VIA SAGRA

imħejjija minn Dun Joseph Bajada

Lettur 1:      Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.

Lettur 2:      Ammen.

Lettur 1:      Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek.

Lettur 2:      Fejn hemm il-mibegħda

Lettur 1:      ħallini nħeġġeġ l-imħabba.

Lettur 2:      Fejn hemm il-ħtija,

Lettur 1:      ħallini nferrex il-maħfra.

Lettur 2:      Fejn hemm id-dubju,

Lettur 1:      ħallini ndaħħal il-fidi.

Lettur 2:      Fejn hemm il-qtigħ il-qalb,

Lettur 1:      ħallini nqawwi t-tama.

Lettur 2:      Fejn hemm id-dlam,

Lettur 1:      ħallini nkebbes id-dawl.

Lettur 2:      Fejn hemm in-niket,

Lettur 1:      ħallini nxerred il-ferħ.

Lettur 2:      Mgħallem divin, la tħallix:

                    li iżjed infittex li nkun imfarraġ,

Lettur 1:      milli nfarraġ jien.

Lettur 2:      Li iżjed jifhimni ħaddieħor,

Lettur 1:      milli nifhem lil ħaddieħor jien.

Lettur 2:      Li iżjed inkun maħbub,

Lettur 1:      milli nħobb jien.

Lettur 2:      Għaliex meta nagħtu,

Lettur 1:      aħna naqilgħu.

Lettur 2:      Meta naħfru,

Lettur 1:      aħna niġu maħfura.

Lettur 2:      Meta mmutu,

Lettur 1:      nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.

Lettur 1:      Nikkunsidraw l-Ewwel Stazzjon: Ġesù kkundannat għall-mewt.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:22-23,26)

                              Qalilhom Pilatu: “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?”. Weġbuh ilkoll:   “Sallbu!”. Hu staqsiehom: “Imma x’għamel ħażin?”. Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu!”. Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

Lettur 1:      L-Imħallef tad-dinja, dak li għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq minna lkoll, ħajjin u mejtin, qiegħed hemm, waħdu, jaf xi jrid u xi jgħid, ġwejjed jiċċekken          qisu xejn quddiem l-imħallef tal-art. “Sallbu”, jgħajtu lkoll f’daqqa. Jgħajtu         għax hekk qed jgħajtu l-oħrajn, jgħajtu eżatt kif jgħajtu l-oħrajn. Il-ġustizzja       tiġi mgħaffġa u mkasbra min-nuqqas ta’ ħila, mill-viltà, minn dak li jitlob    id-dittatorjat tal-ħsieb tal-mument. Il-leħen kiebi tal-kuxjenza jiġi fgat        mill-għajat tal-folla. In-nuqqas ta’ deċiżjoni u t-taparsi ‘rispett uman’ jagħtu qawwa lill-ħażen.

Lettur 2:      Mulej, mitt ħarsa tikkundannak. Wieqaf, fis-skiet taqra l-qlub ta’ dawk ta’ madwarek, li bħal Pilatu, mhumiex daqshekk imbiegħda mill-verità li hija int. F’għajnejhom mimlijin għira, mibegħda u għatx għall-poter, tleħħ                il-vjolenza kollha tal-umanità li, feruta mid-dnub, lesta li tagħmel għażliet   tal-qamel, mimlijin sax-xfar bl-indifferenza għat-tbatija ta’ dawk tal-aħħar, għall-għajat tal-innoċenti, għad-dmugħ tal-ommijiet u għar-rispett                   tal-ħolqien tiegħek. Iżda int, bħal dakinhar fuq il-muntanja, għannaq lil kulħadd, f’kull żmien u f’kull post, bil-ħarsa kollha ħniena tiegħek, u ħabbar ir-rebħa tiegħek fuq il-ħażen, fis-sema u fl-art u kullimkien għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu sabiex kull gwerra tintemm mill-aktar fis possibbli.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:            Wieqfa kienet, imbikkija,

                    l-Omm ħdejn Binha fit-tbatija,

fuq salib imdendel.

Lettur 1:      Nikkunsidraw it-Tieni Stazzjon: Ġesù mgħobbi bis-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:27-31)

                              Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar         skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkupptejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu:   “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”. Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u        bdew jagħtuh biha fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett,     neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu. U ħaduh magħhom biex isallbuh.

Lettur 1:      Ġesù kkundannat daqslikieku sultan ribell, jiġi mwaqqa’ għaċ-ċajt, u proprju         hawnhekk tidher verità kiefra. Kemm drabi s-simboli tal-poter li jġorru      s-setgħanin tal-art huma insult għall-verità, għall-ġustizzja u d-dinjità ta’ kull    bniedem! Kemm drabi l-laqgħat u l-kungressi huma mimlija biss bi kliem bombastiku li fil-verità mhuwiex għajr gideb minfuħ, mogħdija taż-żmien     tal-irwol li ġie misluf lilhom, dak li jkunu ta’ qadi għall-ġid sħiħ tal-oħrajn.

Lettur 2:      Mulej, mhix ħaġa ħafifa li terfa’ s-salib, aktar u aktar meta s-salib li nitgħabbew bih ma jkunx mistenni, sproporzjonat u bħal donnu ma jagħmilx sens. Anki l-gwerra hija salib mgħobbi fuq l-ispallejn tal-ifqar nies, tan-nies komuni u ta’ dawk li m’għandhomx leħen fid-deċiżjonijiet. Agħtina l-qawwa li nagħrfu s-salib tagħna u dak tal-oħrajn; u li nixbhu d-doċilità u l-ħlewwa tiegħek fl-irfigħ tas-salib. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu sabiex jieqfu l-bombardamenti kollha madwar id-dinja.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Ta’ din l-Omm il-qalb maqsuma

                    f’dak l-imrar bl-uġigħ mitmuma,

                    nifed sejf in-niket.

Lettur 1:      Nikkunsidraw it-Tielet Stazzjon: Ġesù jaqa’ taħt s-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija (53:4-6)

                              Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh       bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna         lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej          xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.

Lettur 1:      Il-bniedem jaqa’ u spiss jerġa’ jaqa’. Miskin! Kemm drabi jispiċċa b’sura falza         tiegħu nnifsu, u mhux bix-xbieha ta’ Alla minquxa fih. Kemm drabi jispiċċa    qisu ħaġa li twaqqa’ għaċ-ċajt lill-Ħallieq. Il-waqgħa ta’ Ġesù taħt is-salib mhijiex biss il-waqgħa ta’ bniedem sfinit minħabba fis-swat li rċieva. Ġesù        jaqa’, jinżel u jitbaxxa biex juri kif trid tiġi ttrattata s-suppervja. Jinżel u               jitbaxxa biex niġu merfugħa aħna. Inħalluh jerfgħana! Il-mentalità li timlielna moħħna li aħna biżżejjed għalina nfusna, li m’għandna bżonn ħadd u xejn,          hija pezza drapp li ma tlibbisx. Inħarsu lejn dak li niżel u tbaxxa u nitgħallmu       minnu kif u fejn infittxu dak li tassew jagħmilna kbar, jiġifieri, kull darba li        nitbaxxew u nduru lejn Alla u lejn ħutna mgħaffġa.

Lettur 2:      Mulej, fidi u tama tagħna, ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, agħtina għal darb’oħra l-ħniena bla qies tiegħek, ħoll f’kull min jieħu n-nifs il-ġibda        għall-ħażen, ibdel id-dlamijiet tal-qlub fid-dija tal-grazzja bla qies tiegħek ħalli kull limitu uman jiġi maħfur u ġġustifikat fl-imħabba bla qies tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għall-ibliet u rħula meqruda mill-gwerer.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Kemm tbatija f’qalb muġugħa,

                    liema dwejjaq li jifnuha

                    ħasset l-Omm imbierka!

Lettur 1:      Nikkunsidraw ir-Raba’ Stazzjon: Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Luqa (2:34-35,51)

                    Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.         Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u              l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf       jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.

Lettur 1:      Fil-Via Sagra ta’ Ġesù hemm ukoll Ommu Marija. Fil-ħajja pubblika tiegħu kellha twarrab għall-ġenb u tinħeba ħalli tagħmel wisa’ lit-twelid tal-familja ġdida ta’ Ġesù, il-familja tad-dixxipli tiegħu, dawk li jagħmlu r-rieda               tal-Missier. Issa bħal donnu terġa’ tidher biex turi kemm hi ma kinetx biss omm Ġesù fil-ġisem imma fil-qalb. Id-dixxipli ħarbu, hi le; qiegħda hemm   bl-istamina tal-omm, bil-kuraġġ tal-omm, bil-fedeltà tal-omm, bit-tjubija      tal-omm, u bil-fidi tagħha żżomm sħiħa fid-dalma.  

Lettur 2:      Lilek, Sultana tas-sliem, nafdaw id-dinja fqajra tagħna f’dawn il-jiem. Int li lqajt f’ġufek il-Verb tas-sliem, itlob is-sliem għalina. Omm ħelwa, għadu        tal-qlub tal-ġebel, nitolbuk sliem għat-tfal li qed jittawlu f’din il-ħajja, sliem   għax-xjuħ mgħobbija bis-snin, sliem għall-ġnus kollha. Int, avukata                  tal-grazzji tagħna, li bħal Alla tagħna tħawwel biss proġetti ta’ sliem u qatt ta’ tiġrib, isma’ l-għajta f’daqqa ta’ wliedek: “Qatt aktar gwerra!”. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għall-ommijiet maħruba b’uliedhom minħabba fil-gwerer.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           X’weġgħa ġarrbet u x’kefrija

                    meta ratu fit-tbatija

                    l-Omm lil Binha, Alla!

Lettur 1:      Nikkunsidraw il-Ħames Stazzjon: Ġesù megħjun miċ-Ċirinew.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:32; 16:24)

                    Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu            s-salib. […] Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.

Lettur 1:      Xmun minn Ċireni ġej lura mix-xogħol, fi triqtu lejn il-kenn ta’ daru u familtu; ikollu jieqaf f’nofs ta’ triq għaliex kienet għaddejja purċissjoni ta’ tliet ikkundannati. Ma kinetx la l-ewwel u lanqas l-aħħar darba li jkollu jissaporti jara din ix-xena. Dara jaraha u m’għadha tħalli fih l-ebda emozzjoni. Imma din id-darba ġratlu waħda tinqara u tinkiteb. Mingħajr dewmien u formalitajiet, is-suldati jaqilgħuh minn fejn kien intasab u jgħabbuh bis-salib ta’ wieħed minnhom. Hu kien l-aħjar wieħed; ma setax jaħbihom il-par spallejn li kellu ta’ bidwi b’saħħtu li kien. Miexi ma’ Ġesù, miblugħ u irritat minħabba dak li kien qed jara u dak li ġralu, demm l-ikkundannat jiċċappas mal-ħamri li kellu fuqu. Tiżliġ li jqażżek ta’ demm qaddis li mhux talli ma jniġġisx, imma jnaddaf. Irridu jew ma rridux, b’mod volontarju jew imġiegħla miċ-ċirkustanzi, kull darba li nispiċċaw wiċċ imb wiċċ ma’ min ikun ibati, ma’ min huwa ppersegwitat u mifluġ, aħna u nieħdu sehem mit-tbatija ta’ dawn, ma nkunux għajr ngħinu fit-tqandil salvifiku tal-istess salib tas-Salvatur.

Lettur 2:      Mulej, agħtina l-qawwa u l-kuraġġ li nieħdu sehem fil-ferħ u t-tbatija tal-irġiel u n-nisa ta’ żmienna. Aħna nafu li hawn nies, l-aktar fqar u mġarrbin, li jixtiequ kieku min iħares u jagħrafhom fl-umanità tagħhom, fl-għatx li huma għandhom biex jirrealizzaw lilhom infushom; agħmilna strumenti                       tal-Providenza tiegħek permezz ta’ għemejjel veri ta’ solidarjetà. Għinna nkunu proxxmu, l-aktar meta dan jitlob minna bidla fir-rotta tal-programmi, tal-proġetti, tal-pjanijiet, tal-ħsibijiet, tax-xewqat u l-preferenzi tagħna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għall-pajjiżi li qed jgħinu u jilqgħu lir-refuġjati tal-gwerer.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:          Qalb kull bniedem tħoss għaliha

                    lil Omm Kristu, u kemm tibkiha

                    xħin tarah f’dil-ħasra!

Lettur 1:      Nikkunsidraw is-Sitt Stazzjon: Ġesù jintmesaħ f’wiċċu mill-Veronika.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Ktieb tas-Salmi (27:8-9)

                    “Ejja”, għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”; jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix u titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Lettur 1:      Il-Veronika tiġbor fiha x-xewqa ta’ dawk kollha li ġew fit-Testment il-Qadim, dik li jfittxu u jaraw il-wiċċ ta’ Alla. Fit-triq ta’ Ġesù, għall-ewwel il-Veronika bħal donnha kulma tagħmel huwa biss ġest ta’ tjubija femminili; toffrilu maktur. Imma mbagħad la tħabbel rasha mill-ħruxija tas-suldati u lanqas tiċċassa u tittieħed mill-biża’ tad-dixxipli. Hija x-xbieha tal-mara tajba, li        fit-taħwid u d-dlam tal-qlub iżżomm il-kuraġġ tat-tjubija u ma tħallix lil qalbha tiddallam. Fil-wiċċ uman imdemmi u sfigurat ta’ Ġesù hemm il-wiċċ ta’ Alla u ta’ tjubitu, li huwa magħna sal-aktar tbatija ħarxa u iebsa tagħna. Il-qalb biss tista’ tara dan kollu. L-imħabba biss tagħtina l-ħila li naraw ‘l Alla u tibdilna fi qlub safjin. L-imħabba biss tgħinna nagħrfu lil Alla li hu l-istess imħabba.

Lettur 2:      Mulej, neħħi minn għajnejna kull żlieġa u qxur biex nilmħu r-regalità tal-wiċċ tal-bniedem f’kull imsallab u nitilqu t-toqol tal-kburija marradija taħt is-salib, ix-xbieha tal-ikbar imħabba. Għallimna nieqfu lill-aggressur bl-ereżija              tal-ħadd lemini li joffri u jdawwar in-naħa l-oħra wkoll bħala tweġiba għal kull xorta ta’ abbuż. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu sabiex it-tbatija u d-dmugħ tat-tfal mifluġa mill-gwerer, ġurnata għad jinbidel fi tbissima kollha ferħ.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Min ma jħossx id-dwejjaq tagħha

                    xħin ta’ Kristu l-Omm jilmaħha

                    f’niket kbir ma’ Binha?

Lettur 1:      Nikkunsidraw is-Seba’ Stazzjon: Ġesù jerġa’ jaqa’ fl-art taħt is-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet (3:1-2,9,16)

                    Jiena l-bniedem li ġarrabt l-hemm taħt ħatar qilltu. Lili saqni u mexxieni,      fid-dlam bla ebda dawl. Imbarrali t-triq b’ġebel minġur, għawwiġli mogħdijieti. Taħanli biż-żrar snieni, u ġagħalni nitmiegħek fit-trab.

Lettur 1:      Din li Ġesù jerġa’ jaqa’, bħal donnha trid tgħid xi ħaġa fuq waqgħa oħra. Min jaf? Forsi dik ta’ Adam. Forsi dawk tagħna. Min jaf? Forsi dan huwa l-mod misterjuż ta’ kif Ġesù jitwaħħad mal-waqgħat tagħna. San Ġwann jitkellem fuq tliet waqgħat tal-bniedem: il-ġibda tal-ġisem; il-ġibda tal-għajnejn u            s-suppervja tal-ħajja. Imxebba’ mit-twemmin, il-bniedem telaq lil Alla.                 L-ideoloġiji l-kbar ta’ dawn l-aħħar snin bnew twemmin ġdid, paganiżmu ġdid. Jaħasra, fl-istess ħin li waħħalha f’rasu li jwarrab għall-ġenb lil Alla darba għal dejjem, spiċċa biex rema lill-bniedem. Il-bniedem spiċċa jitmiegħek fit-trab. Il-Mulej jaqa’ biex jerfa’ lilna lkoll.

Lettur 2:      Mulej, għinna nifhmu s-sens profond tas-salib li nġorru jum wara jum, u        tat-toqol tiegħu li xi drabi bħal donnu jgħaffiġna. Għinna nifhmu wkoll, li tazzarda s-sliem hija aktar minn sempliċi dikjarazzjoni jew manifestazzjoni. Li tazzarda s-sliem ma jfissirx li xxejjer il-bandiera tas-salib f’wiċċ l-għadu, imma fuq kollox ifisser li tkun lest li taqa’, basta ma tweġibx għall-vjolenza bil-vjolenza. Għalhekk, agħmel minna sriep għaqlin u ħamiem safja kapaċi nxommu r-riħa tal-imħabba u nilmħuha mill-bogħod. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għall-pajjiżi fejn il-gwerer imqabbda fihom ma jissemmewx                   fl-aħbarijiet, huma minsija u moħbija minn għajnejn id-dinja.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Għad-dnubiet tal-poplu l-ħati,

                    lil Ġesù hi ratu jbati

                    taħt is-swat bla ħniena.

Lettur 1:      Nikkunsidraw it-Tmien Stazzjon: Ġesù jfarraġ lin-nisa ta’ Ġerusalemm.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Luqa (23:27-31)

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu: ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!’. Imbagħad jibdew jgħidu                       lill-muntanji: ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet: ‘Ordmuna!’. Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”.

Lettur 1:      Fiha x’taħseb meta tisma’ lil Ġesù jċanfar lil dawn in-nisa li kienu mexjin warajh jibku. Għaliex ma japprezzahx dan il-biki? Għaliex ma japprezzahx dan is-sagrifiċċju? Għaliex ma japprezzahiex il-purċissjoni ta’ warajh? Min hu tassew miskin? Hu jew huma? Min għandu jibki lil min? Huma lilu jew hu lilhom? Kemm-il darba ried jiġborhom bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha, u huma ma ridux. Folla li twaddab bews ta’ Ġuda u tnewwaħ biki tal-kukkudrilli. Xejn ma jiswa dan kollu jekk il-ħajja tibqa’ għaddejja             l-istess. Dan huwa l-periklu u l-ipokrezija li Ġesù jwissi kontrihom. Il-ħażen ma jistax jittieħed biċ-ċajt quddiem ix-xbieha tal-Mulej li qed ibati. Lilna wkoll ipoġġina f’postna meta jgħidilna: “Tibkux lili, imma lilkom infuskom”.

Lettur 2:      Mulej, agħmel li mhux biss nimxu warajk b’ħafna kliem sabiħ, intenzjonijiet tajba u purċissjonijiet qaddisa, imma fuq kollox ibdilna u agħtina ħajja ġdida. Tħalliniex nispiċċaw melħ maqtugħ li ma hu tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Tħalliniex nispiċċaw imsiebaħ imqiegħda hemm taħt is-siegħ. Tħalliniex nispiċċaw qatta’ zkuk nexfin lesti għall-ħruq. Agħmel minna fergħat ħajjin fik, li int id-Dielja vera, ħalli nagħmlu frott fi żmienu u barra minn żmienu għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għall-ommijiet u l-missirijiet imġarrbin bil-gwerer sabiex it-tbatija tagħhom ġurnata għad tinbidel fil-ferħ tar-ritorn lura lejn darhom u                     l-familjari tagħhom.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant :          Rat lil Binha u baqgħet miegħu

                    f’dak l-imrar tal-mewta tiegħu

                    waqt li ħarġet ruħu.

Lettur 1:       Nikkunsidraw id-Disa’ Stazzjon: Ġesù sfinit jerġa’ jaqa’ taħt is-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet (3:27-32)

Tajjeb għall-bniedem li jerfa’ l-madmad sa minn żgħożitu, li joqgħod waħdu u sieket, meta jgħabbihulu l-Mulej; li qiegħed ħalqu fit-trab, għandu mnejn jifdal xi tama; li jagħti ħaddejh lil min isawtu, li jimtela biż-żebliħ. Għax ma jarmix għal dejjem lill-bniedem il-Mulej. Għaliex jekk hu jgħakkes, iħenn skont il-kotra ta’ tjubitu.

Lettur 1:      X’tista’ tgħidilna aktar din it-tielet waqgħa ta’ Ġesù? Min jaf? Forsi trid tkellimna dwar il-waqgħat tal-bnedmin b’mod ġenerali; dwar il-ħafna li qegħdin jitbiegħdu mill-Knisja u minn min waqqafha; dwar il-ġirja sfrenata wara sekulariżmu mingħajr Alla. Kemm drabi niffesteġġjaw, niċċelebraw u ninċensaw biss lilna nfusna mingħajr ma nagħtu kas tiegħu! Kemm drabi kelmtu tiġi mgħawġa u abbużata! Kemm faqar fit-twemmin jinsab fil-ħafna teoriji u prietki! Kemm kliem battal! Kemm suppervja tonfoħna bina nfusna tant li nibdew naraw lil kulħadd dubbien! Dan u aktar hija l-Passjoni.                 It-tradiment tad-dixxipli jibqa’ l-akbar ferita li għad għandu r-Redentur: dik li tinfed il-qalb.

Lettur 2:      Mulej, l-umanità taqa’ u titkaxkar fit-trab kull darba li l-mibegħda u l-gwerra jbeżżgħu u jriegħdu l-art. Bit-tielet waqgħa tiegħek għajjat bl-uġigħ ta’ min iħobb: “Farrku l-gwerra. Ibnu s-sliem. Itfu n-nar tal-vjolenza. Ixegħlu n-nar   tal-imħabba”. Għinna biex anki fiċ-ċokon tagħna nkunu “artiġjani tas-sliem”. Int li tgħix u s-saltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu sabiex fid-dinja jiġu msaħħa dejjem aktar id-demokrazija u l-ħsieb ħieles ta’ kull ċittadin.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Omm u għajn ta’ mħabba għalija,

                    ġagħalni nħoss dik it-tbatija,

                    biex jien nibki miegħek.

Lettur 1:      Nikkunsidraw l-Għaxar Stazzjon: Ġesù mneżża’minn ħwejġu.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:33-36)

Meta waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu.

Lettur 1:      L-ilbies jagħti lill-bniedem pożizzjoni soċjali, jagħtih post u rwol fis-soċjetà, jagħmel minnu xi ħadd. Li tiġi mneżża’ fil-pubbliku jfisser li ma int xejn, li ma int ħadd, li int imwarrab, li int immaqdar minn kulħadd. Ġesù jduq kull xorta ta’ telf tagħna l-bnedmin, u kull telfa, qarsa kemm hi qarsa, hija pass ieħor ’il quddiem fl-istorja tas-salvazzjoni. Dan huwa l-mod li bih ir-Ragħaj tajjeb u sabiħ jerġa’ jġib lura fil-maqjel lin-nagħġa l-mitlufa.

Lettur 2:      Mulej, edukana għall-faqar veru, biex nistgħu niskopru l-hena li nkunu ħielsa minn kull xorta ta’ frugħat u allat foloz, lesti li naqsmu l-għana kollu –                 l-ewwel u qabel kollox, il-ħin tagħna – ma’ ħutna ta’ ġewwa kif ukoll dawk ta’ barra. Żomm ħajja fina xewqa mħeġġa biex narawk u nfittxuk, qabel kollox fl-uċuħ ta’ dawk li jimxu maġenbna u li spiss ma nafux nikkontemplawhom. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għall-integrità u awtodeterminazzjoni ħielsa tal-pajjiżi.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Kebbes f’qalbi nar ta’ mħabba,

                    la tħalliha qatt tittabba’

                    imħabbti għal Kristu.

Lettur 1:      Nikkunsidraw il-Ħdax-il Stazzjon: Ġesù msallab mas-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:37-42)

U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk: “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud”. Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq  il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh iċaqilqu rashom u jgħidu: “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!”. Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’ Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! Hu jafda f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal: ‘Jiena Bin Alla’”. U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll                   il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.

Lettur 1:      Il-ġisem ta’ Ġesù huwa pjaga waħda mill-ponta ta’ rasu sa qiegħ saqajh. Ejjew nieqfu għal ftit quddiem din id-dehra ta’ tbatija, quddiem l-Iben ta’ Alla batut. Inħarsu lejh meta għaddejjin ‘galore’; min jaf, forsi għajnejna jinfetħu u nindunaw bil-limiti tagħna, bil-qoxra fiergħa li għandu l-ġid li għandna li huwa biss materja. Inħarsu lejh meta nkunu milquta, midruba u mdejqa; min jaf, forsi nindunaw kemm proprju hemmhekk, f’dak il-post, Alla hu qrib tagħna. Ħalli nissammru miegħu, u ma nċedux għat-tiġrib li jrid jaqlagħna minn miegħu biex imbagħad jidħak u jgħaddi ż-żmien bina.

Lettur 2:      Mulej, għinna biex ma nidrawhomx ix-xeni ta’ vjolenza u disperazzjoni, li fuq it-televiżjoni u l-midja soċjali jidhru b’mod mgħaġġel, f’teptipa t’għajn, u bħal donnhom aktar jibqgħu fil-memory tal-iskrin milli fil-memorja tal-qalb. Agħtina l-kuraġġ biex inxejnu l-kunflitti li jinsabu fina nfusna ħalli nsiru aktar tolleranti u disponibbli ’l barra minna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għal kull min huwa maqbud u ma jistax jaħrab mit-territorji fi gwerra.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Omm qaddisa, isma’ talbi:

                    dawk il-pjagi qegħedli f’qalbi

                    t’Ibnek Ġesù msallab.

Lettur 1:      Nikkunsidraw it-Tnax-il Stazzjon: Ġesù jmut fuq is-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:45-50)

                    Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal: “Eli, Eli, lema sabaqtani?”, jiġifieri: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’. Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”. U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu: “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!”. Imma Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.

Lettur 1:      Bil-mewt tiegħu fuq is-salib Ġesù jiġbor fih il-bnedmin kollha li jbatu, kif ukoll il-misteru kbir tad-dalma ta’ Alla. Kien hemm bżonn li jitla’ hemm fuq biex Alla juri lilu nnifsu proprju hemmhekk, fil-post fejn bħal donnu mhuwiex hemm, fejn bħal donnu spiċċa kollox. Kien hemm bżonn li jitla’ hemm fuq biex Alla juri lilu nnifsu proprju hemmhekk, kemm ma kienx dak Alla li dwaru fesfes fil-ġnien is-serp. Il-mewt ta’ Ġesù tolqot kollox, tmiss kollox, iddakkar kollox. Id-dinja tiddallam meta l-Iben ta’ Alla jmejjel rasu u jrodd ruħu. L-art titheżżeż. U taħt is-salib titnissel il-Knisja, umanità ġdida, familja ġdida. Minn fuq is-salib huwa jirbaħ, dejjem mill-ġdid.

Lettur 2:      Mulej, bl-għajnejn tal-fidi naraw lil wiċċek mejjet fl-uċuħ ta’ tant li tilfu ħajjithom fil-kunflitti li qiegħdin isallbu d-dinja tagħna; uċuħ ta’ tfal, nisa, irġiel, suldati, xjuħ, sfigurati minn idejn il-bniedem. Agħmel li ma nċedu qatt      l-armi tas-sliem. Agħmel li ma norqdu qatt bi kwietna sakemm jifdal innoċenti, imqar biss wieħed, li jmut imsammar mas-salib tiegħu. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għas-suldati u nies ċivili maqtula fil-gwerer.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Aqsam miegħi dit-tbatija

                    għal Ġesù, li mħabba fija

                    xerred demmu kollu.

Lettur 1:      Nikkunsidraw it-Tlettax-il Stazzjon: Ġesù mniżżel mis-salib.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:54-55)

                             Iċ-Ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżżeż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ liema bħalu u qalu: “Dan kien tassew Bin Alla!”. Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.

Lettur 1:      Ġesù mejjet, u qalbu tiġi minfuda b’lanza mis-suldat Ruman biex joħroġ minnha demm u ilma, iċ-ċertifikat tal-mewt tiegħu. Issaporta kollox, kull taħwid tal-qlub, kull setgħa ta’ mibegħda, għira u viltà. Madankollu jidher li xorta waħda ma spiċċax waħdu. Hemm il-fidili. Taħt is-salib kien hemm Ommu Marija, oħt ommu, Marija Maddalena u d-dixxiplu li kien iħobb, fost  l-oħrajn. Fuq is-siegħa tal-luttu l-kbir, tad-dlamijiet kbar, tad-disperazzjoni kbira, hemm imdendla l-linfa misterjuża tat-tama. Alla moħbi jibqa’ xorta waħda Alla l-Ħaj u qrib. Ġesù mejjet jibqa’ xorta waħda Mulej u Salvatur tagħna, anki fil-lejl tar-raqda mejta tiegħu.

Lettur 2:      Mulej, ħafna drabi ppruvajna nsolvu l-kunflitti ta’ bejnietna bil-ħila tagħna biss. U ħafna aktar drabi ppruvajna naqilgħu lil ħutna mis-slaleb tagħhom. Madankollu r-rieda tajba tagħna, il-ġenerożità miż-żejjed tagħna u                        l-entużjażmu tal-bidu mhumiex biżżejjed biex jissolvew sitwazzjonijiet daqshekk ikkumplikati. Għinna nafdaw fik u li nsibu fik il-qawwa, ir-rieda u  l-intelliġenza biex inkunu ħaddiema tas-sliem, ġardinara tal-ġnien li fih jista’ jseħħ il-Qawmien. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu sabiex jinqabdu u jieqfu kull xorta ta’ abbużi fuq tfal u ċivili frott il-gwerer.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Ħdejn Ġesù nibki dnubieti,

                    fis-salib nara ħtijieti

                    sakemm ngħix dil-ħajja.

Lettur 1:      Nikkunsidraw l-Erbatax-il Stazzjon: Ġesù midfun f’qabar ġdid.

Kantur:        Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

                    għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Lettur 2:      Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:59-61)

                              Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.

Lettur 1:      Fil-mument tad-difna tibda sseħħ il-Kelma ta’ Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Ġesù huwa l-ħabba              tal-qamħ li tmut. Mill-ħabba tal-qamħ mejta jibda t-tkattir tal-ħobż li jibqa’ sejjer sal-aħħar tad-dinja. Dan huwa l-Ħobż Ħaj li niżel mis-Sema sal-qiegħ nett tal-art biex jaqta’ l-ġuħ tal-umanità bl-abbundanza. Il-Kelma Eterna ta’ Alla ssir ġisem u l-ġisem isir ħobż, tifkira ħajja tas-salib u l-qawmien. Fuq        id-difna ta’ Ġesù jixegħlu l-misteri tad-dawl tal-paċi, tal-ħajja u tal-aħħar qawmien, dak tal-iġsma fqajra u mejta tagħna.

Lettur 2:      Mulej, il-ġebel li jtaqqal il-jiem tagħna u ma jħallix lil ħajjitna tqajjem it-tama u l-imħabba, is-sliem u l-maħfra, is-solidarjetà u l-akkoljenza, ġie mfarrak mill-mewt u l-qawmien tiegħek. Għinna nkunu nisa u irġiel li jemmnu li             l-ħajja hi aktar b’saħħitha mill-mewt, li l-imħabba hi aktar b’saħħitha            mill-mibegħeda, u li l-maħfra tirbaħ dejjem fuq il-vendetta. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Lettur 1:      Nitolbu għal dawk kollha li ġew midfuna fil-fosos komuni waqt il-gwerer.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħek. (għal għaxar darbiet)

Lettur 1:      Ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Lettur 2:      Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

                    Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Kant:           Kemm nixtieqni nibqa’ miegħek

                    mas-salib, u fid-dmugħ tiegħek

                    nissieħeb minn qalbi.

Lettur 1:      Ruħ ta’ Kristu, qaddisni.

Lettur 2:      Ġisem ta’ Kristu, salvani.

Lettur 1:      Demm ta’ Kristu, ħeġġiġni.

Lettur 2:      Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.

Lettur 1:      Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.

Lettur 2:      O Ġesù ħanin, ismagħni.

Lettur 1:      Fil-pjagi tiegħek aħbini.

Lettur 2:      Tħallini qatt ninfired minnek.

Lettur 1:      Mill-għadu qarrieq ħarisni.

Lettur 2:      Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.

Lettur 1:      Ġewwa ħdanek ilqagħni,

Lettur 2:      biex mal-anġli u l-qaddisin tiegħek infaħħrek għal dejjem ta’ dejjem.

Lettur 1:      Ammen.

Kant:           Verġni Mbierka, Omm qalbiena,

                    uri miegħi din il-ħniena,

                    biex inħoss l-indiema.

                    Mewt Ġesù qegħedli quddiemi,

                    fuq il-pjagi jkun biss kliemi

                    u l-Passjoni tiegħu.

                    Ġagħalni nħoss il-pjagi fija,

                    is-salib u kull tbatija,

                    u nissaffa b’Demmu.

Lettur 2:      Skont il-fehma tal-Papa.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Lettur 2:      Għall-mejtin kollha.

Lettur 2:      Missierna.              Lettur 1:      Ħobżna.

Lettur 2:      Sliema.                   Lettur 1:      Qaddisa.

Lettur 2:      Glorja.                   Lettur 1:       Kif kien mill-bidu.

Kant:           Verġni Mbierka, ieqaf miegħi

                    f’Jum il-Ħaqq, biex fit-tmiem tiegħi

                    fin-nar qatt nintilef.

                    Bis-salib fit-triq wennisni,        

                    u b’mewt Ibnek, Omm, ħarisni,

                    żommni sħiħ fil-grazzja.

                    Meta jmut dal-ġisem fqajjar,

                    agħmel int li jien nittajjar

                    lejn is-sebħ tal-Ġenna. Ammen.

Taħlifx fuq il-paċi daqslikieku kienet xi prodott finali: tispiċċa biex taqta’ qalbek.

Il-paċi hija port li tarah dejjem imma li qatt ma tidħol fih kompletament.

Il-maratona tal-paċi tintrebaħ fl-istazzjonijiet u mhux fil-finish line.

Dejjem ser jibqa’ vojt bejn il-ħolma mbenna u r-realizzazjonijiet milħuqa.

L-uċuħ tal-kisbiet ma jaqblux għalkollox mal-utopija.

Id-“diġà issa” u l-“mhux għalkollox” qatt mhuma ser jeħlu ma’ xulxin.

Fil-grawnd tal-paċi mhux ser tisma’ s-suffara ta’ tmiem il-partita, għaliex hija logħba li tkompli dejjem bil-ħin supplementari.

Dan kollu jista’ jwassal għal delużjoni u għeja, jista’ jfarrak l-operat u jitfa fi kriżi u falliment is-sistema kollha. Imma min huwa konvint li l-paċi hija ġid li ser igawdih kollu kemm hu fl-aħħar fażi tas-Saltna, ser isib dejjem raġunijiet ġodda biex ikompli jiġri anki fis-sitwazzjoni ta’ check mate permanenti li fiha tinsab miżmuma l-istorja.

Kristu, il-Paċi tagħna, ma jiddeludix.

Avolja nduqu biss frak tal-paċi, li tilgħab kollox fuqha tfisser li tilgħab kollox fuq                    il-bniedem, anzi fuq il-bniedem il-ġdid, fuq Ġesù Kristu li huwa l-paċi tagħna, u hu ma jiddeludix.

Wara kollox anki hu, sakemm nibqgħu fuq din l-art, għalina jibqa’ mistieden mgħotti, kulma għandna tiegħu hija biss biċċa esperjenza, u l-mogħdijiet tiegħu nindunaw bihom permezz ta’ sinjali li rridu ninterpretaw u passi li rridu nistudjaw. Wiċċ imb wiċċ, hekk kif inhu tassew, ser narawh biss fiż-żerniq tas-Saltna ta’ Alla.

Allura, bħalma kienu jagħmlu fl-antik, is-sinjali li bihom ħażżiżna l-paċi hawn isfel għad jingħaqdu flimkien fid-dawl ta’ għajnejh u saflaħħar jieħdu l-forma ta’ wiċċu. U din           id-darba r-realtà tiżboq il-ħolm. Imma hawnhekk diġà qegħdin fuq l-għatba tal-misteru!

(don Tonino Bello)

Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem! Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading