F’xahar rajna strateġija kontra s-suwiċidji u konsultazzjoni biex intemmu l-ħajja

Il-Ħadd, 25 ta’ Mejju 2025: Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103 .

Ritratt ta’ Viktoria Nikolla

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi wera kif permezz tal-White Paper li ħareġ il-Gvern dwar l-ewtanasja, seħħet kontradizzjoni kbira. Spjega kif il-Gvern l-ewwel ippreżenta strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, u xahar wara ppreżenta dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita.

Waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103 dalgħodu, l-Isqof saħaq li wieħed jeħtieġ ikun konsistenti, li “jekk qed tagħmel strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, ma toħroġx White Paper li tgħid li s-suwiċidju assistit huwa soluzzjoni”.

Kompla kif id-dokument jisħaq li “għandu jkun il-pazjent innifsu li jwettaq il-proċedura finali li twassal għat-tmiem tal-ħajja tiegħu,” u li għaldaqstant dan juri iswed fuq l-abjad li dan huwa suwiċidju.

Huwa wera wkoll il-kontradizzjoni f’dak li jiġi ddokumentat wara li tkun seħħet l-ewtanasja. Dan għaliex, skont il-White Paper, “it-terminazzjoni tal-ħajja bl-ewtanasja volontarja għandha titqies bħala mewta naturali wara li l-bord ikun ivverifika u ċċertifika li ġew segwiti l-proċeduri kollha tal-liġi.”

“L-aħħar żmien tal-ħajja ta’ kull persuna għandu jingħex bl-aħjar mod possibbli”

L-Isqof Galea-Curmi sostna li l-aħħar żmien tal-ħajja ta’ kull persuna għandu jingħex bl-aħjar mod possibbli – mingħajr uġigħ u mdawwar bl-għożża u l-imħabba.

Huwa semma kif il-valur tal-ħajja ma jiddependix mis-sitwazzjoni jew il-qagħda tal-persuna. Spjega kif il-valur tal-ħajja ta’ persuna b’saħħitha mhuwiex ikbar minn dak ta’ persuna marida.

“Kull bniedem għandu jsib l-għajnuna, il-kompassjoni vera, l-imħabba u anke kull kura neċessarja biex tgħin lill-persuna ttaffi l-uġigħ”, żied jgħid.

B’referenza għall-kura paljattiva, Mons. Galea-Curmi spjega li din il-kura mhix biss medika, imma wkoll olistika u li għaldaqstant tirrikjedi sapport morali u spiritwali. Huwa sellem il-ħidma sfiqa ta’ Hospice Malta li tieqaf mal-persuni li qegħdin f’sitwazzjoni tat-tbatija u toffri kura paljattiva.

Semma kif il-ħaddiema ta’ Hospice jgħinu l-pazjenti biex itaffu l-uġigħ, b’għożża u mħabba, filwaqt li jkomplu juruhom kemm il-ħajja hija għażiża u li ma tiddependix fuq l-istat tas-saħħa.

“Bla ma jrid, il-marid iħossu ta’ piż fuq ta’ madwaru”

L-Isqof ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jaqra l-White Paper ippubblikata mill-Gvern, liema dokument jesiġi li “l-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss bir-rieda espressa, libera u dokumentata tal-persuna li tkun qiegħda tbati minn marda terminali u irriversibbli”. Il-paper tgħid ukoll li l-għażla tal-pazjent trid tkun waħda “ħielsa”, u li “kwalunkwe persuna li teżerċita pressjoni fuq il-pazjent biex jagħżel it-triq tal-ewtanasja volontarja tkun ħatja ta’ reat li jwassal għall-priġunerija effettiva.”

Min-naħa tiegħu, Mons. Galea-Curmi semma kif min ikun marid, bla ma jrid ikun diġà qed iħossu ta’ piż fuq in-nies ta’ madwaru. Semma kif huwa naturali li f’din iċ-ċirkostanza, wieħed jaħseb li t-tmiem tal-ħajja jista’ jidher bħala soluzzjoni. Semma wkoll kif fil-mument tal-mard, se jkun hemm min iħoss pressjoni interna, ta’ piż fuq il-qraba, jew anke fuq is-soċjetà.

Madanakollu, huwa kompla, li permezz tal-kura paljattiva u n-nies ta’ sostenn, il-pazjent ikompli jagħraf kemm il-ħajja hija għażiża. Dan għaliex mhux permezz ta’ din il-kura li l-uġigħ jitnaqqas radikalment, iżda wkoll bl-għajnuna ta’ bosta professjonisti li jaċċertaw li l-marid ikun imdawwar b’tant għożża u mħabba sal-aħħar mument.

“Mill-esperjenza tal-mard ta’ ommi nifhem dak li qed tħoss in-nies”

Emozzjonat fuq RTK103, l-Isqof Awżiljarju rrakkonta kif huwa u l-familja tiegħu għaddew minn din is-sitwazzjoni fil-mard u l-mewt tal-mamà tagħhom.

“Jiena nifhem dak li jħossu u jgħidu n-nies, għaliex jien u ħuti għexnieh fil-marda tal-mamà,” stqarr Mons. Galea-Curmi.

Kompla kif madanakollu, huma għamlu għażla li jgħinu lill-mamà tagħhom ma tħosshiex li kienet ta’ piż, iżda “rajna kif se ndawruha bl-imħabba u l-għożża sal-aħħar”.

“Il-Knisja tibqa’ toffri l-imħabba u l-kompassjoni sal-aħħar”

L-Isqof Awżiljarju qal li l-Knisja hija kommessa li tibqa’ takkumpanja sal-aħħar lill-marid u “nagħmlu ħilitna kollha biex nibqgħu nwasslu l-grazzja ta’ Alla sal-aħħar lil kulħadd”.

Kompla kif il-Knisja ma tirrifjuta lil ħadd u kkjarifika li bl-ebda mod il-Knisja ma tikkundanna lil min jagħmel din l-għażla li jtemm ħajtu. “Aħna xogħolna hu li nsostnu,” saħaq filwaqt li stqarr li l-Knisja ma tirrifjuta lil ħadd.

“Jekk qed tagħmel għażla konxja u libera li tagħmel l-ewtanasja, minnek innifsek qed tagħżel li tinqata minn ċerti affarijiet,” temm jgħid.

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika [2279] jgħid li “l-użu ta’ mediċini biex itaffu t-tbatijiet tal-moribond, ukoll jekk dawn il-mediċini se jnaqqsu xi ġranet minn ħajtu, jistgħu jaqblu moralment mad-dinjità tal-bniedem, jekk il-mewt wieħed ma jkunx iridha, la direttament u lanqas indirettament, imma biss jittolleraha, għax ma jistax jagħmel ieħor. Il-kura li tingħata biex tonqos it-tbatija tista’ tkun sura privileġġjata ta’ mħabba li ma tfittixx l-interessi tagħha: għal dan il-għan, kura bħal din ta’ min jinkoraġġiha.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading