Ħsibijiet u talbiet ta’ San Ġorġ Preca.
Fl-imħabba tiegħu lejn Marija Santissma, ma setax jonqos li San Ġorġ Preca ma jkollux ħsibijiet u talbiet sbieħ dwar id-Duluri tagħha. Isejħilha “ir-reġina tal-martri”, għax kif jgħid: “ħadd ma sofra fid-dinja daqskemm sofriet Marija.”
Meta fl-Ora Santa ta’ San Gejtanu, ifakkar lil Ġesu’ fil-wasla tiegħu fuq il-Kalvarju, jgħid lil Ġesu’ li din it-tbatija saret “fil-preżenza tal-omm tiegħu Marija”. F’din l-Ora Santa, jagħmel ukoll talba sabiħa: “O Verġni mbierka, agħtini li nibki fejn inqast serjament fil-ħajja tiegħi, u stampa f’qalbi l-pjagi ta’ Kristu; u nitolbok ukoll li d-duluri tiegħek u l-mewt ta’ Ibnek ma jkunux bla frott għalija u għal ħuti bnedmin.” Dan il-ħsieb insibuh ukoll fl-aħħar tat-talba ta’ kompassjoni lil Marija Santissma Addolora li jsir fil-lejl ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa: “O Verġni Mbierka, bil-qawwa tiegħek agħmel li l-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu Ibnek u d-duluri tiegħek ma jkunux bla frott għalija”.

Fil-ktieb tiegħu ‘Il-Benedicta’, San Ġorġ Preca jħajjarna nifhmu l-valur ta’ dak li għamlet Marija fid-duluri tagħha għaliex hija tapprezza li aħna nissieħbu magħha fin-niket li ġarrbet. Isemmi lil San Gabrijel tal-Addolorata li jgħid li “Marija Santissma tgħodd ruħha midjuna lejn min jiftakar fid-duluri tagħha”.
Għax “Marija trid”, jgħid San Ġorġ Preca, “li l-iskulari tal-Iben tagħha jagħdruha fid-duluri tagħha, u hekk ukoll jifhmu li s-sofferenzi huma ħwejjeġ prezzjużi fl-għajnejn ta’ Alla ladarba Huwa tahom lill-Iben tiegħu u lill-omm ta’ l-Iben tiegħu. Jgħid li: “id-duluri li ġarrbet Marija Santissima fuq din l-art jgħallmuna kemm tassew prezzjużi fl-għajnejn ta’ Alla huma s-sofferenzi”.
Marija sofriet wisq ma’ Ġesù li kienet tgħożżu bħal Alla tagħha u għalhekk kienet tħobbu b’qalbha kollha. Kienet tħobbu bħala iben mżejjen b’tant kwalitajiet amabbli (ta’ mħabba) u għalhekk, billi d-duluri jitqiesu mill-imħabba, il-qalb tagħha sofriet hekk li ħadd bħalha ma sofra u lanqas jista’ jsofri.
F’dan il-ktieb, ‘Il-Benedicta’, San Ġorġ Preca jikteb li Marija kienet taf li l-iben tagħha ġie fid-dinja biex jikkumbatti mal-prinċep tad-dlamijiet, li ppersegwitah permezz tal-kbarat tal-Lhud sal-mewt tas-salib. Imma l-qalb tagħha quddiem baħar ta’ duluri (espressjoni sabiħa ‘baħar ta’ duluri’) kienet sostnuta bil-fortezza għax kienet taf tajjeb li l-Iben tagħha kellu jagħmel ir-rebħa bil-mewt u bil-qawmien tiegħu mill-mewt. Marija kellha t-tama. Kienet taf li l-Iben tagħha kellu jirċievi b’ġustizzja l-eżaltazzjoni tiegħu fil-glorja ta’ Alla l-Missier, u dawn il-ħwejjeġ, li hija kienet temmen u tittama, kienu għaliha fortezza quddiem tant duluri ħorox.
Dawk li jagħdru lil Marija fid-duluri tagħha jaslu f’qasir żmien biex jabborru kull ma tapprezza d-dinja u biex jgħożżu dak li apprezza l-Iben tagħha Ġesù, għax persważi li Marija hija l-omm ta’ Alla, u għalhekk bħalha jkunu jridu jimxu, lilha jimitaw f’kull virtù.
Ta’ qaddis li hu, San Ġorġ Preca jara l-ġid fis-sofferenzi, u jgħid li m’hemmx triq oħra quddiem Alla ħlief dik tad-duluri għal dawk li Alla għażel għalih. Kristu stess qal li huwa ħabb ’il dawk li għażel, kif l-istess Missier tiegħu ħabb lilu. Din sabiħa, li lil dawk li għażel qrib tiegħu, riedhom miegħu fis-sigħat ta’ tbatija. Lil dawk li kienu eqreb lejn il-qalb tiegħu lestielhom post maġenbu fuq il-Kalvarju biex isofru miegħu, speċjalment (jgħidilna San Ġorġ Preca) l-omm għażiża tiegħu li riedha preżenti għal dik ix-xena kollha doloruża ta’ l-agunija u tal-mewt tiegħu. Għax filwaqt li aħna nibżgħu, u bir-raġun, mis-sofferenzi, il-grazzja tapprezza s-sofferenzi għax, jgħid San Ġorġ Preca, li “wieħed jara l-ġid kbir li jiġi minnhom”.
Marija titkellem mal-qalb ta’ dawk li jfittxuha, u tgħidilhom fuq l-eżempji tagħha li t-batija hi triq għall-ġenna u li fid-dinja kollox jgħaddi. Imma ma tiqafx hemm. San Ġorġ Preca jgħid li fis-sofferenzi tagħna, Marija tgħinna bit-talb tagħha quddiem Alla.
Jistedinna biex aħna wkoll nitolbuha, għax Marija Santissma sabet grazzja quddiem Alla, u dawk li rrikorrew lejha sabu huma wkoll grazzja quddiem Alla.” San Ġorġ Preca xtaq li fi tmiem ir-Rużarju, ninvokaw lil Marija Addollorata u nitolbha: “Omm Verġni Marija, li nissiltna wliedek fid-duluri tar-ruħ ħelwa tiegħek, wieqfa fejn is-salib, l-altar li fuqu offra ruħu vittma lil Alla l-Missier, għall-maħfra tad-dnubiet ta’ kulħadd, Kristu Ġesu’, l-Iben waħdieni tiegħu u l-frott waħdieni tal-ġuf verġinali tiegħek, agħmel li b’barka eterna aħna nkunu milqugħin minn Ġesu’ fil-ħdan tal-ħlewwa tiegħu.”
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qima tal-Pjagi ta’ Kristu jistedinna hekk: “L-iktar għeżież, inġibu fil-ħsieb tagħna lil Kristu Ġesu’ mejjet, imqiegħed fi ħdan Ommu Marija Santissima deżolata, u flimkien magħha nitfgħu għajnejna fuq il-pjagi divini tiegħu. “ U nitolbuha: “Miegħek, Verġni Marija, nibku u nitħassruk, għax l-imsiemer u l-lanza nifdu l-ġisem ta’ Kristu u sejf tad-dulur, omm l-aktar imqaddsa, nifed ir-ruħ tiegħek”.