Bħal għada tletin sena ilu (7)

Il-Mulej tassew tal-ħniena u moħħu biex jara kif lilna se joħroġna mid-diffikultajiet tagħna, basta nemmnu fih. Hekk jien naraha din il-biċċa sabiħa li tani l-grazzja nerġa’ niltaqa’ ma wieħed minn sħabi tal-grupp fuq iz-zuntier tas-Sacre Coeur du Paris.

Niftakar li fit-triqtna lejn Eurodisney, dan il-proxxmu aqta’ kemm qagħad iparla fil-vojt! Ma nafx kemm-il elf xenarju ġabli quddiem għajnejja li seta’ ġara! Diskorsu aqta’ kemm taqqalni u dejjaqni. Ma ippretendejtx li, f’vaganza sabiħa bħal dik, kelli niltaqa’ ma’ dak iż-żibel ta’ kliem! Ta’ żgħażugħ ta’ għoxrin sena, li jħobb is-sabiħ tal-ħajja, profondament ħassejt li huwa normali li bniedem, meta jkun iddiżappuntat, joħroġ mill-istonku tiegħu dak li jkun qed idejqu fil-mument. Anki f’dik l-età pjuttost żgħażugħa, din il-ħaġa kont diġà rajtha bħala ħaġa normalissma. Imma anki f’dan ħuti, fil-lamment minħabba l-inkwiet, kbir kemm hu kbir, dan ukoll għandu l-limiti tiegħu! Għax jekk bniedem se jibqa’ sejjer biha, anki jekk ikollu raġun biex ibiegħ, kif ngħidu bil-Malti, iż-żejjed kollu żejjed! Quddiem dan il-kliem niftakarni nħossni qalbi maqsuma għal dak li ġara u fl-istess ħin irrabbjat għall-kliem żejjed li ingħadli fil-ferrovija lejn Eurodisney. Kliem bħal: Issa naraw jekk niltaqgħux magħhom? Mela int hekk? u ħafna żibel minn dan, jitlef it-togħma tiegħu!Skużi ta! Jekk ġejt tfittixni ma naħsibx li int tant bla ras li ma iffissajtx punt ċentrali minn qabel fejn wieħed jista’ jiltaqa’ ma min ikun intilef x’kull waħda tnejn! Int x’tistenna minn xi ħadd li qatt ma kien ħareġ minn Malta qabel?

Kemm hi rari hux l-kompassjoni! Tafu li anki tletin sena ilu kienet tinħass din il-problema tan-nuqqas tagħha! Aħseb u ara illum mela! Biss, u f’dan ir-rigward, irrid ngħid ħaġa tabilħaqq importanti: fil-ħajja jinqalgħu diffikultajiet. Ikun hemm problemi. Minix ngħid li dawn għandna naħbuhom taħt it-tapit. Inkella x’nies artifiċjali inkunu? Ma rridux ngħixu insulated bil-plastic. Dik mhix ħajja. Imma ejjew ma nkabbruhomx aktar l-affarijiet ħafna aktar milli huma! Mhux aħjar mela jekk nigdmu naqra ilsienna sakemm in-nirien ta’ ġo fina jikkalmaw? Inkella jekk ilsienna ma nrażżnuhx aktar se nissuktaw inferrxu n-nar tal-polemika. U, bħalma tafu, il-polemika tispiċċa aktar tagħmel ħsara milli ġid. Wara kollox, bħalma ġara f’din iċ-ċirkustanza, kien ikun aktar għaqli jekk dan li jkun kien jifraħ li jien instabt milli jagħmel qorti għax intlift!

U jekk, għall-argument, hawn min qed jaqra dawn il-kelmtejn li qed jagħtini l-Mulej illum li jew hu bniedem ta’ fidi inkella jħobb jgħix il-għerf veru li għandna nħaddmu f’kull ċirkustanza tal-ħajja, ħa jisma’ dan il-kliem li ma jmut qatt ta’ Ġesù li jgħid: Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.” għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa... Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’ “ (Lq 15:10.24.32).

Wara din il-battikata, li f’ħafna mill-aspetti tagħha stajna ngħaddu mingħajrhom, it-tour leader, ta’ bniedem matur li hu, ikkalma kollox f’radda ta’ salib. Hekk, ilkoll kemm aħna, dħalna f’Eurodisney. Kien preċiżament nhar it-12 t’April 1992 meta d-Disneyland Paris ġiet uffiċjalment miftuħa. Bħalma tafu daqsi, dan il-post hu, tista’ tgħid, is-saltna tal-ħolm li persuna, żgħira jew kbira, jista’ qatt jgħaddi minn moħħha tul ħajjitha. Wara tletin sena, din is-sena, 2022, qegħdin infakkru t-tletin sena minn mindu Disneyland Paris ġiet miftuħa għall-pubbliku. Kemm żaruha nies f’dawn it-tletin sena? L-istatistiċi jgħidu li mat-375 miljun persuna żaru dan il-post tal-għaġeb. U min jaf lil dawn il-persuni li żaru dan il-post daqshekk sabiħ, maġiku, avventuruż u uniku fl-għażiż kontinent tagħna Ewropew, x’impatt ħalla fuq ħajjithom? Mhux ta’ b’xejn li d-Disneyland Paris hu wieħed mill-aktar postijiet l-aktar imfittxija fl-Ewropa.

U int, bir-raġun, tistaqsini l-mistoqsija l-kbira: L-għaliex? Għax dan il-post joffri tifkiriet li wieħed ma jinsa qatt f’ħajtu u f’ħajjitha. Fil-fatt, il-kittieb u poeta Irlandiż, Oscar Wilde (1854-1900), jgħid li t-tifkira … hi d-djarju li aħna ilkoll inġorru fuqna. Quddiem din il-biċċa għerf kbira tat-tifkira jew il-memorja, ma nistax ma nsemmix xi tifkiriet sbieħ li għadni nġorr minn meta żort il-Eurodisney. L-ewwel waħda hi l-famuża Star Wars Hyperspace Mountain.  Rigward din l-avventura kien hemm l-avviż li min ibati b’qalbu ma setgħax jidħol fiha. Dan l-għaliex din l-esperjenza kienet se tkun wisq stressanti għalih u għaliha. Anki l-qalb li trid tħaddan id-dinja kollha,  għandha l-limiti tagħha. Għadni niftakar meta dħalna fiha. Niftakarni nintrabat mas-siġġu, nilbsu n-nuċċali apposta, jintefa d-dawl u tibda’ l-avventura. Niftakarni qed nara lili nnifsi nogħla ‘l fuq ‘il fuq u mbagħad ninżel ‘l isfel ‘l isfel. Wara dan narani kważi dieħel għal rasi f’muntanja u, fl-aħħar mumenti, narani nerġa’ nogħla kważi kważi fil-quċċata tas-sema.

Hijiex din rappreżentazzjoni mill-aktar fina tal-ħajja? Kemm-il darba inkunu se nidħlu ġo xi ħajt? Imbagħad, proprju fl-aħħar mumenti, xi ħaġa tiġri u f’dan il-ħajt ma nidħlux! U int min qallek li l-ħajja m’hijiex bħal Star Wars Hyperspace Mountain? Dejjem f’riskju? Madankollu, nistgħu ngħixu ħajjitna mingħajr dan ir-riskju? Il-Mulej, b’ħajti stess, il-ħin kollu jgħallimni li min ma jirriskjax fil-ħajja ma jikbirx. Hu fir-riskju li jien nista’ nikber. Għax hemm ninduna ma’ liema naħa jien u fejn irrid nasal u x’qed nagħmel biex nasal fejn nixtieq! Ngħid u nawgura lili nnifsi li dak li nixtieq hu tassew il-veru ġid tiegħi.

Fl-aħħar nett, rigward l-iStar Wars Hyperspace Mountain, nara wkoll l-id tal-Mulej kif taħdem. Mhux Hu li jipproteġina? Mhux Hu li jmexxina? Mhux Hu li jieqaf magħna?Kemm hu sabiħ hux li ma nitilqulu qatt idejh minn tagħna! U, ejjew ma ninsewx ħuti, li fil-ħajja vera, qalbna tiflaħ jew le ikollha taffaċċja l-film rejali tagħha. Mela, jekk qalbi tinkwieta malajr u tpinġi stejjer akbar milli huma mhux aħjar li nafda fil-Mulej? Jekk qed insibha tassew iebsa biex nagħmel dan ħa nissuġġerilek tidħol daħla sa YOU TUBE u ssib is-SURRENDER NOVENA. Din tgħinek ħafna biex il-fiduċja tiegħek fil-Mulej titnissel u tikber aktar fik!

Esperjenza sabiħa oħra u li żgur mhu ħa ninsa qatt, hi dik ta’ Big Thunder mountain: The Wildest Ride in the West. Niftakarni nitla’ fuq dan l-ispeċi ta’ vagun żgħir ta’ din il-ferrovija. Kemm tlajt filgħoli u kemm inżilt fil-baxx! Kemm għaddejt minn kaskati kbar ta’ ilma, f’dan l-ambjent familjari! Kemm ġera u għaqad dan il-vagun ċkejken ċkejken! Interessanti li fil-Big Thunder Mountain, f’din il-ferrovija misterjuża stajt ninżel fil-qalba tal-muntanja leġġendarja għall-vjaġġ tassew eċċitanti ta’ inżul, dawrien f’daqqa u li jieħu sa taħt ix-xmajjar tal-Punent Imbiegħed. U dan kollu jseħħ madwar belt ċkejkna fil-qalba tal-minjieri. U anki jekk fil-vagun stess isseħħ l-isplużjoni li theżżeż l-għar, xorta waħda l-ferrovija tibqa’ għaddejja bil-ġirja tagħha. X’jimpurtaha mill-perikli? Hi tibqa’ għaddejja qisha mhix hi, minkejja l-ħsejjes fil-bokka tal-minjiera u l-friefet illejl. Il-vaguni jitriegħdu filwaqt li x-xmara ‘il fuq tibqa’ għaddejja bil-pass tagħha. Tgħid noħroġ minn hemm ġew ħaj?

Li naf ħuti hu dan … ngħaddu minn xiex ngħaddu, il-ħajja tkompli! …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading