sagrament tal-Magħmudija li rċivejna, sirna permezz ta’ Ġesù, wlied addottivi ta’ Alla. Alla lilna jgħożżna, jħobbna, bl-istess għożża, bl-istess imħabba, li biha jħobb u jgħożż lil Ibnu Ġesù, għax aħna wliedu. Kull wieħed u waħda minna, aħna għeżież għal Alla. Alla lilna jħobbna mhux għax aħna tajbin, imma għax aħna għeżież għalih. (3 sek pawsa)
Quddiem din l-għożża kbira ta’ Alla, quddiem din l-imħabba kbira li Alla għandu għalija, Jien kif se nirrispondi? Se niċħad id-dnub li jbegħdni minn din l-imħabba, jew se nibqa’ indifferenti? (3 sek pawsa)
Bl-għażliet li qed nagħmel f’ħajti, bil-kliem tiegħi li ngħid, nuri li jien wild għażiż ta’ Alla?
Silenzju 3 min
Fix-xena sabiħa tal-Magħmudija, naraw li fuq Ġeù jinżel l-Ispirtu s-Santu, forma ta’ ħamiema. Dan biex ifakkarna li Ġesù huwa l-Maħtur ta’ Alla, l-Midluk ta’ Alla; dak li kellu jkun mimli bl-Ispirtu Qaddis ta’ Alla; dak li kellu jkun ikkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu, biex iwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin, bil-Kelma u bil-mirakli tiegħu; imma fuq kollox bl-għotja tiegħu fuq is-Salib Imqaddes u l-Qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet. Ġesù huwa verament l-Iben ta’ Alla kkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu, għas-Salvazzjoni tagħna. (3 sek pawsa)
Ejjew inqegħdu ruħna fid-dawl tiegħu, u niftakru li anke aħna, bis-saħħa tas-Sagrament tal-Magħmudija, bħal Ġesù, ġejna kkonsagrati bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Jalla d-dawl ta’ Ġesù, jkompli jdawwal ir-realtà nisranija tagħna u jmexxina. (2 sek pawsa)
Imma l-istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu, l-imġieba tagħna, turi li aħna wlied immexxija mill-Ispirtu s-Santu?
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunitá
Waqt li se niċċelebraw il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, meta Kristu ġie muri lilna bħala l-Iben għażiż, ejjew induru lejn Alla Missierna, fiduċjużi li se jisma’ u jwieġeb għat-talb tagħna.
Nitolbu għall-Knisja Mqaddsa, sabiex imdawwla u msaħħa mill-Ispirtu s-Santu, tkompli twassal il-Bxara t-Tajba lill-bnedmin kollha, u turihom it-triq li twassal għall-verità u l-ħelsien sħiħ. Nitolbu.
Missier, li minnek ġejja kull setgħa fis-sema u fl-art, żomm idejk fuq is-setgħanin tal-art, biex iħaddmu s-setgħa tagħhom għall-ġid tal-bnedmin kollha. Ngħidu flimkien.
Nitolbu għall-bnedmin kollha, b’mod speċjali dawk li huma mifnija mill-gwerer, mit-tbatija, u l-persekuzzjoni: sabiex terġa’ tirrenja mill-ġdid fosthom il-paċi u l-ġustizzja. Nitolbu.
Nitolbu għalina lkoll li rċivejna l-grazzja tas-Sagrament tal-Magħmudija, sabiex filwaqt li nroddulek il-ħajr li ħtartna għalik: nitolbuk tkompli ssaħħaħna u ddawwalna, ħalli naqdu kif jixraq l-obbligi tagħna. Nitolbu.
Mulej tal-ħniena, xerred il-grazzja tiegħek fuq il-morda, dawk li huma mnikktin, u dawk li jħossuhom weħidhom: ieqaf magħhom u farraġhom. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru