VIŻTA PASTORALI FL-IŻVIZZERA
LITURĠIJA TAL-KELMA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-IŻVIZZERA
Stadju tas-silġ “Le patinoire de St-Léonard” (Friburgu)
L-Erbgħa, 13 ta’ Ġunju 1984
Għeżież Żgżażagħ.
Grazzi tal-laqgħa tagħkom, grazzi tal-preżenza tagħkom. Huwa ferħ kbir għalija li ngħaddi magħkom din il-lejla. Intom il-portaturi tal-ġejjieni tas-soċjetà u tal-Knisja, Jiena nawgura li għalikom, għalija u għal dawk li qegħdin isegwu mill-bogħod, dawn il-ħinijiet li ngħatawlna li nkunu flimkien fil-ferħ, fis-smigħ, fir-riflessjoni u fit-talb ikunu sinjal kbir ta’ tama.
Permezz tagħkom u magħkom l-Ispirtu ta’ Kristu jrid jagħti ħajja lill-Knisja tiegħu u jibni dinja iktar ġusta, iktar solidali, iktar fraterna. Ejjew infittxu l-lejla u għada, li nkunu flimkien dejjem miftuħin għall-Ispirtu ta’ Kristu.
1. Għeżież żgħażagħi,
ix-xhieda tagħkom u l-mistoqsijiet tagħkom jimmeritaw diskussjoni twila. Il-problemi kollha li ressaqtu quddiemna huma serji u juru l-preokkupazjonijiet tagħkom rigward id-dinja u l-Knisja tallum u ta’ għada, Ma nistax fil ftit ħin li minnu niddisponu, inwieġeb għal kollox. Nawgura li l-iskambju ta’ bejnietna ta’ din il-lejla jkollu tkomplija mar-responsabbli tal-movimenti tagħkom, mal-katekisti tagħkom, is-saċerdoti tagħkom u mal-isqfijiet tagħkom..
Min-naħa tiegħi, irrid nieqaf fuq uħud mill-punti li jdhruli fundamentali u li jolqtu l-problemi li ż-żgħożija tad-dinja kollha tippreżenta. Iffaċċjajt l-istess problemi maż-żgħażagħ ta’ Pajjiżi numerużi, f’Ruma, f’Pariġi, f’Lourdes, fi Vjenna, f’Varsavja, f’Lisbona, f’Galway, f’Cardiff, f’Boston, f’ Mexico City, f’Bela Horizonte, f’Seoul.
Il-futur tad-dinja jidhrilkom donnu mudlam. Id-diżokkupazzjoni, il-karestija, il-vjolenza, it-theddid tal-fabrikazzjoni enormi tal-armi tal- qerda enormi donnu jagħfas fuq l-umanità, id-diżugwaljanzi ekonomiċi bejn in-Nord u s-Sud, il-faqar spiritwali li f-Pajjiżi numerużi jakkumpanja lis-soċjetà tal-konsum, u tant kawżi oħra ta’ nkwiet u taqtigħ il-qalb.
Lilkom żgħażagħ ngħidilkom: la taqtgħux qalbkom minn dawn id-disfattiżmi u mill-iskuraġġiment! Intom id-dinja ta’ għada. Minnkom qabel kollox jiddependi l-futur. Intom tirċievu mingħandna, il-kbar, dinja li tistà tiddiżappuntakom, imma din għandha r-rikkezzi tagħha u l-miżerji tagħha, il-valuri tagħha u d-diżvaluri tagħha. Il-progressi straordinarji tax-xjenza u tat-teknika huma ambivalenti (għandhom żewġ tifsiriet possibbli). Taqsim ġdid tal-ġid tad-dinja Dawn jistgħu jservu għall-aħjar u għall-agħar. Jistgħu jsalvaw il-ħajjiet umani u jistgħu jeqirduhom. Jistgħu jippermettu taqsim ġdid f’dinja aħjar u iktar ġusta, jew bil-maqlub ikabbru l-konċentrazzjoni tiegħu f’idejn gruppi żgħar billi jkabbru l-miżerji tal-mases, Jistgħu jiffavorixxu l-paċi jew, bil-maqlub, iġegħlu jagħfsu fuq l-umanità t-theddida ta’ teqrid tal-biżà.
2. Kollox jiddependi mill-użu li jsir mill-progressi tax-xjenza u tat-teknoloġija. Insomma kollox jiddependi mill-qalb tal-bnedmin. Hija l-qalb tal-bnedmin li tinħtieġ li tinbidel. Bla dubju ċerti strutturi li jiġġeneaw l-inġustizzja u l-miżerja għandom ikunu modifikati, imma jeħtieġ fl-istess ħin li tinbidel il-qalb tal-bnedmin.
Hawn hu, għeżież żgħażagħ, is-sit tal-bini kbir tad-dinja li fih tridu timpenjaw ruħkom. Aħdmu flimkien, b’idejkom, b’qalbkom, bl-intelliġenza tagħkom u bil-fidi tagħkom biex tibnu dinja ġdida li fiha jkun tassew possibbli għal kulħadd li jiżviluppa ruħu u jgħix f’atmosfera ta’ sikurezza u ta’ fiduċja reċiproka.
La tibnux il-futur tal-umanità fil-mibegħda, fil-vjolenza, fl-oppressjoni, ikunu ta’ liema natura dawn ikunu. La tibnux il-futur tal-umanità fuq it-trijonf tal-egoiżmi individwali u kollettivi. La tibnux l-futur tal-umanità fuq kunċett falz tal-libertà li ma tirrispettax il-libertà tal-oħrajn. Is-soċjetà tal-konsum li fiha ngħixu u l-biżà ta’ futur inċert jimbuttaw biex dak li jkun ifittex għalih sodisfazzjonijiet immedjati. Min idur fuqu nnifsu, fuq il-feliċità personali żgħira tiegħu, fuq l-emozzjonijiet propji, f’ċirku li fih is-sensibiltà aggravata u bla poża għat-tiftix ta’ emozzjonijiet ġodda ta’ tul qasir, fejn ma jaċċettax terminu ieħor ta’ riferenza li mhux dak tiegħu u l-pjaċir tiegħu. Ma tistax tgħix hekk. Mhijiex din id-dinja li tridu intom, Din tkun dinja ta’ deżolazzjoni li tiżvojta l-ħajja tal-bniedem minn kwalinkwè sinifikat.
3. Intom qgħedtu fil-programm li taqraw, kif għadkom kemm għamiltu, ir-rakkont evanġeliku tat-tkattir tal-ħobż. Ġesù kattar il-ħobż sabiex ikunu mqassma fost il-persuni kollha preżenti, u hu talab lid-dixxipli biex iwettqu dan is-servizz.
Illum Kristu jsejħilkom kollha għal impenn serju u perseveranti għal sehem fratern tal-ġid materjali u spiritwali li huwa mmens fid-dinja. U dan jibda llum, fl-iskejjel tagħkom, fl-ambjenti tal- apprendistat u tax-xogħol tagħkom, fil-kwartieri tagħkom, fl-irħula tagħkom, Dan jibda llum b’attenzjoni sinċiera lill-oħrajn u għall-bżonnijiet tagħhom, bi spirtu ta’ servizz u ta’ għajnuna fraterna, bis-sens tal-ġustizzja, bl-eżerċizzju għad-don tagħkom infuskom. Hija llum li tibda it-trasformazzjoni tad-dinja fikom u madwarkom.
Imma biex twettqu dan id-dmir manifiku li fih tikkonsisti r-responsabiltà tagħkom lejn l-umanità futura, xi kondizzjonijiet huma ndispensabbli. Irrid infakkarkom tnejn.
4. Biex twettqu din il-missjoni li tappartieni lilkom, hemm bżonn li ma tgħixux fil-wiċċ tagħkom infuskom. Imma fil-profondità. Hemm bżonn li tiskopru d-dimensjoni profonda tal-persuna umana: ir-riżorsi ta’ qalbkom, il-valur tal-oħrajn, is-sens tal-ġrajjiet. Eżistenza superfiċjali tiġġenera nuqqas ta’ sodisfazzjon li ma jagħtix paċi. Mhux din hija d-diffikulta li qegħdin jisperimentaw ħafna żgħażagħ li jfittxu t-triq tal-awtentiċità? Issa, l-awtentiċtà hija fil-profondità. Imma, sfortunatament, hemm ċerti profonditajiet fittizji li d-droga tagħti l-illużjoni li tilħaq. Hemm hekk imsejħa xjenza, hekk imsejħa libertà, liberalizzazzjoni tas-sesswalità insipida li huma drogi xejn inqas perikolużi u mortali mill-alluċinoġeniċi.
Siru konxji tagħkom infuskom, kunu preżenti għalikom infuskom, skopru l-veri aspirazzjonijiet tal-persuna, għarfu l-kwalitajiet propji u l-limiti propji, aċċettawhom, jikkostitwixxu daqstant ieħor kondizzjonijiet ta’ relazzjoni awtentika mal-oħrajn. Niskopru fl-aħħarnett, fina nfusna u fl-oħrajn, il-preżenza sigrieta ta’ Alla li minnu għandna l-ħajja, il-moviment u l-eżistenza (cf. At 17, 28), hija l-iskoperta tas-sors ta’ ħajja ġdida u ta’ dinamiżmu ġdid biex nittrasformaw id-dinja. Mingħajri, jgħidilna Ġesù, intom ma tistgħu tagħmlu xejn (cf. Ġw 15, 5).
Jekk tkunu tafu taħarbu mill-istorbju, titgħallmu s-skiet biex issibu lilkom infuskom u lil Alla fikom, tkunu tistgħu tirreżistu għall-influwenzi distruttivi tad-dinja esterna u għall-kompliċitajiet nterni kontinwament imqanqla mill-istess egoiżmu tagħkom. Intennilkom dak li għidt propju sena ilu liż-żgħażagħ kompatrijoti tiegħi f’Jasna Gora: “Jiena rrid, jiġifieri li nisforza li nkun bniedem ta’ kuxjenza. Ma nifgax din il-kuxjenza u linqas niddiformaha; insejjaħ b’isimhom it-tajjeb u l-ħażin, mingħajr ma ċċekkinhom; nikkostitwixxi it-tajjeb fija, u nfittex li nikkorreġi ruħi mill-ħażin” (Ioannis Pauli PP. II, Allocutio ad iuvenes in «Jasna Góra» congregatos habita , 5, die 18 iun. 1983: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VI/1 [1983] 1565).
Intom skopru l-proġett ta’ Alla fuq kull wieħed u waħda minnkom, miktub fil-kwalitajiet tagħkom u fil-limiti tagħkom, bil-prezz ta’ ċerta dixxiplina ta’ riflessjoni u ta’ silenzju.
Li nkellimkom dwar kuxjenza tagħkom infuskom, ta’ interjorità, ta’ riflessjoni u ta’ silenzju mhijiex stedina biex taħarbu r-realtà, imma bil-maqlub biex tesploraw sewwa sa ma tiskopru d-dimensjoni spiritwali tagħha, Din mhix mela li tkunu fuq it-truf tal-ħajja, imma li tidħlu fiha sa ma tiltaqgħu, fil-fidi, mal-Ispirtu li jaġixxi fi qlubna u fil-qalb tal-bnedmin.
Ħarsitna fuq il-persuni u fuq il-ġrajjiet hija spiss wisq mijopika, waqt li jmissna nersqu qrib kull persuna umana b’rispett infinit u naqraw fil-qalba tal-ġrajjiet dak li hu involut l-iktar profond, il-valuri mgħollija jew irridikulati, l-azzjoni tal-Ispirtu Santu milqugħa jew ikkuntrarjatha mill-bnedmin.
Lilkom li kontu mgħammda u kkonfermati ingħatalkom l-Ispirtu Santu. Huwa se jiggwidakom fir-riċerka tal-interjorità personali u tas-sens moħbi tal-ġrajjiet. Kunu miftuħa għall-Ispirtu ta’ Kristu: huwa hu l-Ispirtu tal-verità. U hija l-verità li tirrendikom liberi.
Dak li jipproponilkom huwa kbir. Din il-konkwista tal-interjorità tagħkom hija l-muftieħ ta’ ħajja li ta’ min jgħixha, għaliex issir skoperta straordinarja, qatt mitmuma, tiegħek innifsek, tal-oħrajn, tad-dinja u ta’ Alla. Hija wkoll il-mixja ta’ komunjoni fraterna bejn il-bnedmin kollha msejsa fuq il-komunjoni ma’ Alla fi Kristu u fl-Ispirtu Santu.
5. Imma biex tgħix din l-avventura spiritwali awtentika hemm bżonn – u din hija t-tieni kondizzjoni – li tgħix fi grupp bħall-Knisja. Il-Knisja, appuntu, hija l-komunità ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu u li s’issa jridu jħallu lilhom infushom jitmexxew mill-Ispirtu Santu fit-toroq tas-saltna ta’ Alla. Jekk tridu tibnu dinja mġedda, ingħaqdu flimkien biex tapprofondixxu ħarsitkom, biex tqabblu l-ideat tagħkom mal-kelma ta’ Alla, biex tgħinu lil xulxin fl-impenji ta’ kuljum tagħkom, biex issostnu ruħkom fil-jiem tal-għejja. Il-Knisja jeħtieġ li tkun – x’qed ngħid! – trid tkun din il-komunità fraterna li fiha huwa possibbli li ġġeddu il-qawwiet, tiġbru flimkien il-ferħ u l-preokkupazzjonijiet propji, tingħaqdu fil-fidi u fit-talb, tiċċelebraw flimkien fl-Ewkaristija is-sagrifiċċju tas-salib u l-preżenza reali u misterjuża ta’ Kristu rxoxt, tieklu minnu u mill-Ispirtu tiegħu. Intom għandkom raġun, hemm bżonn terġgħu tistabilixxu fil-komunitajiet tagħkom, fil-parroċċi tagħkom, relazzjonijiet veri. Hemm bżonn tgħixu b’mod iktar ferrieħi u iktar intensiv il-mejda dominikali (tal-Ħadd). Ħudu postkom fil-komunitajiet parrokkjali tagħkom, kunu preżenti biex tagħtu lill-Knisja żgħożija ġdida, biex tagħtuha dejjem iktar wiċċ “bla tebgħa, linqas tikmixa”, kif iridha Kristu (Ef 5, 27). Imma ppermettuli wkoll ngħidilkom: kunu paċenzjużi! F’jum ma tibdilx komunità nisranija magħmula minn persuni ta’ età u mentalità l-iktar differenti. Kull wieħed u waħa għandhom il-kwalitajiet tagħhom imma wkoll l-imperfezzjonijiet u l-limiti tagħhom. Għandkom qabel kollox tagħrfu l-valur ta’ dak li diġa bnew – u spiss b’xogħol iebes – dawk li ġew qabilkom u hekk turu l-maturità tagħkom, u tkunu tafu li l-Knisja kollha torbot fuqkom, għandha bżonnkom biex issir dejjem iżjed dak li trid tkun: familja kbira ħajja u fraterna ta’ kredenti miftuħin għall-Ispirtu ta’ Kristu, li tixhdu f’nofs id-dinja s-salvazzjoni mwettqa minn Kristu u tixhdu l-imħabba li tgħaqqad il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu.
Iva, għeżież żgħażagħ, animati mill-Ispirtu ta’ Kristu, fittxu l-profondità f’dinja li fiha kollox jistieden għall-għixien ta’ konsumaturi superfiċjali, kunu flimkien, iffurmaw ċelluli ħajjin tal-Knisja ta’ Kristu. Hekk intom issiru, bħal Kristu, esseri għall-oħrajn. Inu flimkien maħ-żgħażagħ kollha tad-dinja ċiviltà ġdida tal-ġustizzja u tal-imħabba.
Nixtieq nindirizza tislima kordjali fil-lingwa tagħhom liż-żgħażagħ tal-Isvizzera ta’ lingwa Tedeska li jinsabu hawn preżenti l-lejla. Pitgħada se jkollma l-okkażjoni li naraw lil xulxin Einsiedeln għal laqgħa fraterna. Kliemi liż-żgħażagħ ta’ Friburgu u lil dawk ta’ Einsiedeln huwa ndirizzat indifferentement lilkom ilkoll li f’dan il-Pajjiż tipprofessaw lil Kristu, jew li għadkom tfittxu t-triq li twassalkom għandu. Jalla Kristu imexxi lilkom ilkoll fit-triq tal-verità u tal-ħajja.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb