Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.
Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt. (Lq 4:1-13)
2. Riflessjoni/talba:
i. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.
Int għandek dritt!
Int importanti.!
Int kollox.
Iddomina d-dinja
iġbed kollox lejn ħalqek, għas-servizz tiegħek:
ix-xewqat tiegħek biss assoluti.
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
imma meta jikkontempla dak li ħareġ minn fomm Alla
meta juri rispett lejn kull ħlieqa, u jħobb fir-realtà.
Irrifletti:
- Fejn mistieden tirrispetta r-realtà għall-dak li hi?
ii. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.
Nixtieq il-kontroll
quddiem l-imprevedibbiltà tal-ħajja, il-biża mill-oħrajn:
infittex il-poter, insibni skjav.
Nixtieq li niswa’
quddeim il-fraġilità tiegħi, il-biża li jarmuni:
infittex il-glorja tad-dinja, insibni vojt.
Lil Mulej Allla tiegħek adura
u jimlik bil-glorja tiegħU
u jafdak biex tieħu ħsieb il-ħolqien.
Irrifletti
- Liema ħaġa tagħmlek dipendenti fuqha?
Tista’ tipprova timmanipula lil Alla
Iġġibu jaqdi l-proġett tiegħek
Għall-fama, biex tirnexxi, biex taħrab mill-eżiġenzi tal-ħajja.
Tista’ tintelaq f’idejH
Iben maħbub tal-Missier
b’fiduċja fiH f’kull pass li tagħmel.
Irrifletti
- Missier f’idejk nintelaq jiena.
3. Missierna