Il-Mirakli Ewkaristiċi (76)
minn Manwel Cutajar
Wara li fl-artiklu preċedenti tkellimna fil-qosor dwar l-Artal Imqaddes fil-Kotba tal-Antik u l-Ġdid Testment u l-aspett teoloġiku tiegħu skont it-Tagħlim tal-Knisja Kattolika, nitkellmu issa dwar it-Tabernaklu li jinsab fil-binjiet tal-knejjes tagħna.
Ġeneralment, bit-terminu tabernaklu nifhmu dik l-istruttura, armarju żgħir f’għamla ta’ kaxxa jew ,koppla żgħira li jinżamm il-pissidi bl-Ewkaristija Qaddisa ġewwa fih. Normalment, it-tabernaklu jkun magħmul minn metalli prezzjużi; jew minn ġebel, irħam jew injam, ikun jissakkar biċ-ċavetta,u jkun jagħmel parti sħiħa mill-binja tal-artal, jew imwaħħal direttament mal-ħajt (dan jissejjaħ aumbrarium) qrib l-artal prinċipali (maġġuri), jew f’xi kappella fl-istess knisja jew oratorju.
Għalhekk, it- Tabernaklu huwa għamara liturġika li tipprovdi post imsakkar fejn wara l-quddiesa l-Ewkaristija Qaddisa tinżamm għal xi żmien jew ħin għall-Adorazzjoni tal-fidili; għat-Tqarbin tal-fidili miġbura fil-knisja; kif ukoll għat-tqassim tal-Ewkaristija Divina lill-morda fid-djar tagħhom.
It-Tabernaklu jgħin ukoll biex jipprevjeni l-profanazzjoni jew serq tal-Ewkaristija Divina. Għalhekk il-Liġi Kanonika tal-Knisja Kattolika titlob u teżiġi li: “It-tabernaklu li fih tkun riżervata l-Ewkaristija Qaddisa għandu jkun f’xi parti tal-knisja jew oratorju li tkun distinta,li tidher,imżejna mill-isbaħ,u addattata għat-talb”.(CIC 938 §2), kif ukoll:“It-tabernaklu li fih l-Ewkaristija tkun regolarment riżervata għandu jkun immobbli,magħmul minn materjal solidu jew opak,u msakkar sabiex il-periklu tal-profanazzjoni jkun evitat għalkollox.” (CIC 938 §3).
It-Tabernaklu fil-Knisja jissejjaħ hekk ukoll għax hu l-post Imqaddes fejn jgħammar Kristu fl-Ewkaristija Divina fil-knejjes tagħna.
Imma t-terminu Tabernaklu għandu tifsira aktar wiesgħa fl-istorja tar-Reliġjon u l-kultura Ebrajka.
Etimoloġija tat-terminu
Il-Kelma tabernaklu ġejja mil-Latin tabernāculum (li tfisser “tinda” jew “għarix”),li fir-reliġjon Rumana antika kienet struttura ritwali.
Tifsir tat-terminu “Tabernaklu” fil-Bibbja tal-Antik Testment
Il-kelma Ebrajka mish-kan מִשְׁכַּן timplika “għammar”, “jistrieħ”, jew “jgħix fiha”.
Fil-lingwaġġ Bibliku it-terminu Tabernaklu normalment ifisser u jindika s-Santwarju tal-Lhud li kien iservi bħala tinda mobbli, li kienet ġiet mibnija sekli qabel il-bini tat-Tempju ta’ Salamun f’Ġerusalemm.
Għalhekk, skont il-Bibbja Ebrajka, il-Mish-kan (tabernaklu) kien il-post taʼ abitazzjoni temporanju tal-Preżenza Divina ta’ Alla li kien jinġarr minn żmien l-Eżodu tal-Iżraelin mill-Eġittu fil-vjaġġ tagħhom fid-deżert, u d-dħul sussegwenti tagħhom fl-Art Imwiegħda f’Kangħan,li llum hu magħruf bħala Iżrael.
Wara 440 sena,l-Ewwel Tempju f’Ġerusalemm mibni minn Salamun fl-950 QK kien ħa post it-tinda (it-Tabernaklu) bħala l-post fejn kien jgħammar Alla.
Il-Bidu u l-istorja tat-Tabernaklu
Ħarsa ġenerali qasira lejn l-istorja tat-Testment il-Qadim, naraw l-Iżraelin jitilqu mill-Eġittu, iżda ma stabbilixxewx irwieħhom f’xi art oħra mill-ewwel. Tant hu hekk, huma kellhom jivvjaġġaw fid-Deżert ta’ Paran (xi kultant imniżżel ukoll Pharan jew Faran; b’Ebrajk: מִדְבַּר פָּארָן, Midbar Pa’ran), għal 40 sena sħaħ qabelma daħlu fl-Art Imwiegħda.
Matul dawk l-40 sena, huma kellhom bżonn post fejn iqimu lil Alla, imma ma setgħux jibnu struttura ta’ tempju permanenti għax ma kinux se jgħixu fid-deżert għal dejjem.
Għalhekk, Alla ordna lill-Iżraelin biex jibnu post temporanju taʼ qima sabiex ikunu jistgħu jqimuh kull fejn kienu se jkunu fil-mixja twila tagħhom fid-deżert.
Għalhekk, permezz tal-profeta Mosè, il-Mulej Alla ordna lil ulied Iżrael biex jibnu tabernaklu (tinda) mobbli li jkun Santwarju fejn il-Mulej jista’ jgħammar fost il-poplu Tiegħu.
Prattikament, l-Iżraelin bnew u użaw it-tabernaklu matul iż-żmien kollu li kienu qed jivvjaġġaw. Hekk it-Tabernaklu vvjaġġa mal-Iżraelin għal erbgħin sena sħaħ.
Ladarba t-Tabernaklu setaʼ jinbena u jiżżarma fi żmien qasir, kien jaqbel ferm mal-ħtiġijiet reliġjużi tal-Iżraelin waqt il-vjaġġ diffiċi tagħhom fid-deżert.
Fl-Eżodu Kap 27, 9-19 naqraw li Alla fuq il-muntanja Sinaj ta lil Mosè istruzzjonijiet speċifiċi għall-bini tat-Tabernaklu. Għalkemm mhux daqshekk kumpless jew imżejjen daqs it-Tempju, Alla stabbilixxa kejl u strutturi speċifiċi għat-Tabernaklu.
Deskrizzjoni tat-Tabernaklu Bibliku
Kien ikun hemm ċint rettangolari madwar it-Tabernaklu.
Fil-bitħa,bejn l-ilqugħ u t-tinda (Tabernaklu),kien hemm l-artal tal-bronż (fejn kienu jagħmlu s-sagrifiċċji) u lava tal-bronż (fejn il-qassisin kienu jaħslu idejhom).
It-tinda nnifisha kellha żewġt ikmamar separati: l-ewwel waħda kien Il-Post Qaddis (Locum Sanctum);u l-oħra iċken kienet il-Post il-Qaddis, jew l-Aktar Qaddis (Sanctum Sanctorum).(Eżodu 26,33;Lhud 9,1-5).
Iż-żewġt ikmamar kienu mifrudin b’velu tqil oħxon jew purtiera (Eżodu 26, 31-33)
Is-Saċerdoti biss setgħu jidħlu fil-Post Qaddis. Ġewwa dik il-kamra kien hemm artal tal-inċens, kandel tal-lampi (menorah), u mejda tal-ħobż tal-offerta, kull wieħed bl-iskopijiet simboliċi tagħhom.
Skont il-Bibbja (Eżodu 37, 1-9),il-Post il-Qaddis kien miksi b’velu, u ħadd ma kellu permess jidħol fih ħlief il-Qassis il-Kbir,u anke hu kien jidħol biss darba fis-sena f‘Jom Kippur, biex joffri d-demm tas-sagrifiċċju u l-inċens.
Hemm il-Qassis il-Kbir kien jara l-Arka tal-Patt.
Kull min kien imiss l-Arka tal-Patt kien imut minn idejn Alla. Skont it-Tieni Ktieb ta’ Samwel, il-Levita Uzzah mess l-Arka b’idu sabiex iżommha milli taqa’, bi ksur dirett tal-liġi Divina,u għalhekk “Il-Mulej għadab għal Uzzah, u Alla laqtu hemm u baqa’ mejjet tal-post ħdejn l-Arka. David għela għax laqat il-Mulej lil Uzzah, u sejjaħ il-post Peres-Uzzah sal-lum.” ( 2 Samwel 6, 6-8).
Il-Kehathites,li kienu waħda mill-erba’ diviżjonijiet ewlenin fost il–Leviti,li kienu jikkostitwixxu l-Klassi Saċerdotali Lhudija tal-qedem ingħataw struzzjonijiet biex iġorru l-Arka fuq spallejhom b’arbli li jgħaddu minn ċrieki fuq il-kantunieri tal-Arka biex iżommuhom milli jmissuha (4:1-16; Eżodu 25:14-15).
Ma kellhiex tiġi ttrasportata bil-karrettun. (Numri 7:6-9).