LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 21 ta’ Mejju 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-parabboli. 6. Iż-żerriegħ. Hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli (Mt 13:3a)
Għeżież ħuti,
Bi pjaċir qed nilqagħkom għal din l-ewwel Udjenza ġenerali tiegħi. Illum se nerġa’ naqbad iċ-ċiklu ta’ katekeżijiet ġubilari, fuq it-tema “Ġesù Kristu t-Tama tagħna”, li beda l-Papa Franġisku.
Se nkomplu llum nimmeditaw fuq il-parabboli ta’ Ġesù, li jgħinuna nerġgħu nsibu t-tama, għax juruna kif Alla jaħdem fl-istorja. Illum nixtieq nieqaf fuq parabbola xi ftit partikulari, għax qisha speċi ta’ introduzzjoni għall-parabboli kollha. Qed nirreferi għal dik taż-żerriegħ (ara Mt 13:1-17). F’ċertu sens, f’dan ir-rakkont nistgħu nilmħu l-mod ta’ kif jikkomunika Ġesù, li tant għandu x’jgħallimna għax-xandir tal-Vanġelu llum.
Kull parabbola tirrakkonta storja li hi meħuda mill-ħajja ta’ kuljum, imma trid tgħidilna xi ħaġa iżjed, tibgħatna għal tifsira iżjed profonda. Il-parabbola tnissel fina mistoqsijiet, tistedinna ma niqfux ma’ dak li jidher. Quddiem l-istorja li tiġi rrakkontata jew ix-xbieha li tingħatali, nista’ nistaqsi: fejn ninsab jien f’din l-istorja? X’qed tgħid din ix-xbieha lill-ħajja tiegħi? It-terminu parabbola fil-fatt ġej mill-verb Grieg paraballein, li jfisser tixħet quddiem. Il-parabbola tixħitni quddiem kelma li tipprovokani u twassalni biex nistaqsi lili nnifsi.
Il-parabbola taż-żerriegħ titkellem proprju fuq id-dinamika tal-kelma ta’ Alla u tal-effetti li tipproduċi. Fil-fatt, kull kelma tal-Vanġelu qisha bħal żerriegħa li tiġi mixħuta fl-art tal-ħajja tagħna. Ħafna drabi Ġesù jinqeda bix-xbieha taż-żerriegħa, b’diversi sinifikati. Fil-kapitlu 13 tal-Vanġelu ta’ Mattew, il-parabbola taż-żerriegħ tintroduċi serje ta’ parabboli oħra ċkejkna, xi wħud minnhom jitkellmu proprju fuq dak li jseħħ fl-art: il-qamħ u s-sikrana, iż-żerriegħa tal-mustarda, it-teżor moħbi fl-għalqa. Mela x’inhija din l-art? Hija l-qalb tagħna, imma anki d-dinja, il-komunità, il-Knisja. Il-kelma ta’ Alla, fil-fatt, tagħmel kull realtà għammiela u tipprovokaha.
Fil-bidu, naraw lil Ġesù li joħroġ mid-dar u madwaru tinġabar folla kbira (ara Mt 13:1). Il-kelma tiegħu ssaħħar u tqanqal il-kurżità. Fost in-nies ovvjament hemm tant sitwazzjonijiet differenti. Il-kelma ta’ Ġesù hija għal kulħadd, imma taħdem f’kull persuna b’mod differenti. Dan il-kuntest jippermettilna nifhmu aħjar is-sens tal-parabbola.
Wieħed żerriegħ, pjuttost oriġinali, ħareġ jiżra’, imma ma jħabbilx rasu fejn ħa taqa’ ż-żerriegħa. Jixħet iż-żerriegħa anki hemm fejn hu improbabbli li ħa tagħmel il-frott: fit-triq, qalb il-blat, f’nofs ix-xewk. Dan l-atteġġjament jgħaġġeb lil min qed jisma’ u jwassalna biex nistaqsu: imma kif inhi din?
Aħna mdorrijin nikkalkulaw l-affarijiet – u xi kultant dan hu meħtieġ –, imma dan ma jgħoddx fil-każ tal-imħabba! Il-mod li bih dan iż-żerriegħ “ħali” jixħet iż-żerriegħa huwa xbieha tal-mod kif Alla jħobbna. Fil-fatt, huwa minnu li d-destin taż-żerriegħa jiddependi anki mill-mod kif l-art tilqagħha u mis-sitwazzjoni li fiha ssib ruħha, imma qabelxejn f’din il-parabbola Ġesù jgħidilna li Alla jixħet iż-żerriegħa tal-kelma tiegħu fuq kull għamla ta’ art, jiġifieri f’kull sitwazzjoni tagħna: xi drabi nkunu iżjed superfiċjali u distratti, xi drabi nħallu l-entużjażmu jiġri bina, xi drabi nħossuna magħfusa mit-tħassib tal-ħajja, imma hemm ukoll il-mumenti li fihom aħna disponibbli u akkoljenti. Alla jafda u jittama li llum jew għada ż-żerriegħa ħa twarrad. Huwa jħobbna b’dan il-mod: ma jistenniex li nsiru l-aħjar art, imma jagħtina dejjem b’mod ġeneruż il-kelma tiegħu. Forsi proprju meta naraw li qed jafdana, tinbet fina x-xewqa li nkunu art aħjar. Din hija t-tama, mibnija fuq il-blata tal-ġenerożità u tal-ħniena ta’ Alla.
Meta jirrakkonta l-mod kif iż-żerriegħa tagħmel il-fortt, Ġesù qed jitkellemu ukoll fuq il-ħajja tiegħu. Ġesù huwa l-Kelma, huwa ż-Żerriegħa. U ż-żerriegħa, biex tagħmel il-frott, trid tmut. Allura, din il-parabbola tgħidilna li Alla huwa lest “jinħela” għalina u li Ġesù huwa lest imut biex jibdel il-ħajja tagħna.
Għandi f’moħħi dik it-tpinġija mill-isbaħ ta’ Van Gogh: Iż-żerriegħ mal-għabex. Dik ix-xbieha taż-żerriegħ qed jiżra’ taħt xemx tikwi tkellimni wkoll dwar it-taħbit tal-bidwi. U jolqotni l-fatt li, wara ż-żerriegħ, Van Gogh poġġa l-aktar żbula li kibret. Din naraha proprju bħala xbieha tat-tama: b’xi mod jew ieħor, iż-żerriegħa għamlet il-frott. Ma nafux eżatt kif, imma hekk hu. Fiċ-ċentru tax-xena, imma, ma hemmx iż-żerriegħ, li jinsab mal-ġenb, imma l-pittura kollha hi ddominata mix-xbieha tax-xemx, forsi biex tfakkarna li huwa Alla li jċaqlaq l-istorja, anki jekk xi drabi jidhrilna assenti jew imbiegħed. Hija x-xemx li ssaħħan il-ħamrija tal-art u tkabbar iż-żerriegħa.
Għeżież ħuti, f’liema sitwazzjoni ta’ ħajjitna qed tilħaqna llum il-kelma ta’ Alla? Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nilqgħu dejjem din iż-żerriegħa li hi l-kelma tiegħu. U jekk nintebħu li m’aħniex art għammiela, ejjew ma naqtgħux qalbna, imma nitolbu lilu jaħdimna mill-ġdid biex insiru art aħjar.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Today I literally I understood this passage. God bless Pope Leo.