Ġwanni Pawlu II waqt Viżta Pastorali fil-Parroċċa ta’ Santa Marija Awżiljatriċi al Tuscolano

VIŻTA FIL-PARROĊĊA TA’ SANTA MARIJA AWŻILJATRIĊI AL TUSCOLANO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 20 ta’ Mejju 1984

1. “Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6). B’dan il-kliem ta’ Kristu rxuxtat insellem lill-parroċċa Rumana ddedikata lil Santa Marija Awżiljatriċi.

Niġi hawn bħala Isqof ta’ Ruma, flimkien mal-kardinal vigarju u mal-isqof awżiljarju tas-settur tagħkom, biex ngħixu magħkom, għeżież ħuti, f’dan il-Ħadd, il-ħames Ħadd taż-żmien tal-Għid, il-ferħ tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej.

Dan il-ferħ jiġi mill-fatt li Kristu, fil-qawwa tas-salib tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet, iwassalna għand il-Missier. U fid-dar ta’ Missieru hemm ħafna postijiet. Huwa jmur biex iħejji wkoll għalina (cf. Gv 14, 2).

Il-ferħ tal-qawmien mill-imwiet jinbidel issa b’mod ċar fl-istennija tar-ritorn ta’ Kristu fis-sema. U dan iqanqal ċertu niket u biżà. Għalhekk is-Salvatur jgħid: “Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14, 1).

Il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej fetaħ prospettiva ċara tal-aħħar destini tal-bniedem f’Alla. Kristu jiggwidana lejn dawn id-destini fil-qawwa tal-Ispirtu Santu. Ejjew inħejju ruħna għall-Axxensjoni u flimkien għall-Pentekoste.

Fl-spirtu ta’ din it-tħejjija nixtieq ngħix il-laqgħa tallum mal-parroċċa tagħkom.

2. Kristu huwa it-triq: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu (cf. Ġw 14, 6).

Il-paġna tal-Vanġelu ta’ Ġwanni ta’ dan il-Ħadd tiġbor fiha uħud mill-affermazzjonijiet l-iktar profondi tat-tejoloġija kattolika, li jwieġbu għall-interrogattivi u għall-esiġenzi li jħoss l-iktar il-bniedem.

L-appostlu Filippu, b’sempliċtà imma wkoll b’kurżità anzjuża, jitlob lill-Imgħallem divin: “Mulej, urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina!” Donnu kważi jħoss l-mistoqsija li tinkwieta l-bniedem ta’ kull żmien, dejjem fil-bżonn ta’ ċertezza u sikurezza, mixtieq li jiltaqà ma’ Alla. Ġesù jwieġeb b’awtorità soda: “Min ra lili, ra lil Missier. Ma temminx li jien fil-Missier u l-Missier hu fija? Il-kliem li ngħidilkom, ma’ ngħidhomx minn jeddi; imma l-Missier li hu fija jwettaq l-opri tiegħu. Emmnuni: jiena fil-Missier u l-Missier hu fija”. Ġesù jenfasizza l-identità perfetta tan-natura bejnu u l-Missier, u allura l-identità tal-ħsieb (“Il-Missier li hu fija jwettaq l-opri tiegħu”), għalkemm fid-distinzjoni tal-persuni divini.

Ġesù donnu jċanfar lil Filippu għall-mistoqsija tiegħu: “Ilni tant żmien magħkom u int għadek ma għaraftnix?” Imma, iktar minn ċanfira kienet osservazzjoni tad-diffikultajiet li r-raġuni umana tħoss quddiem il-misteru. Infatti, hawnhekk ninsabu fil-quċċata tal “misteru trinitarju” u biss billi nkunu nafu profondament lil Ġesù Kristu u billi naċċettaw il-messaġġ kollu tiegħu huwa possibbli li nsiru nafu lil Alla bħala Missier, li jirrivela l-imħabba tiegħu bil-ħolqien u bir-redenzjoni. Ġesù biss huwa t-triq għall-Missier; Ġesù biss iġibna nafu il-“misteru traxxendenti” tat-Trinità Qaddisa u l-“misteru immanenti” tal-providenza ta’ Alla, preżenti fil-ħajja tal-bnedmin bil-proġett tas-salvazzjoni, li jwasslilna imħabbtu, ħnintu u l-maħfra tiegħu.

L-appostlu Tumas imbagħad jesponi, b’sempliċità ugwali, it-tieni domanda ugwalment fundamentali, fir-rigward tad-destin tal-bniedem: “Mulej aħna ma nafux fejn int sejjer u kif nistgħu nkunu nafu t-triq?” Ġesù jwieġeb b’ċarezza ugwali li hu kien se jmur lura għand il-Missier, fejn kulħadd huwa msejjaħ biex jidħol, għaliex hemm post imħejji. It-triq hi hu stess, bil-verità li hu rrivela u l-grazzja sagramentali  li hu ġab bl-inkarnazzjoni u r-redenzjoni. L-idea nisranija tal-ħajja hija radikalment “eskatoloġika”, u jiġifieri pproġettati ‘l hemm miż-żmien u ‘l hemm mill-istorja: kull wieħed u kull waħda rridu nittraffikaw b’mod appassjonat t-talenti tagħna matul l-eżistenza, fl-istennija tal-post feliċi u etern fid-dar tal-Missier: “Niġi lura u neħodkom miegħi, sabiex tkunu intom ukoll fejn inkun jien”. U Ġesù jikkonkludi billi jindirizza wkoll lilna kelmtu deċiżiva: “Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll”. Dwar il-kwestjonijiet li jirrigwardaw is-sinifikati aħħarin tal-eżistenza tagħna, Ġesù biss huwa d-dawl; hu biss huwa l-verità.

3. Kristu jwassalna għand il-Missier, billi jsir il-ġebla tax-xewka tal-Knisja, u jiġifieri tat-tempju spiritwali.

It-tieni qari, meħud mill-ewwel ittra ta’ San Pietru, iġegħlna nimmeditaw fuq il-Knisja u fuq il-missjoni tal-lajċi fil-Knisja.

Ġesù ried jagħżel lil Pietru u lill-appostli biex fuqhom u fuq is-suċċessuri tagħhom iwaqqaf il-Knisja, billi tahom l-istess poteri divini tiegħu u billi kkonsenjalhom l-verità rivelata għat-trażmissjoni integra tagħha, l-iżvilupp tagħha bl-assistenza tal-Ispirtu Santu u d-difiża tagħha kontra l-iżbalji. Imma huwa wkoll evidenti, kif jgħid Pietru, li l-“ġebla tax-xewka” tal-bini spiritwali jibqà hu, Kristu: ġebla ħajja, magħżula, prezzjuża u “min jemmen fiha ma jitħawwadx”. F’kuntest ieħor, San Pawl ukoll jiddikjara: “. . .dik il-ġebla kienet Kristu” (1 Kor 10, 4). Fuq din il-“ġebla tax-xewka”, li sfortunatament minn bosta hija mwarrba b’dannu komuni, għaliex ma tistax tkun eliminata, is-segwaċi kollha ta’ Kristu huma msejħa biex ikunu “ġebel ħaj” għall-kostruzzjoni tal-bini spiritwali, “għal saċerdozju qaddis, biex joffri sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu”. Kbira hija mela d-dinjità u kbira r-responsabiltà ta’ kull nisrani! “Unur lilkom li temmnu! – jikteb San Pietru – intom ir-razza magħżula, is-saċerdozju rjali, in-nazzjon qaddis, il-poplu li Alla akkwista biex ixandar l-opri meraviljużi ta’ dak li sejħilkom mid-dlamijiet għad-dawl meraviljuż tiegħu!”.

4. Hekk mela Kristu huwa t-triq u aħna nimxu fih lejn il-Missier, lejn id-dar tal-Missier. Fih: fil-qawwa tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Fil-qawwa tal-Vanġelu tiegħu u tal-Ewkaristija.

U fl-istess ħin Kristu huwa ġebla tax-xewka: imexxina lejn il-Missier fil-komunità tal-poplu “li Alla akkwista” (1 Pt 2, 9), billi għamilna “ġebel ħaj għall-kostruzzjoni ta’ bini spiritwali” (1 Pt 2, 5).

Kristu jmexxina għad-destini definittivi f’Alla permezz tal-istess Knisja, li huwa waqqaf fuq l-appostli, kif jixhed l-ewwel qari.

F’din il-Knisja hemm ukoll diversi servizzi, bħal, per eżempju, is- sevizz tad-djakni, id-djakonija. L-ewwel qari tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta appuntu l-istituzzjoni tad-djakonat.

Permezz ta’ parteċipazjoni fid-djakonija tal-Knisja   multipla nibnu, bħal ġebel ħaj, bini spiritwali. Il-ġebla tax-xewka tibqà dejjem ir-redenzjoni: is-servizz tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, Magħha  ngħaqqdu lkoll il-ħajja u s-salvazzjoni.

5. Hawn jien mela magħkom, għeżież fidili tal-parroċċa ta’ Santa Marija Awżiljatriċi al Tuscolano! Il-viżjoni bibliko-liturġika li slitna mill-qari, tgħodd perfettament ukoll għalikom, u hekk jiena llum insellem lil dawk li f’din il-komunità jibnu t-“tempju ta’ Alla bħal ġebel ħaj, “razza magħżula, saċerdozju qaddis”, imsejħin biex joffru sagrifiċċji spiritwali, li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu.

Jiena kuntent ħafna li ninsab hawn magħkom illum, għaliex huwa x-xahar ta’ Mejju, ikkonsagrat partikolarment għad-devozzjoni lejn il-Verġni Santissma, u barra minn hekk għaliex din is-sena nikkommemoraw il-ħamsin sena tal-kanonizzazzjoni ta’ San Ġwann Bosco. Dawn iċ-ċirkustanzi jimbuttawni biex ninkuraġġixxi lis-Sależjani  ta’ min ifaħħarhom, li ilhom imexxu din il-parroċċa għal tant snin, biex ikunu dejjem żelanti u mħeġġa fli jsegwu l-ispiritwalità ta’ Don Bosco u intom, fidili, biex tissekondaw id-direttivi tagħhom.

Bla dubju x-xogħol li jrid jitwettaq fil-parroċċa tagħkom, li tilħaq kważi ħamsin elf abitant, huwa mpenjattiv u fatikuż ħafna u, waqt li niżżi ħajr minn qalbi lis-saċerdoti għall-opra tagħhom kostanti u lill-assistenti Sależjani għall-kollaborazzjoni tagħhom, nixtieq ukoll nuri lilkom l-kuntentizza tiegħi ħajja għall-attivitajiet vivaċi kollha u l-inizjattivi li jagħtu kordinament lill-komunità kollha: is-suddiviżjoni tsal-parroċċa f’erbà setturi afdati kull waħda lill-viċikappillan, li tippermetti kuntatt personali ikbar u toħloq sens iktar ħaj ta’ appartenenza; il-kunsill presbiterjali u pastorali,  imdawra mill-konsulti għad-diversi kategoriji tal-fidili; iċ-ċentru ta’ formazzjoni professjonali; l-oratorji maskili u femminili, bil-gruppi mużikali, sportivi, karitattivi, missjunarji; il-kunsill familjari, dejjem iktar importanti u meħtieġ; l-attività katekistika, b’sebgħin katekist u bil-laqgħat ta’ tħejjija; il-korsijiet ta’ istruzzjoni għall-Magħmudija, il-Griżma u iż-Żwieġ; l-organizzazzjoni ta’ fraternità u ħbiberija, Huwa xogħol sabiħ, intens u organizzat, li qegħdin twettqu biex tgħixu b’konvinzjoni u koerenza dejjem ikbar l-ideal nisrani, u biex tqarbu lejn Kristu lil dawk li ma jafuhx jew li jgħixu bogħod minnu. Komplu b’entużjażmu u ġenerożità l-istruzzjoni reliġjuża, metodika u sħiħa, il-frekwenza għall-quddiesa festiva u s-sagramenti, u l-inseriment attiv u responsabli ta’ bosta persuni oħra fl-istrutturi tal-attivitajiet parrokkjali.

Il-parroċċa tagħkom hija ddedikata lil Marija Awżiljatriċi. Huwa magħruf li Don Bosco, qrib l-1863, kien beda jiċċelebra lil Marija Santissma taħt dan it-titlu għal diversi mottivi, u mhux biss għall-bini tas-santwarju grandjuż ta’ Valdecco, imma b’mod speċjali għad-difiża tal-Knisja u tal-Papa f’dawk is-snin partikolarment diffiċli. Lil Don Bosco dehrlu li l-għajnuna ta’ Marija kienet iktar minn meħtieġa u xerred id-devozzjoni, konvint li din ma kinitx biss iktar “ta’ bierda li li jkunu midimbin ferventi biex jikkonvertu, innoċenti x’tippreserva”, imma li ssalva l-istess Knisja “attakkata minn kull naħa (cf. Giovanni Bosco, Maraviglie della Madre di Dio, invocata sotto il titolo di Maria Ausiliatrice, Torino 1868).

Bla dubju ż-żminijiet inbidlu, imma d-diffikultajiet huma dejjem preżenti: itolbu kuljum lil Marija Awżiljatriċi, patruna tagħkom, għall-bżonnijiet spiritwali u materjali tagħkom; imma itolbuha b’mod speċjali għall-bżonnijiet tal-parroċċa tagħkom, u tal-Knisja kollha kemm hi!

 Madankollu Don Bosco kien kiteb: “Waħda biss hija x-xewqa tiegħi, dik li narakom kuntenti fiż-żmien u fl-eternità, Jiena wkoll nixtieq dan  bl-ikbar ħerqa għalikom ilkoll! U s-sigriet tal-kuntentizza jinsab fil-“beatitudni”, u jiġifieri fl-imħabba, fil-karità, fl-entużjażmu, fil-ġenerożità, fl-għajnuna reċiproka, fil-fedeltà mal-grazzja ta’ Alla, fit-talb, fil-ħniena, fil-maħfra. Jalla jkunu dawn il-proposti konkreti u ta’ kuljum tagħkom, sabiex tkunu tassew “ġebel ħaj” tat-tempju spiritwali tal-parroċċa tagħkom.

6. Għeżież ħuti!

Żommu profondament fil-qalb il-verità feddejja li l-Knisja xxandar fil-ħames Ħadd tal-Għid.

Jalla din tissaħħaħ fil-kuxjenza tagħkom.
Tiggwida l-imġieba tagħkom.
Kristu huwa t-triq, il-verità, il-ħajja.

Ejjew nimxu g’din it-triq!
Inħobbu din il-verità!
Ngħixu din il-ħajja!

“Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14, 1.27).
Ħallu li tippenetrakom din il-qawwa li tiġi mill-qawmien mill-imwiet tal-Mulej.

Ir-rebħa hija l-fidi tagħna (cf. 1 Gv 5, 4).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading