M’hu ħa nħallik qatt!

Is-sajf tas-sena 2023 f’ħajti se jibqa’ mfakkar bħala s-sajf tal-paniġierċi lill-Madonna li l-Mulej tani nagħmel kemm f’San Ġwann u kif ukoll f’Marsaxlokk.

Ħallieha li skont l-ordni tal-kalendarju dak f’Marsaxlokk jiġi l-ewwel wieħed. Dan l-għaliex il-paniġierku sar nhar il-Ħadd 30 ta’ Lulju 2023 filwaqt li dak ta’ San Ġwann ġie minsuġ nhar is-6 t’Awwissu 2023. Hu ovvju l-għaliex għażilt li nibda’ minn dak ta’ San Ġwann. Dan hu raħal twelidi. Ngħid raħal għax hekk beda, raħal ta’ ftit raħħala mxerrda ‘l hawn u ‘l hemm. Kienu jgħidulu l-Imsieraħ. Il-post kien jgħaxxqek bin-natura li kien fih. Ħafna huma dawk li jgħiduli li għalihom San Ġwann kien il-post tal-passiġġjati fejn, ta’ tfal li kienu, kienu jeħduhom fih. Oħrajn kienu jmorru l-Imsieraħ biex jilgħabu l-futbol.

Jien stess, meta kont żgħir, mhux ‘il bogħod wisq mid-dar tal-għażiż missieri, Alla jaħfirlu, u ta’ l-għażiża ommi u li għadha mimlija bil-għomor, kont immur nilgħab il-futbol fl-għalqa. Għadni nisma’ lil ommi tippriedkali: Mario, tixrobx il-kiesaħ wara li tilgħab! U daż-żgur! Għax jekk Mario jixrob il-kiesaħ dritt griżmejh jibdew juġugħ u sidru jimtela’ bil-katarru!

Il-paniġierku f’San Ġwann

Din is-sena, għalija, tibqa’ immarkata f’ħajti bil-paniġierku li tani l-Mulej f’San Ġwann. L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzja lill-kappillan tagħna, Patri Bertrand Vella OFM Cap li stedinni nagħmlu. Għalija kien mument li m’hu ħa ninsieh qatt! U, biex żgur dan il-mument jibqa’ imnaqqax fl-istorja ta’ ħajti u t-tifkira tiegħu tibqa’ għal dejjem, kelli l-grazzja li nirrekordjah fuq il-mowbajl tiegħi.

Kemm tħarriġt fuq li tħarriġt biex nitgħallem sewwa l-programm ta’ kif kelli nirrekordja! Veru li l-quddiesa bil-paniġierku ġabuha fuq il-Facebook, imma li jkolli r-recording tiegħu personali hi dejjem xi ħaġa sabiħa u għażiża. Għalhekk, aqta’ kemm rajt u erġajt rajt biex nirrekordja sewwa. L-aktar fl-aħħar mument deċisiv fejn kelli nagħżel save u MHUX cancel u hekk dak kollu li ilni naħdem għalih narah isir suf quddiemi bi klikk żbaljata u fatali!

Barra minhekk, il-kuntest li fih sar il-paniġierku kien speċjali u partikulari wkoll. Din is-sena qed niċċelebra l-għoxrin anniversarju minn mindu l-Mulej tani l-grazzja li jikkonsagrani saċerdot tiegħu minn idejn il-mibki Mons. Ġużeppi Mercieca, l-Arċisqof ta’ Malta. Il-jum kien ukoll għoxrin filwaqt li x-xahar kien Ġunju. Biex tissokta tgħaqad l-istorja, nhar is-6 t’Awwissu 2023 kien ukoll l-għoxrin anniversarju li fih kont qaddist il-quddiesa tar-ringrazzjament tiegħi għall-ordinazzjoni saċerdotali proprju fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġwann, iddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes. Fl-aħħar nett, din is-sena taħbat ukoll it-tletin sena minn mindu bdejt il-postulandat tiegħi fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini fil-Kalkara.

