Il-Papa Ljun XIV fir-Regina Caeli tas-6 Ħadd tal-Għid.

IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 25 ta’ Mejju, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.

Għadni fil-bidu tal-ministeru tiegħi fostkom u qabel kollox nixtieq irroddilkom ħajr għall-għożża li qed turu miegħi, waqt li nitlobkom tweżnuni bit-talb u bil-qrubija tagħkom.

F’kulma jitlob minna l-Mulej tul ħajjitna, kif ukoll fil-mixja tal-fidi, kultant inħossuna insuffiċjenti.  Madankollu, propju l-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Ġw 14,23-29) jgħidilna li m’għandniex nistrieħu fuq il-forzi tagħna imma fuq il-ħniena tal-Mulej li għażilna, ċerti li l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jgħallimna kollox.

Lill-Appostli, li lejlet il-mewt tal-Imgħallem huma mifxulin u mbeżżgħin u qed isaqsu lilhom infushom kif jistgħu jkomplu jkunu xhieda tas-Saltna t’Alla, Ġesù jħabbrilhom id-don tal-Ispirtu s-Santu b’dil-wegħda meraviljuża: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (v. 23).

B’hekk Ġesù jeħles lid-dixxipli tiegħu minn kull ansjetà u preokkupazzjoni u jista’ jgħidilhom “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (v. 27).  Jekk nibqgħu f’imħabbtu, infatti, Hu stess jiġi jgħammar fina, ħajjitna ssir tempju t’Alla u din l-imħabba ddawwalna, issib spazju fil-mod kif naħsbu u fl-għażliet tagħna, sa ma titkattar fost l-oħrajn u tinfirex fis-sitwazzjonijiet kollha tal-eżistenza tagħna.

Ħuti, li Alla jgħammar fina hu propju don tal-Ispirtu s-Santu li jmexxina minn idejna u jgħinna nġarrbu, anki fil-ħajja ta’ kuljum, il-preżenza u l-qrubija ta’ Alla li jagħmilna daru.

Sabiħ illi, aħna u nħarsu lejn is-sejħa tagħna, lejn ir-realtajiet u l-persuni li kienu afdati f’idejna, lejn l-impenji tagħna, lejn is-servizz fil-Knisja, ilkoll kemm aħna nkunu nistgħu ngħidu bil-fiduċja: minkejja dgħufijti l-Mulej ma jistħix mill-umanità tiegħi, anzi jiġi jgħammar f’dari. Hu jakkumpanjani bl-Ispirtu tiegħu, idawwalni u jagħmilni strument ta’ mħabbtu għall-oħrajn, għas-soċjetà u għad-dinja.

Għeżież, fuq is-sies ta’ dil-wegħda, ejjew nimxu bil-ferħ tal-fidi biex inkunu tempju qaddis tal-Mulej.  Nimpenjaw ruħna biex inwasslu mħabbtu kullimkien, waqt li niftakru li f’kull wieħed u waħda minn ħutna hemm jgħammar Alla, u li l-preżenza tiegħu tidher speċjalment fiż-żgħar, fil-foqra u f’dawk li jbatu, li jitolbuna nkunu nsara attenti u ta’ ħniena.

U nafdaw ruħna fl-interċessjoni ta’ Marija Santissma.  Bl-opra tal-Ispirtu s-Santu hi saret “Għamara kkonsagrata ta’ Alla”.  Flimkien magħha, aħna wkoll nistgħu nġarrbu l-ferħ li nilqgħu lill-Mulej u nkunu strumenti ta’ mħabbtu.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Poznan (Polonja) kien beatifikat Stanislao Kostka Streich, saċerdot djoċesan li nqatel minħabba l-mibegħda lejn il-fidi fl-1938, għax il-ħidma tiegħu favur il-foqra u l-ħaddiema kienet fastidju għas-segwaċi tal-ideoliġija komunista.  Jalla l-eżempju tiegħu ikun xprun, partikolarment għas-saċerdoti, biex isir għotja ġeneruża għall-Evanġelju u għall-aħwa.

Ilberaħ ukoll, memorja liturġika tal-Beata Verġni Marija Għajnuna tal-Insara, kien iċċelebrat ukoll Il-Jum ta’ talb għall-Knisja taċ-Ċina, li kien twaqqaf mill-Papa Benedittu XVI.  Fil-knejjes u fis-santwarji taċ-Ċina u tad-dinja kollha ntrefa’ t-talb lil  Alla bħala sinjal tal-attenzjoni u l-għożża għall-kattoliċi ċiniżi u l-għaqda tagħhom mal-Knisja universali.  Jalla l-interċessjoni ta’ Marija Santissma taqlgħalhom il-grazzja li jkunu xhieda qawwija u ferrieħa tal-Evanġelju, anki qalb il-provi, biex imexxu dejjem ‘il quddiem il-paċi u l-armonija.

B’dawn is-sentimenti, it-talba tagħna tħaddan lill-popli kollha li qed ibatu minħabba l-gwerra; nitolbu bil-ħerqa għall-kuraġġ u l-perseveranza ta’ kulmin hu impenjat fid-djalogu u t-tfittxija tal-paċi sinċiera.

Għaxar snin ilu l-Papa Franġisku kien iffirma l-Enċiklika Laudato si’, iddedikata lill-ħarsien tad-dar komuni.  Din kienet infirxet b’mod straordinarju, nebbħet bosta inizjattivi u għallmet lil kulħadd kif jisma’ l-għajta doppja tal-Art u tal-foqra.  Insellem u nagħmel kuraġġ lill-moviment Laudato si’ u lil dawk kollha li jmexxu ‘l quddiem dan l-impenn.

Insellmilkom ilkoll intom li ġejjin mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja, partikolarment lill-pellegrini minn Valencia u l-pollakki, b’barka lil kulmin fil-Polonja qed jieħu sehem fil-pellegrinaġġ kbir lejn is-Santwarju Marjan f’Piekary Śląskie.  Insellem lill-fidili minn Pescara, Sortino, Paternò, Caltagirone, Massarosa Nord, Malnate, Palagonia u Cerello, u lil dawk mill-parroċċa tal-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u Marija f’Ruma.  Insellem b’għożża lill-adoloxxenti tal-Griżma mill-Arċidjoċesi ta’ Genova, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma ġejjin minn San Teodoro fid-djoċesi ta’ Tempio-Ampurias, liċ-ċiklisti minn Patrenò Dugano u lill-Bersaglieri minn Palermo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading