Insellimlek Dieg!

Għadni tiela’ l-kamra wara li ħadt sehem fil-funeral sabiħ li kellek fil-Knisja fejn qattajt snin kappillan, jiġifieri dik tat-Trinità Qaddisa. Posti fuq il-presbiterju kien wara nett, sewwa sew fuq in-naħa tal-ambone tal-artal maġġur. Tgħidlix xi statwa kelli eżattament fuq rasi. Li naf kien li barra li tlabt li ma taqax fuq rasi u tħallini tal-post aqta’ kemm striħajt waqt li ma’ ħuti u ħutek il-patrijiet u l-qassisin ikkonċelebrajt fil-quddiesa li fakkritek. Ifhem Dieg, kont ili mqajjem mill-ħamsa u kwart ta’ filgħodu biex niġi l-Kunvent wara erbat ijiem ta’ ħidma bla heda fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Ftakart fik kemm ħdimt

Anki int, għażiż ħija u ħabib Diegu, kont tabilħaqq bniedem li dejjem għaddej. Il-kelma “mistrieħ” tassew li ma kontx taf xi tfisser! Minn naqra li nafek meta kont postulant, novizz u student, mela meta kont għadni fil-formazzjoni tal-bidu għall-ħajja Kapuċċina, dejjem kont nafek trid ittajjar in-nar. Ħafif, ilvent u dejjem involut f’tant ħidmiet organizzattivi biex il-parroċċa li kienet f’idejk tieħu ħsiebha kif imiss, skont il-qalb ta’ Kristu.

F’dan kollu, għażiż ħija Diegu, kemm tfakkarni f’dak li jikteb San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu meta jgħid: “Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mill-glorja li għad trid tidher: irgħu l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa tal-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi tkunu eżempju tal-merħla” (1 Pt 5:1-3).

Għad-dehra ta’ daqstant nies għall-funeral tiegħek stajt nara tabilħaqq kemm kont bniedem li moħħok u qalbek kienu joħlomu u jgħixu mal-qalb tal-Maħbub u l-Feddej tiegħek, Ġesù. U dawn in-nies kollha li kienu preżenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajtek, bilfors li f’xi ħin jew ieħor f’ħajjithom fik esperjenzaw it-tjubija u l-għana bla qjies ta’ qalb Kristu għalihom. Ilkoll intebħu f’dak li int tant ħabbart b’kelmtek u, b’wisq aktar, b’ħajtek: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). U għax Kristu għex tassew fik stajt tħeġġiġna, għax ġarrabtha int, biex nintelqu għall-kura tiegħu. Ħeġġiġtna, għażiż Diegu,  bi kliem l-Appostlu Pietru daqs erba’ versi l’isfel minn dak li diġà ikkwotajna aktar ‘il fuq f’din it-tislima tagħna lilek: “Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom”(1 Pt 5:7). Il-fidi u l-fiduċja qawwija li kellek fl-Imgħallem tiegħek wasslitek biex tgħix ħajtek b’rasek imserrħa “ma’ sider Ġesù” (Ġw 13:23).

Vicin in-nies

Ħafna baqgħu jiftakruk bħala l-Patri dejjem biċ-ċoqqa. Int kont wieħed minn dawk il-patrijiet fejn iċ-ċoqqa fuqek tant kemm rabbiet l-għeruq li l-ebda riefnu ma seta’ iċċaqlaqha, iqaċċatha u jarmiha ‘l bogħod ‘il bogħod. Kemm din iċ-ċoqqa mqaddsa kapuċċina seħbitek fid-dawl u fid-dlam, f’waqtiet sbieħ leqqiena u anki f’oħrajn mimlija dell u toqol it-tbatija. Kulħadd kien jafek bħala “il-kappillan”. Għax lil dan il-kappillan kont tfittxu u ssibu. Tħabbatlu u jiftaħlek. Titolbu u jagħtik. Anzi, bħal Franġisku t’Assisi qablu, dan il-kappillan kien jippriedka ħafna u ħafna bil-preżenza tiegħu, b’dik iċ-ċoqqa tal-faqar, tas-sempliċità u tal-ferħ u s-sliem Franġiskan.

Għażiża ħija Diegu, l-għaliex kont dak “il-qaddej fidil u għaqli … li s-sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel”(Lq 12:42), int kont viċin il-poplu ta’ Alla fil-waqtiet fejn riedek biex tmantnieh bil-Ġisem u bid-Demm tal-Mulej Ġesù. Issuktajt iżżid u issaħħaħ din il-viċinanza tiegħek meta qattajt żmien ma’ ħutna x-xjuħ fid-Dar St Vincent de Paul. Anki hemm, minbarra l-Ewkaristija Mqaddsa u s-Sagrament tal-Qrar, bħalma wettaqt b’tant imħabba fiż-żewġ parroċċi fil-Marsa u li tagħhom it-tnejn kont kappillan tabilħaqq ħabrieki, max-xjuħ tagħna issuktajt titmagħhom bl-abbundanza tal-fejqan, kif imfisser biż-żejt tad-Dilka tal-Morda.

Kemm tassew il-preżenza sabiħa tiegħek kienet ta’ wens, imħabba, dedikazzjoni u akkumpanjament mimli tilja sliem għalihom!

Żejnek b’kelma qawwija

U min għidli, kien isemmi lil Patri Diegu u ma jsemmix ukoll, u b’tant qawwa u persważjoni tal-Ispirtu s-Santu, kemm kien predikatur tajjeb! Hawn xi Knisja li int ma mortx fiha u ma nsiġtx xi paniġierku li baqa’ jissemma’ saħansitra sallum wara tant għexieren ta’ snin? Min jista’ jinsieha l-kelma mirquma li biha kont tinkolla tant u tant nies ma’ qalb Kristu biex jisimgħuk minn qalbhom u hekk jiddeċiedu li jibdlu ħajjithom?

Għażiż Diegu, kemm narah jgħodd għalik il-kliem li ma jmut qatt u li nsibu miktub għalina sewwa sew fis-Salm 119: “Imbierek int, Mulej! Għallimni l-kmandamenti tiegħek. B’xufftejja jiena nxandar id-digrieti kollha ta’ fommok. Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek, daqs kieku kelli l-għana kollu. Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb, u nżomm għajnejja fuq triqatek. Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq, qatt ma ninsa l-kelma tiegħek” (S 119:12-16). Min kien jisimgħek ma kienx jerġa’ idur lejn il-Mulej ħalli jiskopri mill-ġdid il-ferħ kbir li kien iħoss meta jimxi fit-triq tiegħu? Ma kienx jieħu deċiżjoni soda u għajnejh kien jiffissahom fuq triqet l-Imgħallem u l-Feddej tiegħu Ġesù? F’kelma waħda, ma kienx jinduna bl-opportunità tad-deheb li l-grazzja tal-Mulej fik kienet tpoġġilu fuq platt tad-deheb, jiġifieri dik li jitgħaxxaq bil-kelma tal-Mulej u ma jinsieha qatt tant li jħalliha tibdillu ħajtu?

Ħajtek miġbura fi kliem qaddis li kont tħobb

Ħallini nħallilek l-aħħar kelma f’idejk, għażiż ħija Diegu, fi kliem San Ġwann Marija Vianney, saċerdot qaddis li tant ħabbejt:

“Uliedi, ġibu quddiem għajnejkom illi t-teżor tan-Nisrani mhuwiex fuq din l-art, imma fis-sema. Mela għandna nżommu ħsibijietna fejn hemm it-teżor tagħna.

Dan hu d-dmir u l-uffiċċju ħelu tal-bniedem: li jitlob u jħobb. Jekk titolbu u tħobbu, araw, dan hu tabilħaqq l-hena tal-bniedem fuq din l-art. It-talb mhux ħaġ’oħra ħlief l-għaqda tagħna ma’ Alla. Min għandu qalbu nadifa u marbuta ma’ Alla jħoss bħal għaxqa u ħlewwa tal-għaġeb, u madwaru jxerred dawl liema bħalu. F’din l-għaqda sħiħa, Alla u r-ruħ isiru qishom żewġ xemgħat imdewba f’waħda u ħadd ma jkun jista’ jifridhom iżjed. Kemm hi ħaġa sabiħa din l-għaqda ta’ Alla mal-ħlejqa ċkejkna tiegħu! X’ferħ kbir li ħadd ma jista’ jifhmu! Aħna konna sirna nies li ma jistħoqqilhomx jitolbu: imma Alla, ta’ tajjeb li hu, ħalliena nkellmuh. It-talb tagħna huwa inċens ta’ fwieħa li togħġbu mill-iżjed. Uliedi, intom għandkom qalbkom ċkejkna, imma t-talb iwessagħhielkom u jagħmilha li tkun tista’ tħobb lil Alla. It-talb iħallina nduqu s-sema minn issa stess, iniżżlilna biċċa mill-ġenna. Qatt ma jċaħħadna mill-ħlewwa tiegħu; għax hu qisu għasel li jixxerred fir-ruħ u jagħmel kollox ħelu. Fit-talb, meta jsir sewwa, it-tbatijiet kollha jinħallu bħas-silġ fix-xemx. It-talb jagħmel ukoll li ż-żmien itir ħafif, b’ferħ kbir għall-bniedem, li anqas jintebaħ li ż-żmien għaddej. Isimgħu din: meta jien kont kappillan fi Bresse, darba sħabi kważi kollha mardu, u għalhekk kien ikolli nagħmel mixjiet twal; imma fit-triq kont nitlob lis-Sid twajjeb tagħna, u, kif ngħidilkom jien, il-ħin xejn ma kont narah twil. Hemm ukoll xi wħud li jegħrqu għal kollox fit-talb qishom ħuta fl-ilma, għax huma mogħtijin kollhom kemm huma lit-tjieba ta’ Alla. Lil dawn ma ssibilhom ebda firda f’qalbhom”.

Dieg hekk se nibqa’ niftakrek, għax hekk inħoss li aktar nista’ inkun nafek tabilħaqq: il-bniedem li titlob u tħobb! Il-bniedem tal-għaqda! Il-Patri tal-poplu! Insellimlek Dieg!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading