Adorazzjoni Ewkaristika fit-Tifira ta’ Marija Addolorata

O Ġesù Ewkaristija, jien nadurak profondament.

Inti, veru Alla u veru bniedem, li tinsab preżenti quddiemi, f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja Mqaddsa.

Jien nadurak u nagħrfek b’sid tiegħi u b’sid tal-ħlejjaq kollha. Int, Alla tiegħi; Int, is-sultan ta’ ħajti; u agħmel li nżommok fiċ-ċentru ta’ qalbi tul ħajti kollha. (3 sek pawsa)

Nirringrazzjak, o Salvatur tagħna, għal dawk li qatt ma jirringrazzjawk; u noffrilek l-imħabba, l-gratitudni u l-adorazzjoni kollha tal-Qalb Addolorata ta’ Marija, biex tpatti għal dak li hu nieqes f’qalbi, li ħafna drabi hija bierda u ngrata.

Silenzju     3 min

Frott l-imħabba kbira tiegħek għalina, O Ġesù, Int għażilt li tagħti ħajtek. Għal tliet sigħat sħaħ, kont imdendel mal-għuda iebsa tas-salib. U dan għamiltu, biex tkun il-faraġ qaddis tagħna f’dan is-Sagrament Imqaddes.                    (3 sek pawsa)

Iva, o Ġesù, taħt is-salib tiegħek, kien hemm wieqfa ommok Marija, li permezz tal-Appostlu Ġwanni, Inti tajtilna bħala l-Omm tagħna lkoll. Illum, lejlet it-tifkira popolari, li aħna l-Maltin nagħmlu, nikkonsagraw lilna nfusna lilha, lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha; u bħal Marija, ngħaqqdu it-tbatijiet kollha tagħna Miegħek, għas-salvazzjoni tal-erwieħ. “Iva”, Mulej, bħal l-omm tagħna Marija, rridu li nagħmlu r-rieda tiegħek, billi bħalha ngħixu l-Evanġelju tul ħajjitna kollha.

Silenzju/ soft background music      3 min.

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                   Ġw 19,25-27

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Il-Kelma tal-Mulej

It-tifħir lilek Kristu

Silenzju    1min

O Marija, min jaf x’ħassejt f’qalbek meta rajt lil ibnek il-waħdieni, umiljat, imsawwat, imkasbar, u msallab mas-salib bil-kuruna tax-xewk f’rasu. Min jaf minn liema dulur kont għaddejja, Int u tara l-ġismu mtertaq, bl-imsiemer f’idejh u f’riġlejh, u l-kustat minfud b’lanza.           (3 sek pawsa)

Liema omm tista’ tibqa’ wieqfa quddiem kefrija daqshekk kbira għal binha, li ma għamel xejn għajr ġid kull fejn għadda?         (2 sek pawsa)

Imma int, o Marija, bqajt temmen li dan kien il-pjan ta’ Alla għal Ibnek Ġesù; u li kien b’dan il-mod biss li aħna stajna niġu mifdija.       (3 sek pawsa)

Ejjew niftakru f’dan il-ħin, f’tant ommijiet li qegħdin ibatu minħabba uliedhom, li sabu ruħhom vittmi ta’ ċirkustanzi li mhumiex faċli. Huma ommijiet li bħal Marija, sejf ukoll nifed lill-qalb tagħhom.

Imma f’dawn il-mumenti diffiċli, ejjew inħossu l-idejn tagħha li qed jaqbduna minn spallejna, dawk l-idejn li qed jgħinnuna nqumu; u hemm inħossu t-tgħanniqa tagħha, t-tgħanniqa ta’ Omm. Hemm mgħannqin magħha, nħossu l-imħabba tal-Omm, u nagħrfu li m’aħniex waħedna, imma hi qegħdha magħna, u qed tgħinna, biex bħalha, nagħmlu r-rieda tal-Missier.                                                 

Silenzju            3 min

Waqt li kont hemm, wieqfa taħt is-salib ta’ Ibnek, inti smajtu jwiegħed il-ġenna lill-ħalliel ikkonvertit. Smajt lil Ibnek jitlob lil Missieru, biex jaħfer, anzi, jiġġustifika lil dawk kollha li ma kienux jafu x’inhuma jagħmlu dakinhar tal-passjoni u l-mewt tiegħu. Kif ukoll smajt l-aħħar kliem tiegħu, li għalina kienu rigal: ‘Din hi ommok!’.

Ja omm, il-Mulej tana lilek biex takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, b’mod speċjali fl-aktar mumenti ibsin, u ta’ tbatija. Persważi, li int għaddejt minn tant tbatija, li tifhimna. Ja Omm tagħna tas-sema, kun għalina Omm it-tama.  (10 sek pawsa)

Inti, o midneb, tista’ ma tarax kemm huwa ikrah id-dnub u kemm għandek raġun tħobb lil din l-Omm, li permezz tagħha ġie mogħti lilna l-Feddej u s-Salvatur tal-bnedmin? Jista’ jkun li ma titgħallimx quddiemha sabiex tapprezza t-tbatijiet li jissieħbu neċessarjament mal-ħajja ta’ kull bniedem?           (5 sek pawsa)

O Verġni Mbierka, bil-qawwa setgħana tiegħek idħol għalina quddiem Alla, biex il-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu Ibnek, u d-duluri tiegħek, ma jkunux bla frott għalina.  

Silenzju/ background music              3 min

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija Addolorata.

Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, biex tkompli xxandar il-bxara t-tajba ta’ mħabbtek lil bnedmin kollha. Nitolbu.

Mulej Ġesù, Int ridt li ommok Marija ħdejn is-salib, iġġarrab weġġgħat kbar f’qalbha, tarak vittma tal-kefrija tal-bnedmin: eħles mill-kefrija, u minn kull xorta ta’ vjolenza, lil tant bnedmin li qed ibatu fid-dinja, għall-ġustizzja u l-verità. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, biex timliena dejjem bl-ispirtu ta’ Marija: spirtu ta’ mħabba u kompassjoni, spirtu li jagħmel dejjem il-ġid lill-persuni l-oħra. Nitolbu.

Nirringrazzjawk li tajtna lil din l-Omm li takkumpanjana, li tifhimna fit-tbatija tagħna: agħmel dejjem inħossu l-preżenza ta’ din l-omm f’ħajjitna. Nitolbu.

Nitolbuk għal vittmi tat-terremot fil-Myanmar u fit-Tajlandja, tant nies li huma vittmi, tant nies li qed isoffru, u nitolbu għal dawk kollha li qegħdin jagħtuhom l-għajnuna. Nitolbu.

Għinna Mulej, biex dejjem nagħrfu ngħożżu l-ħajja fil-waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, sat-tmiem naturali tagħha. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

One thought on “Adorazzjoni Ewkaristika fit-Tifira ta’ Marija Addolorata”

  1. Ħsibijiet tassew sbieħ u li għandhom iqanqlu kull qalb speċjalment il-qlub ta’ ommijiet li qegħdin ibatu fis-skiet għal uliedhom – mgħandix dubju li dan il-kliem isibuh ta’ wens u faraġ.

    Prosit u grazzi.
    Il-Paċi ma’ kulħadd.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading