Minn Patri Juan DeBono ocd
Matul din is-sena, il-Knisja qiegħdha tfakkar l-2025 anniversarju mit-twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Għal din ir-raġuni, il-mibki Papa Franġisku sejħilna biex ngħixu sena Ġubilari, u xtaq li l-attenzjoni tagħna matul din is-sena tkun dik tat-tama.
‘La Speranza e’ l’ultima a morire’ (it-tama hi l-aħħar li tmut) igħidu t-Taljani.
F’dak l-istess mument li tiddgħajjef it-tama, tkun qiegħed iddgħajjef l-istess sinsla li tagħmel lil-bniedem dak li tassew hu, bniedem li jħares ‘il quddiem u jibqa’ jittama kontra kull tama.
Diskussjoni pubblika dwar id-‘dritt’ li persuna tiddeċiedi hi li tneħħi ħajjitha
Bħalissa għaddejja diskusjoni ġewwa pajjiżna dwar il-fatt li meta persuna tkun diagnosed b’marda terminali, u żewġ gruppi ta’ tobba jikkonfermaw li dik il-persuna jkun għad fadlilha mhux aktar minn sitt xhur ħajja, jekk dik il-persuna għandhiex id-dritt jew le, li toqtol lilha nnifisha billi tinjetta hi stess il-velenu fil-vina.
Il-valur taż-żmien misluf lilna
“Kull minuta ġiet mogħtija lilna biex tniżżlilna l-għeruq tagħna aktar f’Alla, skond l-espressjoni ta’ San Pawl, ħalli x-xebħ tagħna mal-Mudel divin ikun aktar impressjonanti, l-għaqda aktar intima” (Ittra 333).
Din is-silta hija meħuda minn ittra li Santa Eliżabetta tat-Trinita’ kitbet meta kien għad kellha biss 26 sena, u nkitbet daqs għaxart ijiem qabel ma mietet.
Din is-silta togħġobni, għax tfakkarni li bħalma taħlita ta’ cake li ddaħħalha fil-forn ikollha bżonn numru ta’ minuti biex din issir, anki aħna għandna bżonn żmien preċiż biex insiru persuna sħiħa. Kull minuta għalhekk li tgħaddi tal-ħajja hija mportant. L-ewwel snin huma mportanti, imma daqstant ieħor huma mportanti l-aħħar snin, l-aħħar xhur u l-aħħar jiem.
‘Kwalita tal-ħajja’
Illum ma nitkellmux biss dwar ħajja, imma spiss nitkellmu dwar ‘il-kwalita’ tal-ħajja’. Nagħmlu sew li nagħmlu dan, peress li fl-aħħar għexieren ta’ snin, tant sar avvanz fix-xjenza u fil-kura li tista’ tingħata f’sitwazjoni anki estremi ta’ mard, ta’ depressjoni, ta’ burn out jew ta’ kwalsijasi tbatija oħra, li żgur li qatt ma għandna nużaw ir-riga ta’ x’inhu l-aktar faċli jew (saħansitra) x’inhu l-irħas, meta niġu ffaċjati minn sitwazjonijiet ta’ wġiegħ kbir.
Mumenti ta’ dalma
Mumenti bħal dawn ta’ dalma sħiħa li twassal biex persuna tikkontempla li tneħħi ħajjitha jiġu tista’ tgħid fuq kulħadd. Anki dawk li jemmnu f’Alla u f’ħajja oħra, jistgħu jgħaddu minn mumenti bħal dawn, f’xi waqt jew ieħor tal-ħajja.
Santa Eliżabetta tat-Trinita’ li ġa semmejna, ukoll kellha mumenti li wasluha biex tikkontempla li tneħħi ħajjitha. Darba minnhom per eżempju lil-Madre qaltilha: ‘kif tissogra tħallini waħdi fil-kamra, ikolli mumenti li jgħaddili l-ħsieb li naqbeż mit-tieqa’.
‘Biegħed minni dan il-kalċi’
It-tbatija ħadd ma jagħżilha, ħadd ma jridha f’ħajtu, b’danakollu trid jew ma tridx, hija parti minn ħajjet kull bniedem.
l-istess Kristu, veru Alla u veru bniedem, għadda minn tbatija kbira li wassluH biex meta kien fl-għort tal-Ġetsemani talab b’ħeġġa kbira: ‘Missier biegħed minni dan il-kalċi’. Il-kalċi kien ikun fih taħlita velenuża li tingħata lil dawk li kienu kundannati għal mewt, biex itemmu ħajjithom malajr.
Ġesu’ jurina li the way out f’sitwazjoni meta tkun dahrek mal-ħajt, qatt ma għandha tkun dik li taħrab mit-tbatija.
Dover li nixgħelu bozza
Faċli li wieħed jgħidli, u żgur, int tirraġuna hekk għax ma tkunx fiha.
Jew issib bosta li jirraġunaw ‘int għamel li trid, imma min miskin ma jarax aktar dawl, għax ma tħennx għalih u tħallieh imur?’
Jekk persuna madwarha tara dalma kbira, le mhux niġġeneralha aktar dlam billi ngħidilha li m’hemmx aktar tama, imma nixgħelilha bozza biex hekk għallinqas jibda jkollha ftit dawl.
‘Il-Knisja għandha tiskot u mhux tinponi l-idejat tagħha, għax mhux kulħadd għandu l-fidi’.
Jekk hemm istituzjoni li by right għandha titkellem fuq materji bħal dawn hija l-Knisja, u dan mhux biss minħabba t-track record tagħha fejn tidħol il-protezjoni tal-ħajja, u l-aktar ta’ dawk l-aktar fraġli fis-soċjeta’, imma wkoll għax Ġesu’ wriena li wara t-tbatija hemm dejjem il-Qawmien. It-tbatija qatt ma hi l-aħħar kelma, wara l-maltemp jiġi dejjem il-bnazzi.
Ninvestu fil-kura u mhux fil-mewt.
Kemm hu faċli li bħala soċjeta’ nitilfu t-tama meta uħud minn dawn ħutna ma jsibu l-ebda raġuni valida għala għandhom jibqgħu jgħixu, imma d-dover tagħna bħala soċjeta’ hija li l-ewwel ħaġa niftħu twieqi f’dak il-ħajt għoli, u wara nkunu aħna stess li nibdew ngħinu lil dik il-persuna biex tħott dawk il-ħitan, u terġa tibda tappreżża l-ħajja, anki jekk forsi t-tobba jkunu waslu għal konklużjoni li jkun fadal biss ftit ġimgħat. Jekk tassew ikun fadal ftit ġimgħat, aktar imissna napprezzaw dawk l-aħħar mumenti, u ngħixuhom to the full, anki jekk bit-toqol fuq spallejna u fuq spallet il-familjari tagħna, ta’ marda kiefra.
Diskusjoni mportanti
Din id-diskusjoni li l-gvern qiegħed iħeġġiġna nieħdu sehem fiha hija diskussjoni mportanti għax tista’ twassalna biex nagħarfu kemm tabilħaq jonqosna naqdfu ‘l quddiem bħala soċjeta, ħalli l-ebda wieħed jew waħda minnna ma jasal f’dak l-istat fejn l-unika tama li jara quddiem għajnejh tkun dik biss li jtemmu ħajjithom b’velenu letali.