Mela, u kif inħobbu ngħidu aħna l-Kapuċċini Maltin, din kienet għalija sena ta’ festi kbar, waħda wara l-oħra. B’dan kollu f’qalbi u f’moħħi u mal-fatt li jien Ġwanniż, tistgħtu taħsbu b’liema pressjoni tad-demm tlajt fuq dak l-ambone ħalli ninseġ il-paniġierku. Imnalla li, meta tlajt u poġġejt il-mowbajl bil-programm tar-recorder miftuħ quddiemi stedint lill-miġemgħa sabiħa li kelli quddiemi biex miegħi nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jkun hu l-King u Dak li jispirana, imexxina u jiftħilna qalbna għall-kelma fejqana u li tikkonsla tiegħu!

Paniġierku bi storja għalih

Paniġierku altru tiktbu u altru tippriedkah. L-aktar meta l-kitba tkun twila u jkollok tgħidha f’20 minuta! Tista’ ħmistax il-paġna ittajpjata b’fonts 12 Times New Roman, b’paragrafi ta’ space wieħed, tgħidhom f’20 minuta? Ir-raġuni tiegħi tgħidli li żgur li ma tistax.

Madankollu, f’dan il-waqt, ġie quddiem għajnejja ktieb partikulari isfar dwar l-istorja ewropeja u li għalliem tal-Mużew kien sellifni meta kont għamilt l’O Level tal-European History tal-London. Għadni niftakar li dan il-ktieb, ħdejn kull paragrafu tiegħu, fuq in-naħa tal-lemin, kellu biss tlieta jew erba’ kelmiet li kienu ċ-ċavetta għall-kliem kollu ta’ dak il-paragrafu. Misjuq minn dan l-għerf prattiku dan hu li għamilt: ktibt daqs tlieta jew erba’ kelmiet ħdejn il-paragrafu mħallam li kelli fit-test tal-paniġierku. Hekk, f’dawk l-għoxrin minuta li kelli għad-diżpożizzjoni tiegħi, stajt insemmi l-qalba tal-argument ta’ dak il-paragrafu fi ftit kliem. Wara kollox, San Franġisk Missierna, mhux hekk wissiena fit-twissijiet tiegħu, jiġifieri li nippriedkaw bi ftit kliem għax Ġesù bi ftit kliem ippriedkalna hawn fl-art? Kemm kien għaqli u intelliġenti l-fqajjar t’Assisi hux!

Paniġierku li qanqalli tifkiriet sbieħ

F’dan il-paniġierku l-Ispirtu s-Santu tani grazzja li niftakar u nfakkar tifkiriet tassew sbieħ u li seħħew fil-parroċċa ta’ San Ġwann. Nixtieq hawnhekk infakkar il-ġrajja meta l-Mulej, permezz tal-mibki Patri Kassjan Tabone OFM Cap, fetaħli t-triq biex nimxi warajh fuq il-passi ta’ Missierna San Franġisk.

Il-ġrajja ma ninsieha qatt. Niftakarha sseħħ wara qrara li għamilt għand l-istess Patri Kassjan fil-konfessinarju li kien hemm fis-sagristija tal-knisja tagħna f’San Ġwann, eżattament biswit il-bieb li jagħti mill-kunvent għas-sagristija u mis-sagristija għall-kunvent. Niftakar li kien jum l-Erbgħa, wara l-quddiesa tas-6.30 pm. Eżattament wara l-qrara, Patri Kassjan dar lejja u qalli: Mario, int tixtieq tkun saċerdot Kapuċċin?

Għalkemm ma kontx qed nistennieha mistoqsija bħal din imma, fil-fond ta’ qalbi, kienet din il-mistoqsija li tassew kont qed nistenna. Kemm xtaqt li xi Patri jistaqshieli! Dan hu li dejjem xtaqt, sa minn meta kont daqxejn ta’ tifel ta’ ħames snin. Mingħajr ma qgħadt naħsibha darbtejn għedtlu bil-ferħ kollu: Iwa! Nixtieq!  

Tbissima sabiħa ta’ ferħ dehret tilma fil-wiċċ ta’ Patri Kassjan. Ħalli f’idejja, qalli. Ejja mmorru nċemplu lil Patri Joe Giuliano li għadu kemm sar responsabbli mill-vokazzjonijiet, ħatafni fil-pront Patri Kassjan. Morna fl-uffiċċju tal-kappillan, ftaħna u dħalna. Qabel qabad ir-riċevitur ħa jċempillu dan il-Patri qaddis u umli dar lejja u qalli: Issa ismagħni x’ħa ngħidlek. Ara li jkollok tlett imħabbiet f’ħajtek: l-imħabba lejn Ġesù Ewkaristija, l-imħabba lejn Ommna Marija u l-imħabba lejn San Franġisk.

Ċempilna. U, Patri Joe Giuliano OFM Cap, b’dik il-ħlewwa, l-umiltà u l-imħabba ta’ veru Kapuċċin mill-ewwel laqagħni fil-grupp tal-vokazzjonijiet. Minn żmien il-Għid tal-1986 f’ħajti daħlet il-grazzja tal-Mulej u l-ferħ veru li dejjem xtaqt li jkolli f’ħajti. Minn dakinnhar, minkejja t-tlajja’ u l-inżul tiegħi bħal kulħadd, stajt ngħid lill-ħolqien kollu, b’qalbi mimlija ferħ u hena: Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem li jistkenn fih (S 34:9).

Il-qawwa tal-mużika

Il-paniġierku f’ġieħ il-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann kien ikkaratterizzat minn kanzunetta qawwija li, aktar ma smajtha, aktar issuktat tibdilli qalbi u toħroġli xmajjar ta’ dmugħ minn għajnejja. Ismagħha int ukoll billi tidħol You Tube u ikteb: Canzone di Bernadette – Chanson de Bernadette. Qed ngħaddilek minn qalbi l-kliem maqlubin għall-Malti mill-ilsien Franċiż ta’ din il-kanzunetta, li hija t-talba ta’ Bernadette lil Ommna Marija, u li kienet fis-sound track originali tal-miniserje televiżiva Lourdes, diretta minn Lodovico Gasparini, bi produzzjoni ta’ KirchMedia, Lux Vide u Rai Fiction (Italia/Franza 2000).

Ix-xemx li ssaħħan lil ġismi u tfejqu,

l-ilma frisk li jaħji l-ħolm tiegħi u jsaffini,

l-arja li ġarrittni u żżommni ħajja,

fl-għodwa sejjaħtli u f’daqqa jien ħriġt,

fil-għodwa int ridtni, u jien mill-ewwel imxejt warajk.

Il-ferħ tiegħek bħal xmara kbira li tgħaddi mill-vini tiegħi

Iddawwal, tinfed lil qalbi mingħajr tbatija,

In-nifs ta’ leħnek jimlini u jinvadini

Fl-għodwa dehert, f’daqqa waħda t-tama tbissmittli,

Fl-għodwa kellimtni, imlejtni bl-imħabba.

Int il-leħħa ta’ tfuliti, id-dawl tal-fidwa tiegħi,

Inħossni ħafifa fil-preżenza tiegħek, ferħana ħafna li għoġobtok.

Nar ħelu li jaħraq ħobżi mingħajr ma jaħraqni,

l-ikħal li jaqta’ l-għatx lil ruħi li malajr tmut bil-għatx,

ir-riħ li jheżżeż lis-siġar u jsibli l-mogħdija,

fil-għodwa tlaqt, u qatt mhu ħa nerġa’ lura,

fil-għodwa ħallejt kollox, qatt mhu ħa nħallik.

It-Talba tagħna

Lanqas jien u int m’hu ħa nħallu lil Marija f’ħajjitna. Ejjew nitolbuha kuljum, b’imħabba kbira ta’ uliedha li aħna: O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija. U din flimkien ma’ ħames posti Rużarju li jġibhulna l-ġenna f’qalbna. Bilħaqq ir-Rużarju ssibu billi tikteb fuq google You Tube Rużarju.

Madonna, m’hu ħa nħallik qatt!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading