Il-Papa Franġisku jappella għall-paċi fis-Sudan u l-Kolombja.

Wara t-talba tal-Angelus, tal-Ħadd 26 ta’ Jannar 2025, il-Papa Franġisku nieda appell għat-tmiem tal-kunflitt fis-Sudan, li bda f’April 2023, u qal li qed jikkawża “l-iktar kriżi umanitarja severa fid-dinja, b’konsegwenzi drammatiċi anke fis-Sudan t’Isfel”.

Huwa stieden lill-partijiet li qegħdin fi gwerra fis-Sudan, biex iwaqqfu l-ġlied u joqgħodu bilqegħda fuq mejda tan-negozjati, u appella lill-komunità internazzjonali biex tappoġġja t-taħdidiet ta’ paċi u tiffaċlita l-għajnuna umanitarja. “Ninsab qrib il-popli taż-żewġ pajjiżi u nistedinhom għall-fraternità, u għas-solidarjetà, biex jevitaw kull forma ta’ vjolenza, u ma jħallux lilhom infushom jiġu manipulati,” huwa qal.

Il-Papa Franġisku esprima wkoll it-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Catatumbo fil-Kolombja, fejn ħafna nies ċivili nqatlu minn ġlied bejn gruppi armati, u li sfurzaw ‘il fuq minn tletin elf ruħ biex iħallu djarhom. “Nesprimi l-qrubija tiegħi lejhom u nitlob għalihom,” qal il-Kap tal-Knisja Kattolika.

Il-Qdusija Tiegħu fakkar il-Jum Dinji tal-Lebbra, u ħeġġeġ lil kulħadd biex jintegra lil dawk li qed ibatu mill-Marda ta’ Hansen fis-soċjetà.

Qabel il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst, il-Papa nnota li din is-sena nfakkru 80 sena mill-ħelsien tal-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz. “L-orrur tal-isterminazzjoni ta’ miljuni ta’ nies Lhud u oħrajn ta’ twemmin differenti matul dawk is-snin qatt m’għandu jiġi minsi jew miċħud,” qal, filwaqt li fakkar fl-eżempju tal-poeta Ungeriża Edith Bruck, u li llum qed tgħix Ruma.

Ħafna nsara, żied jgħid, inqatlu wkoll f’kampijiet tal-mewt tan-Nażisti, “fosthom kien hemm bosta martri.”  Il-Papa Franġisku stqarr: “Inġedded l-appell tiegħi biex kulħadd jaħdem flimkien biex tinqered il-pjaga tal-anti-Semitiżmu, flimkien ma’ kull forma ta’ diskriminazzjoni u persekuzzjoni reliġjuża. Flimkien, ejjew nibnu dinja aktar fraterna, ġusta, li nedukaw liż-żgħażagħ biex ikollhom qalb miftuħa għal kulħadd, fl-ispirtu ta’ ftaternità, maħfra u paċi.”

Fl-aħħar, il-Papa sellem lill-professjonisti kollha tal-midja li ġew Ruma biex jipparteċipaw fil-Ġublew għad-Dinja tal-Komunikazzjoni. U ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex “dejjem ikunu narraturi tat-tama.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2025-01/pope-francis-appeal-peace-angelus-sudan-colombia-south-sudan.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading