Nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar 2023 ilkoll qomna maħsudin miż-żewġ terremoti qawwija li saru fit-Turkija u fis-Sirja. L-aħbar kienet doċċa kiesħa għalina ilkoll.
F’dawn l-aħħar jiem, kull darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li nidħol fi friexi ħa nistrieħ moħħi u qalbi ma jistgħux ma jmorrux fuq dak li seħħ lil dawn ħutna mhux ‘il bogħod ħafna minnha. Dawn ukoll, bħali u bħalek, il-Ħadd 5 ta’ Frar 2023 daħlu jistrieħu biex l-għada min iqum għal jum tax-xogħol, min għall-iskola u min sempliċiment jibqa’ jaħdem mid-dar u d-dar. Xi ngħidu mbagħad għat-tfal iż-żgħar u dawk li għadhom kemm raw id-dawl tad-dinja u anki dawk fi ġwief ommijiethom.
Imma x’ġara? Uħud minnhom ma qamux. Żewġ terremoti qawwija heżżewlhom, jew aħjar, ħarbtulhom ħajjithom darba għal dejjem. Min spiċċa mirdum lanqas jaf kif, min baqa’ ħaj u għaxi mill-ġrieħi li ġarrab, min miet fuq il-post u min, għall-grazzja tal-Mulej, kemm ingiref. Imma l-girfa l-kbira saritlu u saritilha għax l-weġgħa psikoloġika li ġarrab il-Mulej ħanin biss jrid ifejjqu u jfejjaqha minnha.
Fi ġrajja katastrofika u ta’ swied il-qalb bħal din iqumu ħafna mistoqsijiet. L-ewwel mistoqsija li, b’mod naturali, toħroġ minn fommna hi din: Għaliex il-Mulej, li hu mħabba, jippermetti dawn il-ħwejjeġ li jsiru? Mietu tant nies innoċenti? Inħasdu tant ħajjiet ta’ nies hekk, kiesaħ u biered? Forsi, quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn, uħud minna sempliċiment jirrabjaw għax jgħidu li l-Mulej ma jimpurtahx minna. Donnu insiena. Ħalliena hekk, ħabta u sabta, puppazzi f’idejn il-qawwa tal-forzi tan-natura.
Imma, u fil-verità, hu l-Mulej li ħalliena jew aħna li ħallejnielu idu? Anki hawn, ma rridx niftaħ xi polemika imma l-għaliex ma għandux jkollna l-kuraġġ u, għal darba, indawru ftit il-mistoqsija rasha l-isfel? Tgħid mistoqsija ta’ din l-għamla m’għandhiex titfagħna ilkoll f’eżami ta’ kuxjenza ħa naraw waħda kif aħna miegħu?
Hu x’inhu l-każ ħaġa innutajt minn dak li rajt fuq it-televiżjoni: in-nies milquta minn din is-sitwazzjoni ma tantx tawni l-impressjoni li qed iħammu jekk Alla kienx ġust jew le li ħalla dan kollu għaddej, qisu mhux hu. Nixtieq naqsam fatt li rajt fuq l-istazzjon CBS li ġagħlni nirrifletti ħafna.
Waqt il-ħidma ta’ salvataġġ fl-inħawi milquta tat-terremot fit-Turkija nstemgħet għajta ġejja mit-tifrik. Mill-ewwel il-ħaddiema tas-salvataġġ lokali bdew ħidmiethom. Biss, qabel bdew iwarrbu l-ġebel, talbu l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili Kanadiżi li, b’kameras apposta, setgħu jillokalizzaw fejn kien kienet il-persuna mirduma. Wara li kkonfermaw fejn kienet il-persuna beda x-xogħol. Ġew immobilizzati terzi persuni li ma kellhomx x’jaqsmu mat-tfittxija u beda x-xogħol. Kienet sabiħa ħafna x-xena meta nstabet din il-mara. Il-ferħ li kien hemm fost dawn il-ħaddiema kien kbir tassew. Meta din il-persuna nħarrġet minn fost it-tifrik ma kienx hemm xi stħarriġ dwar fejn kien Alla f’dan kollu. Li kien hemm kienet ċelebrazzjoni waħda u kbira li din il-mara nstabet ħajja. It-Torok Mislmin għajtu Allah hu l-Akbar.
Inħoss li dan il-kumment għandu x’jgħallimna ħafna, nibda minn l-ewwel wieħed. Kemm se ndum ingerger u nistħet xortija f’ħajti? Kemm se nibqa’ imwaħħal fuq in-negattiv? Għax ma nibdiex nagħmel bħal dawn ħuti u niċċelebra dak li hu sabiħ u ta’ tama? Mhux att ta’ tama li mara tinqala mit-tifrik ħa tkun tista’ tgħix bħalma ngħixu int u jien? Mhux att ta’ tama li din il-mara salvata, minkejja t-trawma li ġarrbet u li forsi min jaf kemm se tibqa’ takkumpanjaha ħajjitha almenu issa tista’ tħares ‘il quddiem b’kuraġġ? Min jaf x’hemm lest għaliha? Li taf żgur hu li issa ħajja u li, bil-mod il-mod, tista’ tħalli l-Mulej jibnilha ħajjitha mill-ġdid.
Mela, fi traġedja bħal din nitgħallmu l-virtù ferm sabiħa tal-gratitudni. Biha ħajjitna tiġi ġenna fl-art, minkejja d-devastazzjoni, il-qerda, l-uġiegħ u għid li trid, li nistgħu ngħaddu minnhom. Mingħajrha, anki jekk qed inkun qed ngħix f’palazz tad-deheb xorta waħda nħossni li qed ngħix f’maqjel mimli ntiena, ħmieġ u ġrieden daqshiex, firien, jiġru u saħansitra jaqbżu fuq saqajja.
Fl-istorja ta’ din il-mara li nqalgħet mit-tifrik il-Mulej għallimni wkoll li anki f’’diżażtri katastrofiċi bħal dawn, fejn is-sitwazzjoni tkun imdallma minn dalma kbira u samma, imma xorta fiha jkun hemm dwal ta’ tama u fejqan. F’din l-istorja, hekk kif din il-mara nqalgħet mit-tifrik il-ħaddiema Torok għannqu lil ħaddiema Kanadiżi magħhom u wara ħadu selfie biex jiċċelebraw dan il-mument hekk sabiħ.
Ma weħlux fuq kemm nies kien hemm mejtin madwarhom u kemm oħrajn tilfu lil xi ħadd għażiż. Mhux l-għaliex ma kienx jimpurtahom minn dan. Li kieku ma kienx jimpurtahom kieku kif wettqu xogħol bħal dak biex isalvaw ħajja ta’ persuna? Mhux il-ħin kollu ħadmu? U wara din l-istorja ma kienux sejrin biex isalvaw il-ħajja ta’ ħaddieħor? Imma, fihom infushom, ħassew li kellhom jiċċelebraw dan il-waqt flimkien. Għax dan kien waqt fejn kien hemm bżonn li jifirħu u jagħmlu festa għax ħajja ġiet salvata. Kemm hi prezzjuża hux ħajja ta’ bniedem!
Is-selfie li ħadu flimkien nissel komunjoni umana mill-isbaħ bejniethom. F’waqtiet bħal dawn, minkejja l-konflitti li jifirduna l-Mulej jagħtina l-grazzja li niġu f’sensina u nikkonċentraw fuq il-fatt li aħna ilkoll bnedmin u membri tal-familja waħda umana. Liema familja m’għandhiex razzez, reliġjon, ilsna, drawwiet, tradizzjonijiet, pajjiżi u x’ma nafx jien. Li tkun bniedem u bniedma hi prezzjuża wisq! Kemm traġedja bħal din seħħilha toħloq komunjoni bejn it-Torok u l-Kanadiżi!
Imbagħad ma nistgħux lanqas ninjoraw il-fatt li quddiem diżażtru naturali ta’ din ix-xorta l-qlub ta’ ħafna pajjiżi nfetħu beraħ. Min jorganizza attiva, min jiġbor il-flus u l-ħwejjeġ u min jagħmel appelli, insomma l-għajnuna bdiet ġejja ġmielha. Kos hux meta l-qalb tinfetaħ l-għajnuna taf tkun terremot ieħor ta’ solidarjetà ta’ mħabba u karità. X’hemm isbaħ li terremot ta’ tifrik, qtil u qerda jiġi, minnu nnifsu, mirdum minn terremot ferm u ferm qawwi u li jdum fiż-żmien ta’ mħabba mill-aħwa għall-aħwa milquta u fil-bżonn.
Dan kollu jwassalni għall-punt ferm importanti li tant tisħaq fuqu Madre Tereża. Meta staqsewha fuq ix-xogħol li kienet qed twettaq mal-fqar u li xogħolha kien biss tassew żgħir quddiem dak il-faqar kollu li kellha quddiem wiċċha, din il-qaddisa ta’ żmienna u ta’ saqajha mwaħħlin mal-art għalkemm qalbha u ruħha kienu ingastati mas-sema, weġbithom hekk: Inħossu li dak li qed nagħmlu hu biss qattra f’oċejan. Imma jekk dik il-qattra ma kinitx fl-oċejan naħseb li l-oċejan kien ikun inqas minħabba dik il-qattra.
Il-qattra tiegħek u tiegħi mhux ħa ssolvi din il-problema kbira li ħutna fit-Turkija u fis-Sirja għaddejjin minnha. Biss, il-qattra tagħna, żgħira kemm hi żgħira, se ġġib id-differenza. Għalhekk ejjew ma nibqgħux lura milli ngħinu, sakemm nistgħu, f’din il-biċċa xogħol u anki f’kull biċċa xogħol oħra b’risq min qed ibati.
Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej li qed jagħtina l-grazzja li ngħinuh f’dawn in-nies u f’kull persuna oħra li tfittex l-għajnuna tagħna. Ejjew nagħmlu dan b’ħafna ferħ u radd-il ħajr. Wara kollox, hi l-qattra tiegħek u tiegħi li se ġġib id-differenza. Imqar f’ħajja ta’ persuna li ma nafuhiex minn Adam. Aħseb u ara mela jekk nafuha. Int u jien qattra f’oċejan. Ejjew nibqgħu nkunu l-qattra f’oċejan li ttejjeb lill-istess oċejan għax mogħni bl-għajnuna tiegħek u tiegħi.
B’dik l-imbierka qattra!
Patri Mario Attard OFM Cap