VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U THAILANDIA
QUDDIES FIS SEMINARJU MAĠĠURI REĠĠJONALI TA’ SEOUL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 3 ta’ Mejju 1984
1. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!
Fl-ewwel ittra lill-Korintin, San Pawl jagħti xhieda tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu. Huwa jgħid: “Kristu miet għal dnubietna . . . kien midfun u qam mill-imwiet fit-tielet jum”. Il-bażi ta’ din ix-xhieda huwa l-fatt li l-Mulej irxuxtat deher lill-Appostli u lid-dixxipli u, fl-aħħar lil Pawlu nnifsu (1 Kor 15, 3-4). Dan il-misteru ċentrali tal-fidi, il-misteru paskwali, il-misteru tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, il-kbir appostlu u missjunarju xandru lill-insara ta’ Korintu u ma kull min iltaqà.
Bħal San Pawl, jien ġejt illum fil-Korea biex inkellem lil dawk kollha li rċivew il-Vanġelu u li jibqgħu fidili b’mod deċiż lejh, lil dawk kollha li b’mod deċiż jemmnu li l-Vanġelu huwa t-triq tas-salvazzjoni. Ġejt ukoll biex inxandar li Ġesù mislub u rxuxtat lil dawk kollha li b’mod liberu jagħżlu li jisimgħu leħni. Imma intom, għeżież seminaristi, intom, bl-isqfijiet u s-superjuri tagħkom, intom l-ewwel fil-Korea li magħhom naqsam l-alleluia tal-ferħ paskwali tal-Knisja li xxandar ir-rebħa tal-Mulej fuq id-dnub u l-mewt. Intom l-ewwel li magħhom naqsam il-ferħ tal-misteru paskwali billi niċċelebra s-sagrifiċċju mqaddes tal-quddiesa. U hekk għandu jkun, għaliex intom fil-veru sens tal-kelma l-futur u t-tama tal-Knisja f’din l-art maħbuba.
2. Diġa lejn l-1820, sforzi kienu saru mil-lajċi biex jikkultivaw vokazzonijiet għas-saċerdozju. Minkejja persekuzzjoni feroċi, l-antenati qaddisin tagħkom b’mod spontanju iffurmaw is-“Sodalità tal-Anġli” biex iħeġġu l-vokazzjonijiet, jitolbu għalihom u jsostnuhom. U kien minn dawk il-komunitajiet żelanti ta’ ħajja nisranija li ġew l-ewwel saċerdoti Koreani: Patri Andrew Kim Taegon, li huwa meqjum f’din il-kappella, u Patri Thomas Choe Yang’up.
Meta kienu għadhom seminaristi, iktar żgħażagħ minn kemm intom bosta minnkom hawn preżenti, dawk l-ewwel saċerdoti tal-Korea wrew żelu fl-istudju u aptit ta’ għarfien, flimkien ma’ fidi mħeġġa, ubbidjenza volentiruża u tama perseveranti. Minħabba dan, imma b’mod speċjali minħabba l-prontezza li jmutu għal Kristu u għall-Vamġelu, huma jiddu bħala eżempji kbar u dejjiema għalikom ilkoll.
Għaxar snin wara l-martirju ta Patri Kim, twaqqaf fil-Korea, f’Paerom, fl-1855, l-ewwel seminarju, Wara, wara sforzi nkalnulabbli u sagrifiċċji Puhunggol, f’Yongsan, f’Taegu u f’Togwon fin-Nord, finalment twaqqfu s-seminarji maġġori ta’ Seoul u Kwangju. Jiena kuntent li s-sena l-oħra seminarju ra l-bidu tiegħu Taegu, u li ieħor infetaħ din is-sena f’ Suwon biex ifakkar il-miġja tiegħi fil-Korea.
Fin-numru ta’ disà mija, intom, għeżież ħuti fi Kristu, intom konsolazzjoni u wegħda kbira għall-Knisja. Il-Knisja tħares lejkom bi stennija kbira u tama, u titlobkom li tikbru dejjem iktar fil-fidi tagħkom fi Kristu permezz tal-imitazzjoni tal-eżempju ta’ Patri Kim u ta’ Patri Choe u ta’ ħafna oħrajn li taw ħajjithom fis-servizz tal-Vanġelu.
3. Dan iż-żmien ta’ tħejjija għas-saċerdozju għandu jgħin lil kull wieħed minnkom biex isaħħaħkom fil-konvinzjoni li Ġesù Kristu huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6). Huwa hu t-triq lejn il-Missier. Ġesù stess jgħix għal Missier fid-dedikazzjoni totali tiegħu għar-rieda tal-Missier, permezz tat-twettiq tal-opra tal-fidwa tad-dinja, U hu jmexxina wkoll lejn il-Missier.
Fis-seminarju, waqt li titħejjew għas-saċerdozju, tridu tisfurzaw biex tippenetraw il-misteru ta’ Kristu. Għandkom tfittxu għarfien dejjem iktar profond tal-għaqda li Krist għandu mal-Missier propju għaliex hu huwa l-Iben. Fil-Vanġelu tallum huwa jgħid: “Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija” (Ġw 14, 10.11). U minħabba din l-għaqda mal-Missier, huwa jistà jgħid lil Filippu: “Min ra lili ra lill-Missier” (Ġw 14, 9). Kull wieħed minnkom, għeżież seminaristi, għandu jifhem dan il-misteru ta’ Ġesù Kristu. Hemm bżonn taħfnu dan il-misteru b’tali mod li hu jsir għalikom verità intima, verità f’qalbkom stess. Għandkom taħfnu l-misteru b’tali mod li hu jkun jistà jieħu pussess tal-esseri kollu tagħkom.
Il-meditazzjoni tal-misteru ta’ Kristu, tmexxikom biex tifhmu s-saċerdozju u biex tiżviluppaw atteġġjament saċerdotali. Fittxu li tlibbsu mill-ġdid lil moħħkom u lil qalbkom b’Ġesù Kristu. Ftakru li s-Salvatur imsallab u rxuxtat jixtieq li intom jum wieħed tiċċelebraw l-Ewkaristija: is-sagrament tas-sagrifiċċju tiegħu stess għas-salvazzjoni tad-dinja. Dan is-sagrifiċċju għandu l-bidu tiegħu etern u bla tmiem fl-għaqda tal-Iben mal-Missier, li dwaru jitkellem il-Vanġelu tallum. Is-sagrifiċċju tal-Quddiesa, li huwa ċ-ċentru tas-saċerdozju tagħkom, jibqà għal dejjem is-sagrifiju tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex imexxina lejn il-Missier.
4. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Knisja li hi fil-Korea fuq l-importanza li twettaq kull sforz possibbli biex tqanqal il-vokazzjonijiet u biex tforni l-aħjar formazzjoni għas-saċerdozju fis-seminarji. Abbundanza ta’ vokazzjonijiet u tħejjija seminaristika tajba: dawn huma il-prova tal-vitalità tal-Knisja. Huma s-sinjal li s-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, permez tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu, jipproduċu frott prezzjuż fil-Knisja tal-Korea.
Fl-isforzi tagħkom biex iżżommu ħajjin il-vokazzjonijiet, li Alla fil-providenza ħanina tiegħu jibgħatilkom b’abbundanza, l-ewwel studju jkun it-talb regolari għal din l-intenzjoni. Itolbu b’fiduċja lil sid il-ħsad, waqt li tiftakru fil-wegħda ta’ Ġesù li smajna llum: “Kwalunkwè ħaġa li titolbu f’ismi, jiena nagħmilha” (Ġw 14, 13).
Ippermettuli nżid kelma speċjali għal dawk responsabbli mill-formazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ. Għeżież ħuti fi Kristu, la tiddubitaw qatt ta’ kemm hi għolja l-istima tal-Knisja għalikom u għal xogħolkom, ta’ importanza hekk vitali għall-ġejjieni. Waqt li nassikurakom li ma jonqoskomx is-sosten ta’ talbi, inħeġġiġkom ukoll biex tittrażmettu mhux biss l-għarfien ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu, imma lil Kristu stess. Kristu għandu jkun ikkomunikat permezz tal-purezza u tal-qawwa tal-kelma ta’ Alla. Ispiraw imħbba profonda lejn il-persuna ta’ Ġesù. Jalla l-eżempju ta’ ħajjitkom individwali jirrendih preżenti. Jalla kliemkom u azzjonitkom ikunu sinjal ta’ kemm profondament temmnu li Ġesù Kristu huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6).
Għeżież ħuti fi Kristu: is-saċerdozju twieled mill-imħabba ta’ Alla. Għall-Knisja fil-Korea dan jirrapreżenta kollox. Ejjew nirrendu tifħir lil Alla għal dan id-don kbir u għaż-żgħażagħ li se jittrażmettuh lill-ġenerazzjonijiet futuri f’din l-art permezz ta’ Kristu Sidna. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb