Jitnieda d‑dokument ‘Care for Elderly Persons in Church and Religious Residential Homes in Malta: Ethical Guidelines’
07/04/2025: Il‑Knisja f’Malta ppubblikat linji gwida etiċi dwar il‑kura tal‑anzjani li jenfasizzaw id‑dritt għall‑ħajja titlob l‑mezzi għal “protezzjoni xierqa u l‑iżvilupp tal‑ħajja” sal‑aħħar stadji tagħha.

Id‑dokument bl‑isem, Care for Elderly Persons in Church and Religious Residential Homes in Malta: Ethical Guidelines, hu mħejji minn grupp ta’ esperti fosthom fl‑etika. Dan id‑dokument jisħaq fuq id‑dmir taċ‑ċittadini sabiex jippromwovu d‑dinjità tal‑persuni anzjani u jirrispettaw il‑qdusija tal‑ħajja umana mill‑mument tal‑konċepiment sal‑mewt naturali.
Fid‑daħla tal‑pubblikazzjoni, l‑Arċisqof Charles Scicluna, qal: “Il‑kwalità tas‑soċjetà u taċ‑ċivilizzazzjoni li ngħixu fiha tiddependi mis‑sensittività għall‑bżonnijiet tal‑anzjani u l‑vulnerabbli. Ħajjithom m’għandhiex tkun sempliċement imtawla, imma onorata, mħarsa u ċċelebrata f’ambjent ta’ kura li mhux biss iżid is‑snin lill‑ħajja, iżda b’mod aktar deċiżiv ħajja lis‑snin.
“Minkejja l‑fraġilità u l‑vulnerabbiltà tagħhom, l‑anzjani m’għandhomx jitqiesu bħala piż fuq is‑soċjetà, kif qed jiġu mpinġija bħalissa mill‑hekk imsejħa ‘l‑kultura tal‑iskart’, iżda bħala l‑messaġġiera tat‑tenerezza … u l‑għerf tal‑esperjenza ħajja,’ kif irrimarka dan l‑aħħar il‑Papa Franġisku.”
Dan id‑dokument gwida tal‑Knisja hu maqsum f’sitt kapitli: Valuri Etiċi, Prinċipji u Normi, Prinċipji Bażiċi, Kustodja u Ppjanar tal‑Kura bil‑Quddiem, Kura Paljattiva, Assessjar Mediku fi Tmiem il‑Ħajja, u Regolamenti: Policies u Proċeduri.
Il‑koawtur tal‑linji gwida u espert ewlieni fil‑bijoetika, Mons. Prof. Emmanuel Agius qal li: “L‑anzjani għandhom ikunu ħielsa minn kull sfruttament, u abbuż fiżiku jew mentali. Għandhom jiġu ttrattati b’mod ġust u valutati indipendentement mill‑kontribut ekonomiku tagħhom fis‑soċjetà. Aktar milli niddiskutu s‑suwiċidju assistit minn tabib, kif ukoll l‑ewtanasja, id‑dibattitu pubbliku għandu jiffoka fuq jekk il‑pajjiż għandux strateġija b’saħħitha dwar il‑kura paljattiva għall‑anzjani tagħna għaliex din tgħinhom jgħixu b’dinjità fl‑aħħar mumenti ta’ ħajjithom.”
Il‑linji gwida jiddikjaraw li l‑għan tal‑kura multidixxiplinari u medika hu li tipprovdi kura ħolistika anke meta m’hemmx kura.
“It‑tobba u l‑professjonisti fil‑kura tas‑saħħa għandhom jevalwaw l‑użu xieraq tat‑teknoloġija li għandhom għad‑dispożizzjoni tagħhom u jiżguraw li r‑resident ikun dejjem iċ‑ċentru ewlieni tal‑kura. Sabiex jiġi ffurmat ġudizzju morali tajjeb dwar l‑użu tat‑teknoloġija sabiex tkun sostnuta l‑ħajja, għandha ssir riflessjoni fuq id‑dinjità tal‑bniedem fid‑dimensjonijiet kollha tagħha u fuq l‑iskop tal‑kura medika.”
Il‑linji gwida jgħidu wkoll li kull individwu għandu l‑obbligu morali li juża mezzi ordinarji jew proporzjonati biex ikompli jgħix.
“Mezzi proporzjonati huma dawk li, fil‑ġudizzju tal‑anzjan, joffru tama raġonevoli ta’ titjib u ma jġibux magħhom piż eċċessiv jew jimponu spejjeż eċċessivi fuq il‑familja jew il‑komunità. Mezzi mhux proporzjonati huma dawk li fil‑ġudizzju tal‑anzjan, ma joffrux tama raġonevoli ta’ titjib.”
Il‑linji gwida jisħqu wkoll li għandha ssir evalwazzjoni medika tajba minn professjonisti kompetenti qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li persuna tkun waslet fl‑aħħar stadju ta’ ħajjitha.
“Dan huwa importanti sabiex jiġu esklużi li jerġa’ jkun hemm fatturi bħalma huma l‑ipotermja, infezzjonijiet, u kundizzjonijiet oħra potenzjalment riversibbli.
“Madankollu, sitwazzjoni ta’ tmiem il‑ħajja hija xenarju dinamiku li tista’ tmur f’kull direzzjoni u mhux l‑ewwel darba li resident li jkun wasal fl‑aħħar ta’ ħajtu jaqleb għall‑aħjar. Dan ifisser li minn żmien għal żmien id‑dijanjosi ta’ tmiem il‑ħajja teħtieġ reviżjoni skont is‑sitwazzjoni tar‑resident.”
Dan id‑dokument jirrakkomanda wkoll li l‑anzjani jidentifikaw rappreżentant li jista’ jieħu deċiżjonijiet f’isimhom dwar il‑kura tas‑saħħa tagħhom f’każ li jaslu fi stat li ma jibqgħux kapaċi jieħdu deċiżjonijiet dwar il‑kura ta’ saħħithom huma stess. Barra minn hekk, għandu jkun hemm pjan ta’ kura tajjeb, li ma jkunx f’kunflitt mal‑etika Nisranija.
Madankollu, il‑linji gwida jwissu li: “Deċiżjonijiet meħuda mir‑rappreżentant magħżul għandhom jirriflettu fedelment il‑prinċipji etiċi Nsara, kif ukoll ix‑xewqat u l‑valuri tal‑persuna.”
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti