Fl-aħħar ta’ Ottubru 2024, xita qawwija għarrqet il-belt Spanjola ta’ Valencia, u qatlet madwar 230 ruħ, u kkawżat ħsarat kbar fil-proprjetà. Eluf ta’ voluntiera u organizzazzjonijiet (NGO) assistew lil dawk milquta minn wieħed mill-aktar diżastri naturali u fatali ta’ Spanja.
Il-Ħamis 30 ta’ Jannar 2025, tliet xhur wara, l-Papa Franġisku ltaqa’ mas-seminaristi, formaturi, u isqfijiet tal-Arċidjoċesi ta’ Valencia, flimkien ma’ diversi djoċesijiet Spanjoli oħra, għal udjenza fil-Vatikan. Il-Papa Franġisku beda d-diskors tiegħu, billi dar għal dak l-avveniment li mess ħajjithom: “Il-maltemp ma kienx biss fenomenu mhux tas-soltu li aħna nittamaw li ma jerġax iseħħ; imma hija l-estrapolazzjoni ta’ dak li kull bniedem jesperjenza meta jiffaċċja telfa, iħossu waħdu, spostat, u fil-bżonn ta’ appoġġ biex jimxi ‘l quddiem.”
Il-Qdusija Tiegħu qal lir-rwol tas-saċerdot huwa li “jgħaqqad lil dawk b’qalbhom maqsuma” u jipprovdi appoġġ spiritwali lin-nies fost id-diżastri kbar u żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Huwa ammetta li sabha diffiċli biex jesprimi s-sentimenti tiegħu meta ħaseb dwar l-uġigħ li esperjenzaw ir-residenti ta’ Valencia hekk kif iċċelebraw il-Milied wara l-għargħar. “L-uġigħ u niket tagħkom, li minkejja l-ħruxija tiegħu, jiftaħkom għat-tama, għax billi ġġiegħelna nilħqu l-qiegħ u nħallu warajna dak kollu li deher li jsostnina, jippermettilna mmorru lil hinn,” qal.
In-nies ma jistgħux jitħallew waħedhom jiffaċċjaw id-dlam, ħeġġeġ il-Papa. Anzi, qal, il-ħidma ta’ tant voluntiera u l-Knisja Kattolika wara l-maltemp kienu espressjonijiet tat-tenerezza ta’ Alla.
Il-Papa Franġisku rrimarka li “t-tama mhix ottimiżmu,” sempliċiment attitudni superfiċjali, iżda t-tama ssejħilna biex nimxu lil hinn mill-frażijiet vojta, imma biex infittxu t-tifsira aktar profonda. “It-tama tagħna għandha isem – Ġesù – Alla li ma kienx iddiżgustat bit-tafal tagħna, u li minflok salvana mit-tafal, sar tafal għalina.”
Kull qassis, żied jgħid, huwa msejjaħ biex isir alter Christus, Kristu ieħor, billi jsir “tafal fil-biki tan-nies. Meta taraw nies imkissra – għax f’Valencia hemm nies imkissrin, li tilfu ħajjithom f’biċċiet – agħtuhom l-biċċiet, fdalijiet, minnkom infuskom, bħalma jagħmel Kristu fl-Ewkaristija,” qal.
Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku stieden lis-saċerdoti futuri ta’ Valencia biex jagħtu lilhom infushom b’xejn, bħalma huma rċevew kollox b’xejn.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2025-01/pope-francis-spain-valencia-seminarians-audience.html
