Bħal għada tletin sena ilu (13)

Dħalna Lourdes. Kien is-Sibt 14 t’Awwissu 1992. It-temp ċombi baqa’ immarkat f’moħħi u f’qalbi. Min jaf? Forsi l-lewn ta’ dan it-temp kien juri dak li kien hemm f’qalbi jbaqbaq f’dak il-mument?

Li naf żgur kien li f’dik is-sena minn ġo qalbi kienet għaddejja tempesta sħiħa. It-tempesta li nħalli kollox biex immur wara Ġesù u nidħol naqdih fi ħdan l-Ordni Franġiskan Kapuċċin. Il-pass kien iebes wisq għalija. Kelli x’inħalli. L-ewwel nett, kelli nħalli l-istill tal-ħajja li kont qed ngħix fih. Id-dar t’ommi u missieri kont kuntent. Minkejja t-tlajja u l-inżul li tgħaddi minnhom kull familja kien hemm waqtiet tassew sbieħ u ta’ faraġ liema bħalu. Barra minhekk, kien hemm ukoll l-esperjenza sabiħa ta’ sentejn tagħlim fl-iskola St Michael tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Anki hawn l-affari kienet sabiħa ħafna. Dejjem b’xi ħaġa ġdida, attrajenti u ta’ tagħlim. Dejjem nipprepara ħa nara x’ħa ngħallem lill-istudenti tiegħi. Għalhekk, il-ħsieb li kont se immur ningħalaq f’kunvent ma kien iferraħni xejn.

Niftakarni nissielet mas-sejħa tiegħi. Biex tgħaxxaqha, il-Provinċjal ta’ dik il-ħabta kien jagħmilli ħafna kuraġġ ħa nidħol għas-sejħa. Imma kif stajt nidħol għal dik is-sejħa daqshekk kbira meta ħajti kienet barra? Insomma, inqbadt bejn Xilla u Karibdi, jew kif inħobbu ngħidu fl-ilsien sabiħ tagħna, bejn il-basla u qoxrietha. U iwa, kif żvolġiet l-istorja, kelli sena fejn bqajt b’riħitha wkoll sakemm il-Mulej għoġbu jerfagħni minn xagħari għax bagħat lil Patri Piju s-sena ta’ wara, jiġifieri nhar il-Ħamis 23 ta’ Settembru 1993, sewwa sew nhar il-ħamsa u għoxrin sena minn mindu kien mar fid-Dar tal-Missier. X’esperjenza qawwija tal-quddiesa li r-RAI DUE taha fis-6.30 pm minn San Giovanni Rotondo, fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja, ġarrabt! Is-sħana kbira li ħassejt nieżla miegħi u l-bikja kbira u minn qalbi li għamilt kienu l-imbuttatura aħħarija biex nidħol mal-Kapuċċini u, wara disa’ u għoxrin sena, għall-grazzja tal-Mulej Ġesù u bl-għajnuna t’Ommu u Ommna Marija, għadni hemm, naqdef bħalma taqdef int fis-sejħa tiegħek.

Minkejja dak it-taqlib sħiħ li kont qed inħoss f’Lourdes, f’dak il-jum tas-Sibt 14 t’Awwissu 1992, xorta waħda ħassejt li posti kien hemm. Ma nafx imma l-post aktar ġibidni biex nitlob. Mort għall-kuruna tal-plastik il-bajda li kont qed inġorr fil-but u ippruvajt nitlob ftit Rużarju. Il-coach waslet Lourdes u ippruvat tniżżilna ħdejn il-hotel. Xmajjar ta’ nies kienu deħlin Lourdes f’dak il-jum. Niftakar li meta inżilna kien hemm Taljan li lil wieħed Malti minn tal-grupp, bl-edukazzjoni kollha, kien qallu: Permesso. Għax, miskin, ried jgħaddi. U l-Malti ħadu fuq demm id-dars għax qallu: U x’permesso permesso! It-Taljan ma fehem xejn imma jien fhimt u tnikkitt. Le sieħbi! Mhux hekk in-nies! Fil-ħajja aħna familja waħda u mhux kulħadd jiġbed għal xawwatu!

Dan l-inċident fakkarni fi storja li kienu jirrakkuntawlna meta kont għadni tal-mużew, ċkejken ċkejken. Fl-infern u fil-ġenna n-nies qegħdin fi kju biex jieklu minn borma li ma nafx kif ħa infisser il-kobor tagħha. Id-differenza qiegħdha li fl-infern min imissu qed jaqbad l-imgħarfa kbira kbira, idaħħalha fil-borma u qed jipprova jitfagħha f’ħalqu. Imma ħej il-brodu mhux f’ħalqu qed jiġi imma bl-imgħarfa qed jaħsel lil ta’ warajh. U ara xi ġlied qed iqum kull darba li xi ħadd qed jersaq lejn din l-imbierka borma daqs illum u għada biex jiekol. L-istorja qed tispiċċa bil-ġlied!

Imma ara tal-ġenna ħi, ħasbuha xorta oħra l-affari. Min imissu jiekol qed jimla’ l-imgħarfa li qed iżomm u biha qed jisqi lil dawk ta’ warajh. Hekk, ma’ kull darba li titpoġġa l-imgħarfa fil-bomra qed jintema kulħadd. Għax fil-ġenna l-prinċipju mhuwiex bħal dak tal-infern, li jiena hu alla sidt tiegħi innifsi imma bil-kontra, li Alla hu Missier kulħadd u allura aħna aħwa ta’ xulxin u nieħdu ħsieb xulxin. B’hekk inżommu lil xulxin fl-għożża tal-aħwa! Tibżax għax id-differenza tinħass. Fil-ġenna ħadt ma jibqa’ b’xejn imma jintema minn xulxin. Hu għalhekk li hemm kulħadd ferħan u Alla jbierku!

B’dan il-ħsieb f’moħħi u f’qalbi li farraġni tgħidx kemm stajt naqbad il-bagalja sewda bil-burdura kaħla tiegħi u nerħilha lejn il-lukanda. Min organizzalna din il-ġita ma setax isibilna post isbaħ u aqwa minn dan. Fil-fatt, dan il-hotel kien jinsab fuq ix-xmara Gave de Pau. Għadni niftakar nidħol fih bil-paviment tal-injam. Kien tabilħaqq pittoresk ix-xogħol. Ovvjament, it-test kellu jkun għal ħin l-ikel. Wara daqshekk sigħat ta’ vjaġġar żaqqi issa kienet qed tgorr sewwa. Riedet timtela. F’dawk iż-żminijiet kont niekol kulma nara b’għajnejja. U int x’jidhirlek minn ġuvni ta’ għoxrin sena li kien jiflaħ jaqleb kantuniera?

Niftakarni nieklu s-soppa, xi perżut, ġobon u ħaxix frisk. Imma ħej dan għalija kien tassew ftit. Għax aktar fetaħli ġuħ ta’ kelb. Insomma, bħalma jiġri dejjem, u forsi din hi s-soluzzjoni Maltija għal dawn is-sitwazzjonijiet xejn faċli ta’ meta tkun għall-ikel u ma tixbax. Ħeqq, il-ħobż kellu jsolvi l-problema. Ħobż biż-żejt u bit-tadam biex forsi nimtlew xi ftit. Sintendi, flimkien mal-orange juice u l-ilma li tawna.

Ma nafx jekk kontx xbajtx minn dik l-ikla li kilt. Li naf żgur hu li minn din l-esperjenza tgħallimt kemm Lourdes jaf ikun post ta’ penitenza, almenu fejn jidħol l-ikel tal-ġisem. Nifhimha li f’post ta’ pellegrinaġġ mhux ħa tippretendi li se tiekol l-oysters.Imma naqra ikel suriet in-nies irid ikun. Għax dak li ġej mill-Mulej irid bilfors ikun suriet in-nies. La darba n-nies ħarġu minnu għax ħalaqhom Hu! Intant …

Wara dik l-ikla pjuttost ħafifa mort ġirja lejn il-Grotta. Niftakarni nidħol minn rixtellu kbir abjad u nintasab fil-kju biex nidħol f’dan il-post qaddis, nitlob talba u noħroġ. Emmnuni li ma nafx xi tlabt f’dak il-waqt. Il-miġja tiegħi f’Lourdes kien mument sabiħ imma ta’ tbatija kbira. Kif diġà għedt, f’dak il-waqt kont bejn ħalltejn x’ħa nagħmel b’ħajti. Kelli sieqi ‘l hawn u ‘l oħra ‘l hemm. Barra u ġewwa. Rabta u mhux. Għalhekk ma nafx x’benefiċċju seta’ kellha fuqi ż-żjara tiegħi f’dan il-post qaddis marjan.

Biss ħaġa nista’ infakkar b’ħafna mħabba u gratitudni: f’dik il-balbuljata kollha ta’ emozzjonijiet u deċiżjonijiet mibdula li minnhom kont għaddej, xorta waħda ħassejtni li kont qiegħed f’post sigur. Il-preżenza t’Ommna tas-Sema ħassejtha tagħtini ħafna kuraġġ. U, f’dak iż-żmien, fejn ir-Rużarju ma tantx kien ħabib tiegħi daqskemm hu illum, bdejt inħoss li lil din it-talba jien kelli nagħtiha aktar ħin u importanza li tassew kienu jixirqulha. Mis-sempliċità tiegħi u minn dak li stajt nifhem, intbaħt bil-qawwa tremenda ta’ din it-talba marjana lil Ommna tas-Sema.

Il-purċissjoni ta’ l-aux flambeaux (il-purċissjoni bit-torċi) fakkrittni kemm jeżiżtu qlub li huma nar għall-Mulej! Fuq l-eżempju stess u qaddis ta’ Ommna Marija! Kemm hawn qlub li lill-Mulej tassew iħobbuh fuq kollox! Għalhekk, kif rajt dawk ix-xemgħat jimlew kull rokna ta’ dak id-dlam li kien qed isaltan f’lejlet Santa Marija, tard filgħaxija, ma stajtx ma niġrix bi ħsibijieti lejn dak li kont nitgħallem fil-mużew. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li aħna għandu jkollna tlett iqlub f’qalb waħda. Jiġifieri, qalb tan-nar għal Alla, qalb tal-laħam għall-proxxmu u qalb tal-bronż għalina nfusna.

U, minn dik il-folla li ma tispiċċa qatt ta’ nies, f’dik illejla tal-purċissjoni bix-xemgħat tal-aux flambeaux, hekk tlabtha lill-Madonna: Madonna, agħtini qalb tan-nar għall-Mulej! Għalkemm ma kellix provi xjentifiċi jekk semgħatnix jew le ħaġa waħda naf: is-sliem daqshekk kbir u ġewwieni li ħassejtu isaltan ġewwa fija f’dak il-waqt, ġagħlni nemmen u nifhem biex nifhem u nemmen aħjar, li Ommna Marija dakinnhar kienet tassew … semgħetni …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading