Għalkemm kulħadd iħabbat wiċċu ma’ mumenti ta’ disperament, jew jaf nies li tilfu t-tama, “L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù dejjem iġib it-tama,” qal il-Papa Franġisku nhar is-Sibt filgħaxija fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura. “Hu jqajjimna kontinwament mill-irmied tal-mewt u jagħtina s-saħħa biex nibdew mill-ġdid.”
Fl-omelija li għamel għall-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, li timmarka wkoll il-konklużjoni tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, l-Papa Franġisku rrifletta fuq ir-rakkont tal-Evanġelju tal-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Marta wara l-mewt ta’ ħuha Lazzru. Bi tweġiba għall-professjoni ta’ fidi ta’ Marta fil-qawmien tal-mejtin fl-aħħar żmien, Ġesù assiguraha li Hu nnifsu Hu l-qawmien u l-ħajja, u jistaqsiha, “Temmnu dan?”
Din is-silta tal-Evanġelju pprovdiet it-tema għall-Ġimgħa ta’ Talb ta’ din is-sena, u tgħallimna qal il-Papa, “li anke fi żminijiet ta’ deżolazzjoni profonda, m’aħniex waħedna u nistgħu nibqgħu nittamaw”. U dan huwa mportanti mhux biss f’ħajjitna stess, iżda wkoll “għall-ħajja tal-komunitajiet Insara, tal-knejjes tagħna, u tar-relazzjonijiet ekumeniċi tagħna,” qal il-Papa. Jekk xi darba nħossuna maħkuma jew skuraġġuti, Ġesù madankollu jiġi għandna u jgħidilna: “Nemmnu dan?” U l-Papa Franġisku reġa’ tenna “Nemmnu li Hu l-qawmien u l-ħajja?” Il-Qdusija Tiegħu qal li l-messaġġ ta’ tama tal-Evanġelju “huwa fil-qalba” tas-Sena tal-Ġublew. Din it-tama, li ġejja mill-Ispirtu s-Santu, hija wkoll il-pedament tal-mixja ekumenika.
Il-Papa Franġisku nnota wkoll li l-2025, se jaħbat l-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea, l-ewwel mill-Konċiliji Ekumeniċi l-kbar, li pproduċa l-Kredu Niċean. Dan il-kredu, qal il-Papa, “huwa professjoni komuni ta’ fidi li titraxxendi l-firdiet kollha li ċartu l-Ġisem ta’ Kristu matul is-sekli”; u l-anniversarju tal-proklamazzjoni tagħha, “opportunità għall-insara kollha li jirreċitaw l-istess Kredu u jemmnu fl-istess Alla”. Il-Papa esklama:
“Ejjew niskopra mill-ġdid l-għeruq komuni tal-fidi. Ejjew inħarsu l-għaqda!”
Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku ħa l-okkażjoni biex iġedded l-appell tiegħu biex l-Insara jaħdmu flimkien “biex jagħmlu pass deċiżiv ‘il quddiem lejn l-għaqda madwar data komuni għall-Għid,” hekk kif innota li din is-sena, l-Għid jaqa’ fl-istess data kemm għall-Kalendarju Ġiljan, kif ukoll dak Gregorjan.
Fi tmiem ir-riflessjonijiet tiegħu, l-Papa Franġisku nsista, “F’Ġesù, t-tama hija dejjem possibbli,” u hu Ġesù “li jsostni t-tama tagħna hekk kif nimxu lejh f’unità”. Meta rritorna għall-mistoqsija ta’ Ġesù lil Marta, l-Papa Franġisku staqsa: “Temmnu dan? Nemmnu fil-komunjoni ma’ xulxin?”
U temm l-omelija tiegħu bl-eżortazzjoni: “Għeżież ħuti, dan huwa ż-żmien biex nikkonfermaw il-professjoni tagħna ta’ fidi f’Alla wieħed u biex insibu fi Kristu Ġesù t-triq għall-għaqda…. ejjew ma niddejqu qatt nagħtu xhieda, quddiem il-popli kollha, tal-Iben waħdieni ta’ Alla, l-għajn tat-tama tagħna kollha.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2025-01/pope-jesus-sustains-our-hope-as-we-journey-toward-him-in-unity.html