Mir-reliġjożità għall-fidi

Spread the love

Il-Ħadd, 25 ta’ Mejju 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Pawl Nawfragu, Munxar. Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, Munxar.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Għadna kif smajna lil Ġesù fil-Vanġelu (Ġw 14:23-29) jgħidilna sentenza importanti ħafna għall-fidi tagħna u għall-ħajja tagħna. Aħna nemmnu mhux għax immorru l-knisja, mhux għax nitolbu – dak ukoll – imma prinċipalment mhux għalhekk. Aħna nemmnu għax il-kelma li jgħidilna Ġesù nippruvaw ngħixuha fil-ħajja tagħna. U hawn diffiċli ħafna biex ngħixuha.

Meta kien ġej il-Papa Franġisku minn Malta għal Għawdex fuq il-katamarann, kont qiegħed nitkellem mal-Kardinal Pietro Parolin, li huwa s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Staqsieni liema hija l-ikbar diffikultà li aħna għandna fil-fidi fil-gżira Għawdxija, u jien qgħadt ngħidlu li aħna nies li mmorru l-knisja u fil-parti l-kbira tagħna nagħmlu l-festi u nħobbu lil Alla, imma mbagħad ħafna drabi nibqgħu f’dik li ngħidulha reliġjożità popolari. Il-fidi ma tinżilx fil-fond tal-qalb tagħna, ma tinżilx hemm isfel, ma tmissx l-għażliet tal-ħajja tagħna. Ħa nġibilkom eżempju. Jekk ħija kellu xi jgħid miegħi, jiena ndum inġorr fija l-lanżita ma nafx kemm! Dak ifisser li l-fidi f’Ġesù lili ma messitnix, u nsib elf ġustifikazzjoni. Nista’ nagħmel mhux festa, tnejn, tlieta lil San Pawl u lill-qaddisin kollha, imma l-fidi għadha biss reliġjożità popolari. Jew inkella għandi pika bejn familja u oħra, jew bejn raħal u ieħor… dan ifisser li l-fidi għadha ma niżlitx, għadha xi ħaġa superfiċjali, fil-wiċċ.

U qgħadt ngħidlu hekk lil Parolin. U hu dar lejja u qalli: “Dun Anton, inti taħseb li l-fidi f’Ġesù hija xi ħaġa faċli?”. Imma kompla: “Imma b’daqshekk ma nistgħux nieqfu kemm li ngħixuha aħna l-ewwel u qabel kollox, u kemm li nkomplu nħambqu biex din il-fidi ma tibqax qoxra imma nibdew ngħixuha ta’ veru kollha kemm aħna”. Għax aħna jirnexxilna b’mod eċċezzjonali nistaħbew taħt xi ħaġa biex niġġustifikaw żball li għalina ma jkunx aktar żball. L-importanti li l-kuxjenza ma tibqax tniggiżna. Meta l-Kelma ta’ Alla ma tibqax tagħtina bil-ponn ġol-istonku tagħna, hemmhekk aħna nkunu waqafna nisimgħu. Meta l-Kelma ta’ Alla ma tibqax toqrosna, ifisser li ma għadniex nisimgħu.

Għadna kif smajna dan ir-rakkont tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta, u nimtlew b’sensazzjoni. San Pawl ġabilna lil Ġesù, mhux biss biex insiru nafu fuqu imma biex insiru nafu lilu u biex nieħdu fuqna s-sentimenti tiegħu, l-atteġġjamenti tiegħu, l-għażliet tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu. U din hija diffiċli. Imma din hi l-fidi, u aħna ’l hemm irridu nimxu. Jekk aħna nieqfu nimxu ’l hemm, inkunu staġnajna. U nistgħu ngħidulha tradizzjoni, kultura, mod soċjali kif niltaqgħu, imma mhix fidi. Il-fidi hi aktar minn hekk. U dan ngħiduh b’mod speċjali llum fis-Solennità li qegħdin niċċelebraw fil-Parroċċa tagħkom, ta’ dak li ġabilna l-fidi, tal-Missier tagħna fil-fidi.

Għadna kif smajna din il-ġrajja li hi kollha kemm hi ġrajja ta’ xewqa kbira ta’ salvazzjoni – periklu ikrah u kbir, imma kull min qiegħed fil-periklu jixtieq b’xi mod isalva, b’xi mod jixtieq li ma jbatix, jew fl-aħħar mill-aħħar jixtieq li ma jmutx.     Meta aħna m’aħniex kapaċi ngħinu persuna tasal b’serenità sal-aħħar mument tal-mewt tagħha, il-mixja naturali tal-ħajja, aħna falluti: fallejna bħala Knisja, fallejna bħala Stat, fallejna bħala sptar, bħala mediċina, bħala politiċi, bħala soċjetà, u fallejna bħala familja.

Ma nkunux fallejna meta naqbdu din l-attitudni li smajna llum fil-Qari sabiħ tal-Atti tal-Appostli (27-28), li kollha kemm huma jinġabru qaqoċċa biex isalvaw. Ħin minnhom il-baħrin li ndunaw li kien wasal l-aħħar tad-dinja – għax hekk jiddeskriviha San Luqa, il-kliem li juża hu ‘spiċċa kollox!’ – qatgħuha li jaħarbu: ‘Nissugraw xortina biex, jew immutu weħidna, jew jista’ jiġri li nsalvaw’. Pawlu jinduna u jgħid lill-kaptan tal-ġifen li jekk se jitilqu dawn, se jmut kulħadd! Interessanti dik l-espressjoni ta’ Pawlu: ‘Jekk se jitilqu dawk, ma nsalvawx’. Xi jfisser dan?   

U dan San Pawl ippritkahulna fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: “Huwa skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani”, bħalma hu ġenn għalina. Is-salib għalina ġenn, bluha. Li tbati hu bluha, ġenn. Imma għal dawk li jemmnu, “huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (ara 1:22), għaliex jekk aħna bħala soċjetà nkunu kapaċi verament nakkumpanjaw persuna b’mod mediku, dan hu suffiċjenti – dik li ngħidulha l-kura paljattiva.   Nista’ nsemmi kollox: il-media soċjali… żgħażagħ għal dejjem! Kultant inkunu taċ-ċajt. Imma llum nistgħu nakkumpanjaw persuna bil-kura paljattiva. Illum ix-xjenza kapaċi tniżżel verament fil-minimu tiegħu l-uġigħ, imma kollox jiswa l-flus. Jien naħseb aħjar ninvestu l-flus b’dak il-mod, milli ninvestuhom mod ieħor.

Barra l-akkumpanjament mediku hemm l-akkumpanjament psikoloġiku. Ħafna xogħol tajjeb jagħmluh il-Hospice, imma anki lHospice limitati. Hija organizzazjoni privata, imma jagħmlu ħafna xogħol tajjeb, ta’ akkumpanjament psikoloġiku lil persuni li jkunu waslu fit-tarf ta’ din il-ħajja.   

Hemm imbagħad l-aspett spiritwali. Aħna li qegħdin hawn, qed nagħmlu Festa lil San Pawl.   U t-tfal? Morru fi grawnd tal-futbol – ħafna minnkom tkunu hemm. Morru u araw x’tisimgħu mingħand il-ġenituri. Araw x’tisimgħu fil-familji wara logħba futbol meta l-kowċ, forsi għandu sittin u jrid jilgħab sebgħa – jew meta tmur tajjeb, ħdax – kif se jagħmel dan biex jilgħabhom kollha, għax inkella l-ġenituri jibilgħuh!  

Nixtieq nikkonkludi din ir-riflessjoni billi l-ewwel u qabel kollox inħeġġeġ lilna s-saċerdoti u lilkom l-Insara li qegħdin hawn, u dawk li qegħdin jisimgħu – l-Insara li huma kuntenti u li jżommu li huma Nsara.

Dan ifisser ngħixu l-fidi: dak li qal Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: ‘Minn dan intom tkunu tafu li tħobbuni, jekk tisimgħu u twettqu l-kelma tiegħi’. Imma mbagħad Ġesù jwegħedna xi ħaġa sabiħa ħafna: li meta nimxu warajh, meta nisimgħu l-Kelma tiegħu u nwettquha, nirbħu t-taħwid fil-moħħ: “Tħallux qalbkom titħawwad”. Kemm għandna bżonn inneħħu t-taħwid minn moħħna. Kemm għandna taħwid ġo moħħna! U l-oħra l-biża’. Ħafna għażliet li nagħmlu huma mibnijin fuq il-biża’. L-istorja l-oħra tad-droga li issa nsejnieha, blajnieha, inbniet fuq il-biża’ li ma nkunx kuntent, il-biża’ li ma nkunx sew, il-biża’ li ma nkunx kapaċi naffronta problema jew diffikultà. Ġesù qed jgħidlek le. Qed jgħidlek: ‘Jekk jiena miegħek, int kapaċi taffaċċja kollox. Ilqagħni bil-verità f’ħajtek, aċċettani bil-verità f’ħajtek’.

Ġesù jneħħilna t-taħwid u l-biża’ mill-moħħ, u jagħtina s-sliem, iżda mhux kif tagħtihulna d-dinja. Qalha ċar. Is-sliem tad-dinja x’inhu? Flus, apparenza, proprjetà, nikkmanda jien, u l-kompetizzjoni li ġġibek waħdek. Irriflettu kif dawk li jkunu miegħek ikunu jew jibżgħu minnek jew iridu xi ħaġa mingħandek. Ġesù qed jgħidilna: “Min iħobbni jħares kelmti”. San Pawl illum qalilna: ‘Jew flimkien, jew negħrqu kollha kemm aħna’.

Ejjew nitolbu lil dan il-Qaddis tagħkom li intom tant tħobbu biex jagħtina li ngħaddu dejjem aktar mir-reliġjożità popolari għall-fidi vera.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading