VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U T-THAILANDIA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ajruport ta’ Fairbanks (Alaska)
L-Erbgħa, 2 ta’ Mejju 1984
Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu Sidna,
il-Paċi magħkom!
1. Insellmilkom bl-istess kliem li għadna kemm smajna indirizzat minn Kristu rxuxtat lid-dixxipli tiegħu mill-Vamġelu ta’ San Ġwann. Nuża din l-espressjoni mhux biss biex nagħmel enfasi fuq il-ferħ meraviljuż li huwa tagħna f’dan il-perjodu paskwali, imma wkoll fit-tifkira tal-wegħda ta’ Kristu: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, jiena nkun f’nofshom” (Mt 18, 20). Ladarba ninsabu hawn flimkien f’isem Kristu, Kristu jinsab f’nofsna.
Ħuti, ma nħossux sentiment ta’ ferħ mimli bl-entużjażmu, serenità profonda, għaliex nafu li Ġesù is-Salvatur tagħna irxuxtat, is-sagrifiċċju paskwali tagħna, id-dawl tad-dinja li dan Ġesù jgħammar fi qlubna u jagħtina l-paċi tiegħu? Irrid ngħidilkom kemm jiena kuntent li ngħaqadt magħkom illum fil-paċi ta’ Kristu rxuxtat.
2. Waqt li nikkuntemplaw il-ferħ tad-dixxipli għaż-żjara tal-Mulej, ninnutaw mis-silta tal-Vanġelu li fih hemm xi ħaġa ġdida. Il-bibien magħluqa, madankollu huwa jidħol. Fuqu hemm is-sinjali tal-mewt, madankollu huwa ħaj. Ir-rapporti tal-Vanġelu kemm ta’ Luqa kif ukoll ta’ Ġwanni jisfurzaw biex jgħidulna li, wara l-qawmien mill-imwiet, il-ġisem ta’ Ġesù huwa differenti. Huwa daħal fl-istadju ta’ ħajtu rxuxtata u glorjuża.
Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, din hija t-tieni dehra ta’ Ġesù lid-dixxipli miġbura fi grupp. Wara l-ewwel dehra, il-ferħ tagħhom li qegħdin jaraw lil Ġesù kien hekk kbir li, meta raw lil Tumas, ma setgħux jirreżistu milli jgħajtu: “Rajna lill-Mulej!” (Ġw 20, 25). Imma Tumas ma riedx jaċċetta ix-xhieda tagħhom: “Jekk ma narax f’idejh is-sinjali tal-imsiemer u ma nqiegħedx idi fil-kustat tiegħu, ma nemminx” (Ġw 20, 25). Forsi huwa faċli għalina li niġġudikaw b’mod iebes lil Tumas għax-xettiċiżmu tiegħu. Wara kollox ma nużawx spiss l-espressjoni “nara biex nemmen”? Jewwilla li żminijietna m’għandhomx it-tendenza li jemmnu biss dak li jistà jkun ippruvat bis-sensi? Jewwilla l-bniedem modern ma jibqax ma jemminx quddiem dak li ma jistax jara, imiss u jħoss?
Ġesù jifhem lil Tumas, u r-raġunjiet tad-dubji tiegħu. Meta jiltaqà ma’ Tumas, Ġesù minnufih jgħidlu: “qiegħed subgħajk u ara jdejja; newel idek, u qiegħda fil-kustat; u la tibqax ma temminx, imma emmen!” (Ġw 20, 28). Tumas jibqà hekk milqut mill-ġentilezza, mill-kompjaċenza u mis-sabar tal-Mulej, li bilkemm jirnexxilu jlissen umilment: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Iva, dan kien tassew il-Mulej, mibdul mill-qawmien mill-imwiet u ħaj tassew.
3. Il Kustat ta’ Kristu li fih Tumas qiegħed idu huwa l-istess wieħed li kien minfud mil-lanza tas-suldat u li minnu “ħareġ demm u ilma”, (Ġw 19, 34). U bit-tnixxija ta’ dak id-“demm u ilma”, twieldet il-Knisja mill-kustat ta’ Kristu. Għalhekk bil-passjoni u mewt tiegħu, Kristu ġġenera l-Knisja mill-kustat tiegħu, sabiex il-qawmien mill-mewt tiegħu tkun turi ruħha lid-dinja. Bir-rieda ta’ Alla, il-Knisja ssir is-sagrament jew is-sinjal ta’ Kristu fuq l-art. Billi hija l-ġisem ta’ Kristu, hija ssir il-punt tal-laqgħa bejn Alla u l-umanità: bejn il-ħallieq u l-krejaturi bejn il-Feddej u l-mifdija. U hekk kif Tumas kien mistieden biex “jara u jemmen”, billi jisperimenta l-preżenza ta Kristu rxuxtat fil-ġisem tiegħu glorjuż, hekk il-popli kollha huma mistiedna biex “jaraw u jemmnu” billi jisperimentaw l-istess preżenza ta’ Kristu rxuxtat f’ġismu mistiku, il-Knisja.
4. Fl-ewwel qari tallum, meħud minn l-Atti tal-Appostli, li jgħidilna x’seħħ fid-dar taċ-ċenturjun Ruman Kornelju, naraw li l-messaġġ ta’ fidi huwa kkomunikat permezz tal-Knisja. Pietru ma kienx jippridka biss b’inizjattiva tiegħu. L-Iskrittura tgħidilna li Kornelju kien indirizzat lil Pietru minn Anġlu, u li Pietru kien mar hemm fuq indikazzjoni tal-Ispirtu Santu. Barra minn dan waqt li Pietru kien qiegħed jippridka fuq is-sinifikat tal-ġrajjiet tal-ħajja ta’ Ġesù, dwar il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, “l-Ispirtu Santu niżel fuq dawk kollha li kienu qegħdin jisimgħu d-diskors” (At 10, 44). Bil-predikazzjoni tiegħu, Pietru kien impenjat f’attività profondament ekkleżjali. Hekk kif ikun min jevanġelizza, għaliex wieħed jistà jxandar il-Vanġelu ta’ Kristu fl-awtentiċità tiegħu biss f’isem il-Knisja u f’għaqda mal-Knisja.
Il-predeċessur tiegħi Pawlu VI fakkar din il-verità fl-eżortazzjoni apostolika tiegħu Evangelii nuntiandi (Pauli VI, Evangelii Nuntiandi, 60): “Meta l-iktar predikatur mhux magħruf, katekista jew ragħaj, fl-iktar post remot, jippridka l-Vanġelu, ilaqqà l-komunità ċkejkna tiegħu jew jamministra sagrament, ukoll jekk ikun waħdu jwettaq att ta’ Knisja, u l-ġest tiegħu ikun bla dubju magħqud permezz ta’ rapport istituzzjonali, imma wkoll, permezz ta’ rbit inviżibbli u għeruq profondi tal-ordni tal-grazzja, mal-attività evanġelizzatriċi tal-Knisja kollha. Dan jassumi li hu jaġixxi mhux għal missjoni li hu jattribwixxi, linqas fuq bażi ta’ ispirazzjoni personali, imma f’għaqda mal-missjoni tal-Knisja u f’isimha”.
Kif jadatta ruħu dan il-pass għall-Knisja tal-Alaska u b’mod speċjali għad-dijoċesi ta’ Fairbanks, fejn il-popolazzjoni hija mxerrda fuq firxa ta’ iktar minn 1.530.000 kmk. Waqt li naqraw l-istorja tal-attività missjunarja f’din il-firxa ġejografika wiesgħa, aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna kif l-ewwel missjunarji rnexxielhom jaslu fl-intern tal-Alaska, li kieku ma kinux imħeġġa minn imħabba profonda għall-Knisja ta’ Kristu u konvinti b’mod profonde mid-dmir tal-Knisja li jxandru l-Vanġelu lill-popli kollha. L-ewwel intrapriżi missjunarji tal-Oblati ta’ Marija Immakulata u l-impenn kostanti tas-Soċjetà ta’ Ġesù, huma magħrufa biżżejjed. Il-missjunarji iddistingwew ruħhom f’din l-istorja bħala l-eroj awtentiċi tal-fidi, li l-kuraġġ u d-dedikazzjoni tagħhom irrendew possibbli l-bini tal-Knisja f’dan il-Pajjiż.
Illum l-opra tal-predikazzjoni u tat-tagħlim tal-Vanġelu f’isem il-Knisja titmexxa b’impenn mis-saċerdoti reliġjużi u dijoċeżani, mid-djakni, mis-sorijiet, mill-fratelli reliġjużi u mill-katekisti. Ħafna minnhom jiffaċċjaw sagrifiċċji kbar personali, billi spiss ikollhom iwettqu distanzi twal biex iwasslu l-kelma ta’ Alla bil-messaġġ ta’ tama u ta’ mħabba lil ħuthom maskili u lil dawk femminili. Dan l-impenn missjunarju llum għadu afdat lill-kura pastorali tas-Sagra Kongregazzjoni għall-evanġelizzazzjoni tal-popli u hija sostnuta mill-opri missjunarji Pontifiċji. Prattikament dan ifisser li l-evanġelizzazzjoni f’din id-dijoċesi, u f’tant dijoċesijiet oħra simili għal partikolari fis-sosten u fil-promozzjoni tal-impenn missjunarju tas-Santa Sede. U llum, fuq din l-art missjunarja tal-Amerka, nixtieq nesprimi ir-ringrazzjament sinċier tiegħi lill-Knisja tal-Istati Uniti għal dak li għamlet għall-kawża tal-firxa tad-dawl tal-Vanġelu ta’ Kristu.
5. Għeżież ħuti: ejjew nitolbu lill-Mulej, biex isejjaħ Ħddiema għall-ħsad tiegħu, sabiex jippermetti li ħafna żgħażagħ jiddedikaw ħajjithom għall-opra missjunarja tal-Knisja. Jalla dawn iż-żgħażagħ iwieġbu b’ġenerożità għas-sejħa tal-Mulej għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. U b’dan il-mod jalla l-preżenza ta’ Kristu rxuxtat tkompli tkun irrivelata fil-Knisja tiegħu “billi titwassal l-bxara t-tajba tal-paċi, permezz ta’ Ġesù Kristu, li huwa l-Mulej ta’ kulħadd” (At 10, 36).
Għeżież ħuti tal-Alaska: jalla l-paċi ta’ Ġesù rxuxtat tkun dejjem magħkom!
Aħna qegħdin nivvjaġġaw minn l-Alaska għall-Korea. U waqt li niftakru l-ġrajja doloruża li fiha – waqt li kienu qegħdin jagħmlu din l-istess rotta – il-passiġġieri tal-ajruplan tilfu ħajjithom, ejjew nirrakkomandaw lil ruħhom lill-ħanin Alla waqt li nirreċitaw ir-Regina Coeli.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb