Ġwanni Pawlu II fil-Kwangu

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U THAILANDIA
QUDDIESA FL-ISTADJU MUNIĊIPALI MUDUNG TA’ KWANGJU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 1984

Għeżież ħuti fi Kristu.

1. Jiena kuntent li ninsab magħkom għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Il-Knisja ta’ Kwangju hija ferħana tilqà fi ħdanha tnejn  u sebgħin membru ġdid bil-konferiment tas-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof.

Dan huwa mument importanti mhux biss għal dawk li se jiġu mgħammda u kkonfermati, imma wkoll għall-komunità kollha nisranija, Il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu jassumi sinifikat ġdid għalikom  ilkoll: “Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”” (Mt 28, 19).

Barra minn dan din il-ġrajja tassumi sinifikat profond ieħor: il-Knisja fil-Korea ħolqot l-okkażjoni għall-Isqof ta’ Ruma biex jippresiedi din il-liturġija u biex jagħti dawn is-sagramenti, Hekk tiġi espressa l- komunjoni tagħkom mal-Knisja ta’ Ruma u mal-Knisja kattolika fid-dinja kollha, Bħala Ragħaj universali tal-Knisja, nesprimi l-apprezzament profond tiegħi lill-isqfijiet tal-Korea li għamluli din l-istedina u lil bosta saċerdoti li ġew biex jikkonċelebraw miegħi. Irrid infaħħar lil Alla flimkien magħkom: huwa qatt ma jieqaf isejjaħ irġiel u nisa ta’ kull età biex jisimgħu l-Vanġelu tas-salvazzjoni u biex jagħtikom it-tweġiba tagħhom fil-fidi billi tagħrfu li Ġesù Kristu huwa l-Mulej u s-Salvatur tagħhom, billi jwasslukom titgħammdu u tgħixu skont ir-rieda tiegħu.

2. Nixtieq nindirizza kliemi lil dawk li se jirċievu l-Magħmudija u l-Griżma, u nirrifletti magħhom dwar is-sinifikat tal-laqgħa tagħhom ma’ Kristu f’dawn is-sagramenti.

L-ewwel qari tagħna tallum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, jiġbor fil-qosor dak li intom, bħala katekumeni, sejrin tisperimentaw. Il-Magħmudija immersjoni fi Kristu: intom midfunin ma’ Kristu fil-mewt tiegħu sabiex tkunu tistgħu teħilsu mid-dnub u timxu f’novità ta’ ħajja. Il-Magħmudija tfisser li l-bniedem il-qadim tagħna ġie msallab ma’ Kristu. Id-dnub huwa meqrud; intom meħlusin mill-iskjavitù tad-dnub.

Din il-“mewt għad-dnub” tfisser twelid mill-ġdid fl-Ispirtu Santu. Intom meħlusin mid-dnub tan-nisel u mid-dnubiet kollha magħmulin qabel il-Magħmudija. Issiru parteċipi tal-qawmien mill-mewt tiegħu, parteċipi tal-ħajja ġdida ta’ Kristu. Bil-kliem ta’ San Pawl, intom “ħajjin  għal Alla, fi Kristu Ġesù” (Rm 6, 11). Ġejtu tixbħu lil Kristu, u sirtu wlied addottivi ta’ Alla permezz tal-grazzja. Intom werrieta tal-ħajja eterna li Kristu wegħdna u li qalà għalina bil-mewt u l-qawmien mill-mewt tiegħu. Dan huwa t-twelid mill-ġdid spiritwali li jiġe regalat lilna permezz tas-sagrament tal-Magħmudija: l-stess twelid mill-ġdid fl-Ispirtu li intom katekumeni se tisperimentaw bl-azzjoni sagramentali simbolika tal-ħasil bl-ilma tal-invokazzjoni tat-Trinità Qaddisa.

Mhemm ebda dubju: dan huwa pass radikali li sejrin twettqu, u naf li rriflettejtu b’mod profond. Jesiġi minnkom li tħallu t-toroq il-qodma tad-dnub biex tgħixu bħala “wlied id-dawl”. U nistedinkom għal fiduċja ferrieħa fil-ħniena u fl-imħabba ta’ Alla.

3. “Tmutu għad-dnub” u “tkunu ħajjin għal Alla, fi Kristu Ġesù” huwa mpenn għal ħajjitkom kollha, u wkoll għall-ġejjieni. Ifisser iżżommu ħielsa, bil-grazzja ta’ Alla, mill-mibegħda u l-għira. Ifisser taħfru lil dawk li għandhom dnub fil-konfront tagħkom. Ifisser tkunu rikonċiljati ma’ xulxin u ma’ Alla, fil-maħfra u fl-imħabba. Imma l-maħfra  hija att ikbar fi qlubna msejkna: tappartieni lil Alla biss. Jien konxju għal kollox dwar il-feriti profondi li jweġġgħu lil qlubkom u lil ruħkom minħabba l-esperjenzi personali u t-traġedji riċenti tagħkom, diffiċli biex jintegħlbu minn punt di vista purament uman, speċjalment għal dawk fostkom li huma ta Kwangju. Huwa propju għal dan li l-grazzja tar-rikonċiljazzjoni ġiet mogħtija lilkom fil-Magħmudija: din hija don tal-ħniena ta’ Alla murija f’Ġesù Kristu li bata u miet u rxoxta għalina.

Din il-parti tal-messaġġ feddej ta’ Kristu tassumi rilevanza partikolari għal dawk li għadhom ippersegwitati mit-tifkira tal-ġrajjiet traġiċi ta’ dan il-post. Imma issa, permezz tal-Magħmudija, ġejtu kkonfermati fix-xbiha u x-xebħ ta’ Kristu, u kull wieħed u waħda minnkom intom imsejħa ssegwu l-eżempju ta’ Kristu, il-paċifikatur veru, mudell ta’ rikonċiljazzjoni perfett. Billi naċċettaw il-konsegwenzi tal-impenn tagħna tal-Magħmudija, insiru strumenti ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi f’nofs il-firda u l-mibegħda. Bħala sinjali effettivi tal-qawwa fejjieqa ta’ Ktistu operanti permezz tagħna, inkunu hekk nistgħu ntaffu n-niket tal-qlub feruti li huma mimlijin ansjetajiet u qrusa. Inkunu nistgħu fl-istess ħin noffru tama lil dawk li huma vittmi ta’ oppressjoni, u nsiru għalhekk strumenti ta’ ħelsien nisrani u sinjali ta’ vera libertà.

4. Ġesù jgħid fil-Vanġelu tallum: “Min għandu l-għatx jiġi għandi u jixrob” (Ġw 7, 37). Katekumeni l-iktar għeżież, bi twemmin f’dan il-kliem ta’ Sidna, ġejtu llum għandu biex tkunu mgħammdin għal ħajja ġdida.

Bilgħatx ta’ dak li huwa sors ta’ ħajja vera, l-antenati distinti tagħkom ħallew kollox biex ifittxu lil dak li huwa kollox. Ukoll qabel ma kienu mgħammda, fil-waqt stess li fih emmnu f’Ġesù, aċċettaw konxjament u minn rajhom li jitilfu ġid, prestiġju, familja, l-istess ħajjithom. Mietu tassew għad-dnub, sal-punt li jmorru jiltaqgħu mal-mewt f’din il-ħajja biex jgħixu biss għal Alla, Missierhom tassew. Din il-profonda kompassjoni filjali, din il-konvinzjoni soda li aħna wlied tal-istess Missier fi Kristu, għaqqdet lill-antenati tagħkom fl-imħabba u tathom fedeltà erojka’ L-ewwel katekiżmi tagħkom u talbkom inxtorbu b’dan l-ispirtu, kif xehed b’mod ċar Paul Youn Chich’ung. Eżatt qabel il-martirju, huwa qal: “Issa li naf li l-Mulej fis-smewwiet huwa Missieri, ma nistax nonqos ngħaddi mingħajr ma nsegwi l-kmandamenti tiegħu”.

5. Barra minn dan billi temmnu fi Kristu intom “misqija fi Spirtu wieħed” (1 Kor 12, 13), kif jgħid San Pawl fit-tieni qari. Dan l-Ispirtu huwa l-Ispirtu ta’ Kristu li niżel nhar Għid-il-Ħamsin, wara l-glorifikazzjoni tiegħu. U huwa dan id-don tal-Ispirtu Santu, sinjal tal-era messjanika, li se tirċievu llum b’mod speċjali fis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Permezz tal-qawwa ta’ dan l-Ispirtu tkunu kapaċi ssegwu kontinwament it-triq li twassal għand Kristu. Il-Griżma hija s-sagrament tat-tqawwija spiritwali, li tiġi biex twettaq it-twelid   mill-ġdid fikom tal-effetti tal-Magħmudija. Fil-Griżma tapprofondixxu l-ħbiberija tagħkom ma’ Alla permezz ta’ żieda tal-grazzja divina.  Din il-grazzja sagramentali se twettaq fikom l-effetti tal-Magħmudija, billi tirrendikom kapaċi tipprofessaw il-fidi tagħkom b’mod qalbieni u biex tiddifenduha, li taċċettaw l-għamar ta’ Kristu, li terfgħu salibkom kuljum u ssegwuh. Bil-karattru sagramentali speċjali tagħha, il-Griżma tirrendikom iktar kompjaċenti ma’ Kristu Profeta, saċerdot u sultan, u se tqegħedkom f’pożizzjoni li tirrendulu xhieda b’mod iktar fidil fil-Knisja u quddiem id-dinja. Se ġġorru fikom għal dejjem is-siġill tal-Ispirtu Santu.

Ħbieb l-iktar għeżież: Fis-sagramenti:  Kristu juri ruħu bħala ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jgħasses u jieħu ħsieb il-merħla li fdalu f’idejh il-Missier li huwa fis-smewwiet. Dan jagħmlu permezz tal-Knisja li tamministra l-Magħmudija u l-Griżma “fil-persuna ta’ Kristu”. F’dan is-servizz sagramentali l-Knisja hija mibnija fl-għaqda tal-Ispirtu Santu, li jopera f’kull persuna għall-ġid ta’ kulħadd.

6. Intom tnejn u sebgħin. Intom mela simbolu tal-mitelf u iktar Koreani li, għall-grazzja ta’ Alla, jiġu mgħammda kull sena biex jidħlu f’ħajja ġdida ma’ Kristu u jsiru xhieda tiegħu. Bl-istess mod li bih Ġesù bagħat tnejn u sebgħin mid-dixxipli tiegħu, tnejn tnejn, biex ixerrdu l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni, hekk ukoll intom se tintbagħatu llum biex tkuna l-ħabbara tiegħu. Id-don tal-ħajja ta’ Kristu huwa don li għandu jkun maqsum ma’ oħrajn bil-gratitudni, sakemm kulħadd ikun jistà jkollu l-milja tal-ħajja.

Bħala kattoliċi, ingħatalkom wirt meraviljuż biex isostnikom, jiggwidakom u jispirakom f’din il-missjoni. L-antenati tagħkom ma llimitawx ruħhom  biex ifittxu l-fidi f’nofs il-persekuzzjonijiet, imma ttrażmettewha lill-oħrajn fil-kondizzjonijiet l-iktar diffiċli u perikolużi, billi spiss għexu bħala persuni soċjalment emarġinati. Irridu niftakru l-apostolat instankabbli ta’ Paul Chong Hasang, u l-qawwa tar-ruħ kbira taż-żagħżugħ Peter Yu Taech’ol. Min qatt se jilqà bħalhom messaġġ li kien jinvolvi konsegwenzi hekk terribbli? It-tweġiba hija sempliċi u ċara ħafna: emmnu fil-messaġġ tal-Vanġelu. Bil-fidi u l-imħabba kbira tagħhom għal Kristu, issuperaw kollox.

Issa jmiss lilkom. Kunu ġenerużi. Kunu qawwija, kunu sinċieri. Fuq kollox, għixu għall-oħrajn bħalma għamel Ġesù: l-Ispirtu tal-Mulej irxuxtat huwa fuqkom. Bħala nsara mgħammdin u kkreżimati, intom imsejħa biex tieħdu sehem fl-Ewkaristija, li hija sors u ċentru tal-ħajja kollha nisranija. Fl-Ewkaristija Ġesù stess isostnikom fit-triq tar-rikonċiljazzjoni u tal-ġustizzja vera, u jmexxikom għall-milja tal-ħajja fis-saltna tal-Missier, fejn hu jgħammar u jsaltan mal-Ispirtu Santu, Alla wieħed għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading