VIŻTA PASTORALI F’VITERBO
ĊELEBRAZJONI FIL-PJAZZA TAL-MARTI TAL-UNGERIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 27 ta’ Mejju 1984
1. “L-art kollha tagħtik qima, / tgħannilek u tgħanni lil ismek. / Ejjew u araw l-għemejjel ta’ Alla, / tal-biżà f’għemilu fost il-bnedmin.” (Sal 66, 4-5).
Il-Knisja llum tadura lil Alla bis-salm responsorjali tal-liturġija tagħha, u f’dan is-salm tirrifletti l-ferħ taż-żmien Paskwali.
L-opra ta’ Alla, l-opra meraviljuża li huwa wettaq f’nofs il-bnedmin. U wettaqha f’Ġesù Kristu, mislub u rxuxtat. Alla wettaqha permezz tiegħu, li sar ubbidjenti sal-mewt tas-salib (Fil 2, 8), u b’din l-ubbidjenza mwielda mill-imħabba lejn il-Missier u lejn il-bnedmin rebaħ il-mewt u rrivela l-ħajja fil-verità u r-realtà kollha tagħha.
Din l-opra twettqet minn Alla u Kristu Sidna taħt għajnejn numru ta’ xhieda. Hija propju l-vuċi tagħhom, magħquda mal-għajta tas-salm, li tistieden lil kulħadd biex jiġi u jara l-opra tal-qawmien mill-imwiet u tar-redenzjoni. Ilkoll aħna msejħin biex nieħdu sehem fil-misteru paskwali ta’ Kristu. L-art kollha u l-ħolqien kollu jirrakkontaw b’mod ġdid il-glorja ta’ Alla: ukoll l-art u l-krejaturi jieħdu sehem fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.
2. Il-Knisja hija l-portavuċi u s-servitriċi ta’ din il-glorja. Hija hi “salmista” tal-ħwejjeġ hekk meraviljużi li Alla għamel fost il-bnedmin. U fl-istess ħin il-Knisja, f’dan il-Ħadd paskwali, taqra b’attenzjoni l-Atti tal-Appostli biex tfakkar mill-ġdid għal darb’oħra, kif il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu ipproduċa l-ewwel effetti f’nofs il-bnedmin.
Hekk hu, naqraw li d-djaknu Filippu ippridka lil Kristu fis-Samarija, billi kkonferma bis-sinjali tal-verità tat-tagħlim imħabbar. U hekk is-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla. Fuq il-passi ta’ Filippu imxew lejn dik il-belt l appostli Pietru u Ġwanni biex iqegħdu jdejhom, f’isem Sidna Ġesù, fuq l-imgħammdin u fuq dawk li rċivew l-Ispirtu Santu (cf. At 8, 5-8.14-17).
3. Illum ingħatali li nfakkar ġewwa Viterbo din il-ġrajja li l-Atti tal-Appostli jirreferu bħala li seħħet fl-ewwel jiem tal-Knisja. L-istorja tal-Knisja tiżviluppa minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni u minn seklu għal seklu, sa miż-żmiijiet apostoliċi. U l-belt tagħkom ukoll, għeżież ħuti, kitbet kapitlu speċifiku ta’ din l-istorja, li miż-żminijiet tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu hija marbuta b’mod partikolari ma’ Ruma u wkoll mal-Italja kollha.
Kif nafu, infatti, l-illustri beltkom hija storikament marbuta mal papat: għal diversi għaxriet ta’snin tas-seklu XIII, kienet is-sedja tas-suċċessur ta’ Pietru. Hemm ukoll inżammu numru ta’ Konklavi, minn wieħed minnhom ħareġ elett Papa imbagħad proklamat beatu, Gregorju X. F’dak il-perijodu il-preżenza tal-qorti papali ġabet fil-belt żvilupp notevoli, kemm mill-punt di vista urbanistiku kif ukoll kummerċjali u kulturali. Imma ‘l hemm minn dan kollu, wieħed jinnota li l-belt tagħkom, li ftit snin qabel kienet ġiet imdawla bil-preżenza evanġelika ta’ Santa Roża, billi akkomodat is-Sedja Apostolika, tat xhieda prezzjuża ġdida ta’ fidi nisranija u ta’ komunjoni dkkleżjali, li ġustament baqgħet imfakkra tul is-sekli.
“Għajtu bil-ferħ lil Alla minn l-art kollha” (Sal 66, 1).
Jgħajtulu l-bliet u n-nazzjonijiet.
Għajjatlu int belt ta’ Viterbo, sedja medjevali tal-isqfijiet ta’ Ruma, sedja medjevali tas-suċċessuri ta’ Pietru. Iżżih ħajr għall-opri li Alla wettaq f’nofs l-antenati tiegħek permezz tal-ministeru tal-isqfijiet ta’ Ruma; u jalla jkompli jwettaq.
4. F’dan il-Ħadd il-Knisja, mimlija bil-ferħ paskwali, waqt li tħejji ruħha għat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, tgħix fl-istess ħin il-wegħda ta’ Konsolatur ieħor”: l-“Ispirtu tal-verità” (Ġw 14, 16.17).
Kristu Sidna, waqt li jwiegħed, lejlet il-passjoni, l-Ispirtu Santu li kellu jibgħat, jgħid lill-appostli: “Ma nħallikomx iltiema, nerġa niġi għandkom” (Gv 14, 18).
Aħna nħejju ruħna, bħal kull sena, għall-Pentekoste. F’din it-tħejjija hemm miġbur il-ferħ ta’ Miġja ġdida ta’ Kristu stess. Hu, irxuxtat u gglorifikat, waqt li jgħammar fil-Missier, jiġi, fl-istess ħin, għandna fl-Ispirtu Santu, fil-Konsolatur, fl-Ispirtu tal-verità.
U f’din il-miġja l-ġdida jirrivela l-għaqda tagħna mal-Missier: “Intom tafu li jiena fil-Missier u intom fija u jiena fikom” (Ġw 14, 20). Il-Knisja llum tara lilha nfisha bħall-poplu ta’ Alla magħquda mal-Missier f’Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu Santu.
U l-Knisja tifraħ b’din il-verità, b’din ir-realtà. Il-Knisja ssib fiha, dejjem mill-ġdid, is-sors li ma jintemmx tal-missjoni tagħha u tal-aspirazzjoni tagħha għall-qdusija.
5. Il-missjoni tal-Knisja, l-aspirazzjoni għall-qdusija, jitwettqu permezz tal-imħabba.
Kristu jgħid fil-Vanġelu tallum: “Min iħobb il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni. Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Gv 14, 21).
Hekk mela l-imħabba tintroduċina fl-għarfien l-iktar profond ta’ Ġesù Kristu. L-imħabba tiftaħ quddiem il-qalb umana l-misteru ta’ din l-għaqda mal-Missier fi Kristu permezz tal-qawwa tal-Ispirtu Santu, operanti fina.
U għalhekk l-imħabba hija l-ikbar kmandament tal-Vanġelu. Fih jitwettqu l-kmandamenti u l-pariri kollha. Din hija “ir-rabta tal-perfezzjoni” (Kol 3, 14).
X’ferħ hu għalija, għeżież Viterbiżi, li nistà nfakkar illum xi figuri meraviljużi tal-imgħoddi imbiegħed u qarib li hawn, fil-belt tagħkom, wieġbu b’mod ġeneruż għas-sejħa evanġelika għall-imħabba.
Liema tweġiba żagħżugħa li kienet din tiegħek Santa Roża! Din, minkejja t-tibdil taż-żminijiet, tippreżenta ruħha wkoll illum bħala mudell għat-tfajliet u għall-ġuvintur, billi tistedinhom biex jifhmu sal-qiegħ, f’ħajjithom, l-assolut ta’ Alla f’donazzjoni sħiħa ta’ mħabba ‘l hemm minn kull rispett uman!
Fiċ-ċirkustanza preżenti, niftakru wkoll lil Santa Ġiacinta Narescotti, mnissla minn klassi soċjali tassew differenti, li għexet fi klima storika u kulturali oħra, bdanakollu marbuta b’tant xebħ mal-Verġni Roża! Bħal din, Ġiaċinta kienet sensibbli b’qawwa kbira mal-fatt li l-konsagrazzjoni lil Alla u l-imħabba perfetta li jgħaqqadhom jinvolvu dedikazzjoni sħiħa għal ġid komuni kemm tal-Knisja kif ukoll tas-soċjetà. U dawn iż-żewġ nisa straordinarji, bil-qawwa tal-Ispirtu, irnnexxilhom iwettqu dak l-ideal b’mod li llum ukoll għadu eżemplari.
Niftakru wkoll f’San Krispin, li jien kelli l-ferħ li nikkanonizza: figura ta’ Patri Lajk kapuċċin, li għex xi sekli ilu, imma li l-eżempju tiegħu huwa wkoll estremament attwali: l-eżempju ta’ kristjaneżmu migħux f’ferħ qaddis, li, bħal konkwista nterna diffiċli, u servizz skwiżit mogħti lill-proxmu li jsib ruħu fil-bżonn ta’ paċi u ta’ konsolazzjoni. B’dan l-atteġġjament ferrieħi u twajjeb, San Krispin għaraf ikun tassew “sajjied tal-bnedmin”, billi ġibed l-erwieħ lejn l-imħabba tas-salib ta’ Kristu u għat-tiftix tal-qdusija.
“Għajtu bil-ferħ lil Alla minn l-art kollha”.
Għajjatlu, o belt ta’ Viterbo, billi tħares lejn l-opra li Alla wettaq f’nofs l-antenati tiegħek.
Din l-opra huma n-nies ħajjin tiegħek, li fihom il-misteru paskwali ta’ Kristu sab l-espressjoni sħiħa fil-qdusija ta’ ħajjithom.
6. U, fl-aħħarnett, erġgħu isimgħu għal darb’oħra l-kliem ta’ San Pietru. Wieħed jistà jgħid li permezz tal-imgħoddi tagħkom, o Viterbiżi, intom marbutin b’mod speċjali mal-figura tal-appostlu li waqqaf is-Sedja Rumana.
Hawn hu x’jgħid Pietru l-appostlu fl-ewwel ittra tiegħu, li minnha huwa meħud it-tieni qari tal-liturġija tallum:
“Lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom, kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom . . .!” (1 Pt 3,15).
Hawn hawn l-ewwel stedina: għal fidi ċara, konxja, kuraġġuża. Tali fidi jitlob minna Kristu msallab u rxuxtat, ukoll fi żminijietna. Fiha ssib ukoll il-bidu it-tama nisranija.
Hawn hu mbagħad il-kliem l-ieħor tal-appostlu:
“Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett, Żommu safja l-kuxjenza. . . Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin” (1 Pt 3, 15-17).
It-tieni stedina: li mill-fidi jirriżultaw l-opri! Li l-fidi tifforma l-kuxjenzi! Kristu msallab u rxuxtat huwa il“metru” l-iktar perfett tal-kondotta tagħna.
Għeżież ħuti! Huwa għalija mottiv ta’ ferħ li ninsab hawn ġo Viterbo fl-okkażjoni tal-50° anniversarju tas-saċerdozju tal-Isqof żelanti tagħkom. Flimkien miegħu ngħidilkom, għeżież ħuti, ilqgħu dawn l-istedini ta’ San Pietru Appostlu. Immeditawhom. Addattawhom għall-bżonnijiet u għall-esiġenzi ta’ ħajjitkom ta’ kuljum! Jalla kull wieħed u waħda minnkom tkomplu tiktbu dak il-kapitlu tal-istorja tal-Knisja, li hawn għandu passat hekk għani!
Ikun magħkom Kristu rxoxt u l-Ispirtu Santu Paraklitu: l-Ispirtu tal-verità.
Ngħollu qlubna ‘l fuq!
Sursum corda! Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb