3. Il-Qalb li Tittama

Is-sena 2025 tfakkar l-anniversarju mit-350 sena mid-dehriet tal-Qalb ta’ Ġesù lil Santa Margerita f’Paray-le-Monial (Franza) u għalhekk in-Network Dinji ta’ Talb mal-Papa (l-Appostolat tat-Talb) qed jaħseb biex jimmarka dan l-avveniment f’Malta bi 3 proposti ta’ talb ta’ adorazzjoni għall-parroċċi tagħna fl-ewwel 3 ġimgħat fix-xahar ta’ Ġunju. (Il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù se tkun ir-raba’ Gimgħa).

It-temi li ser nipproponu huma :
1. Il-Qalb li Tħobb;
2. Il-Qalb Muġugħa;
3. Il-Qalb li Tittama.

Dawn it-temi ser ikunu ċċentrati fuq l-ispiritwalità tal-Qalb ta’ Ġesù.

Adorazzjoni – Il-Qalb Li Tittama

Fil-verità, it-tama Nisranija ma tqarraqx bina  u ma tiddiżappuntaniex, għax hi mibnija fuq iċ-ċertezza li xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla. ….Għalhekk li din it-tama ma ċċedix fid-diffikultajiet: hi tinbena fuq il-fidi u titmantna bl-imħabba. (Papa Franġisku)

Kant: Lil Ġesù Ostja

Qari:  Mill-evanġelu ta’ San Luqa 5:18-26

Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq.

U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù. Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura.”

Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?” Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef, tgħid ‘Dnubietek maħfura’ jew tgħid ‘Qum u imxi’? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art” – qal lill-mifluġ: “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.” U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.

Mulej tiegħi u Alla tiegħi, jien inħobbik u nadurak.

Mulej,  jien fik nittama, għax inti tħobbni u tgħidli:
La tibżax, għax jien fdejtek:
jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi.” (Iż, 43:1)
Nirringrazzjak ta’ dak kollu li tagħmel miegħi.

Żomm idejk fuqi Mulej, u tħallini qatt ninfired minnek.
Mhux li kien li aħna lkoll għandna l-fidi u t-tama
li kellhom l-ħbieb tal-mifluġ!

Mulej, kemm kellhom fidi soda li int kont se tfejqu!
Min jaf kif ħasuhom meta riedu jdaħħluh ġewwa
u jqegħduhulek quddiemu, iżda minħabba l-folla
ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih!

Quddiem dak li deher impossibbli, huma għamlu l-possibbli.
Ma qatgħux qalbhom, iżda telgħu fuq il-bejt,
u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok
f’nofs in-nies quddiemek, Mulej Ġesù.

It-tama li int biss kellek il-poter li tfejqu, kienet l-ixprun
biex huma għamlu att kbir ta’ mħabba ma’ dak il-mifluġ,
li tant kien batut, li kellhom iġibuh quddiemek fuq mitraħ.
U int Mulej, mhux biss fejjaqtu, imma ħfirtlu dnubietu.

Mulej, kemm nixtieq li jien għandi fidi u tama hekk kbar,
li xejn ma jaqtagħli qalbi, li nkun kapaċi ndur lejk
u bħalhom nagħmel dak li forsi jidher impossibbli.

U l-mifluġ?  Żgur li hu wkoll, kien mimli bil-fidi u bit-tama
li int kont ser tfejqu, għax kieku int ma kontx tagħmel miraklu miegħu.

Il-Papa Franġisku qalilna li:

il-verità, it-tama Nisranija ma tqarraqx bina  u ma tiddiżappuntaniex,
għax hi mibnija fuq iċ-ċertezza li xejn u ħadd
ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla

Meta nkun għaddeja minn żmien diffiċli,
u meta ma narax dawl minħabba d-diffikultajiet
li nkun qed inħabbat wiċċi magħhom,
għini, Mulej, biex nifhem u nemmen, 
li Int tkun miegħi, iżżomli jdejja u tagħtini l-kuraġġ,
biex ma naqtax qalbi u nibqa nemmen u nittama fik.

Agħtini l-qawwa biex nemmen li int
ser iddawal id-dlam tiegħi għax int il-musbieħ tiegħi. (Salm 18: 29)

Għini nemmen dak li qal il-profeta Iżaija:
La tibżax għax miegħek jien!
La titħassibx, għax Alla tiegħek jien!

Jiena nwettqek, jiena ngħinek;
Inwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!  (Izaija 41:10)
Mulej jien fi tjubitek nittama u tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.
Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli. (Salm 13, 6)

Kant:  Flimkien Ġesù Maħbub

Fatt ċkejken

Robi Damelin, Iżraeljana li tgħix f’Jaffa, twieldet fl-Afrika t’Isfel, iżda marret toqgħod l-Iżrael meta kienet għadha żagħżugħa biex taħrab mill-Apartheid. Snin wara, binha David, li kellu 28 sena, inqatel minn sniper Palestinjan. Iżda minflok ma fittxet vendetta, Damelin użat id-dieqa tagħha għall-ġid.

Robi Damelin tiftakar biss ix-xokk u l-uġigħ qawwi ta’ dak il-mument meta saret taf bil-mewt ta’ binha. Kienu l-membri tal-familja tagħha li aktar tard qalulha li kienet daret fuq l-uffiċjal tal-armata Iżraeljana li taha l-aħbar tal-mewt ta’ David u qaltlu: ” Ma tista’ toqtol lil ħadd f’isem it-tifel tiegħi.”

Għalkemm kienet mifnija b’uġigħ il-ħin kollu, tliet xhur wara l-qtil ta’ binha, Robi Damelin attendiet dimostrazzjoni u quddiem aktar minn 60,000 persuna. tkellmet dwar binha u t-tama tagħha li Iżrael jitlaq mit-territorji okkupati Palestinjani. Kien hawnhekk, li hija impressjonat lill-membri ta’ The Parents Circle Families Forum, organizzazzjoni magħmula minn familji Palestinjani u Iżraeljani li tilfu membri għażiża tal-familja minħabba l-kunflitt. Hija ngħaqdet ma’ din l-organizzazzjoni u taħdem bla qies fiha. Dawn il-ġenituri huma magħqudin flimkien bl-uġigħ li ġabet il-vjolenza, li ġġib aktar vjolenza.

Flimkien ma’ mijiet ta’ familji oħra, hija tuża in-niket tagħha biex taħdem għall-paċi u r-rikonċijazzjoni.

Mulej, x’kuraġġ għandhom dawn il-familji!
Minflok ma mtlew bl-imrar tal-vendetta, jaħdmu flimkien
biex jissapportjaw lil xulxin u biex iġibu l-paċi, r-rikonċijazzjoni u l-maħfra.

Mulej, meta nkun għaddejja minn triq mudlama,
agħtini d-dehen biex nifhem dak li qal il-kittieb tal-ittra lir-Rumani
Niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar,
is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama” (Rum 5:3-4).

Għinni biex infittex d-dawl tiegħek u biex insaħħaħ il-fidi tiegħi fik.
Agħtini l-kuraġġ biex bħal dawn il-familji,
nużadik l-esperjenza ta’ tbatija,
biex nkun nista’ nfarraġ lil xi ħaddieħor
li jkun għaddej minn żminijiet diffiċli, u forsi jkun qed jaqta’ qalbu.

Għin lilna lkoll biex bħalha komunità Nisranija,
inkunu minn ta’ quddiem biex inwieżnu lil min ukun fil-bżonn.

Imliena bil-qawwa u bil-kuraġġ sabiex ngħinu
lil min ikun qed jaqta’ qalbu minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja,
lil kull min ikun għaddej minn xi mard, speċjalment dak terminali,
lil min ikun tilef lil xi ħadd qrib tiegħu.

Imliena bid-dehen biex inħarsu lejn il-futur bit-tama,
u biex naqsmu din it-tama ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom.

Għinna biex matul din is-sena Ġibulari,
kif qalilna l-Papa Franġisku, nilqgħu s-sejħa
sabiex inkunu sinjali tanġibbli ta’ tama
għal tant ħutna li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ibsin.

Għinna nifhmu u nwettqu dak li kif qal il-profeta Iżaija:
 “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.” (Iż 61:1-2).

KANT  Agħtu Qima

Nitolbu flimkien

Missier, meta l-maltempati tal-ħajja jaħbtu għalija,
jkun diffiċli nafda Fik.
Imma naf li Int tikkontrolla l-maltempati,
għalhekk nagħżel li nafdak.

Fakkarni biex nistkenn fik
għax m’hemm l-ebda post aktar sigur
li nista’ nkun ħlief li nistkenn fik.

Jien nħossni grat ħafna lejk,
li qatt ma ngħaddi minn maltempata mingħajrek,
għax int dejjem miegħi.

Meta nkun maħkum mill-biża’ jew inkun se nċedi,
meta nkun assedjat mill-irwiefen tal-ħajja,
għinni nżomm sod miegħek u niftakar li ħajti tinsab f’idejk.

Ammen.

Kant:  Dal-Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading