Omelija tal-Kardinal Luis Antonio Tagle fl-okkażjoni tal-professjoni perpetwa ta’ 19-il soru Missjunarji tal-Karità fosthom Sr Donia MC, minn Malta. Parroċċa Sr Guilia Billart, Ruma – 24 ta’ Mejju 2025.
Tassew, grazzi lil Alla. Grazzi lil Alla.
Bħala komunità, inroddulu ħajr talli ġabarna flimkien bħala komunità ta’ fidi. Aħna lkoll kuntenti li ninsabu hawn. Illum huwa l-5 Sibt tal-Għid u għada nidħlu fis-6 Ħadd tal-Għid. Illum għandna l-privileġġ li nassistu għall-impenn perpetwu ta’ 19-il soru, kollha Missjunarji tal-Karità. Grazzi talli ġejtu u qed turu b’mod pubbliku l-impenn u l-imħabba tagħkom.

Ħafna nies forsi qegħdin jistaqsu, “X’inhi din il-ħajja li se jidħlu fiha dawn is-sorijiet?” U naf li ħafna minnhom għadhom jistaqsu l-istess mistoqsija, “X’inhi din il-ħajja li qiegħda nħaddan?” Ir-qari li qrajna jagħtuna risposta waħda: l-imħabba, l-imħabba, l-imħabba. U l-imħabba hi dejjem ta’ Alla.
Ħafna drabi naħsbu fl-imħabba bħala sentiment uman, bħala sentiment jew emozzjoni. U dan hu minnu, imma qabel ma jsir att uman, l-imħabba hija rigal divin. Hu Alla li jferra’ l-imħabba tiegħu fina. Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “Kif ħabbni l-Missier, hekk jien ħabbejtkom.” Allura mhix l-imħabba tas-soru, imma l-imħabba tal-Missier mogħtija lil Ġesù, u issa Ġesù qed ippoġiha f’qalbna: l-imħabba divina.
Anki fl-ewwel qari mill-Profeta Hosea, din l-imħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu tidher bħala żwieġ, bħala patt ta’ għerusija. L-inizjattiva tiġi mingħand Alla: “Se niġri warajk.” Ma nafx x’ra fiha, imma Alla nġibed lejha. Alla ma jistax jistrieħ. Hu Alla li jiġri warajha. U mbagħad jgħid: “Se nagħmel patt etern miegħek.” Hu Alla li jagħmel dan l-impenn perpetwu magħna. U aħna mitluba nwieġbu.
Ġesù jgħid: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.” Ġwanni 15:9. Din hija r-risposta tagħna. Li naċċettaw din l-imħabba u nibqgħu fiha. Imma kif nibqgħu fl-imħabba ta’ Alla? Skont Ġesù billi nżommu l-kmandament tiegħu, li hu: Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.” Ġwanni 13:34.
Li nibqgħu fl-imħabba jfisser li nħobbu. Mhux b’mod astratt jew ġeneriku: “Jien inħobb lil kulħadd.” Le! “Ħobbu lil xulxin.” Mhux ħbiberija astratta mal-umanità, imma mħabba għal persuni konkreti.
Xi wħud jgħidu, “Jien inħobb lill-umanità imma ma nistax inħobb lill-bnedmin.” Hu faċli tħobb idea, imma Ġesù ma qalx li l-imħabba hija idea. Hu qal: “Ħobbu lil xulxin.” U kif? “Bħalma ħabbejtkom jien.”
U kif ħabbna Ġesù? Hu qal: “M’hemmx imħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħabibu.” Ġwanni 15:13. Din kienet l-imħabba tiegħu. Hu ħabbna sat-tmiem. Ħabb anke lil dawk li warrbuh. Din l-imħabba tiegħu hija mħabba sagrifikali, li tagħti lilha nfisha għal kulħadd. Mhix dipendenti jekk tħobbux lura. Hu jħobbok, u aħna mitluba nħobbu bl-istess mod.
Din hija l-imħabba li qegħdin niċċelebraw hawn, ħuti. U Ġesù jgħid xi ħaġa importanti: “Jekk tibqgħu fl-imħabba tiegħi,” allura “il-ferħ tiegħi jkun fikom, u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” Ġwanni 15:11. X’għaġeb! Fejn hemm imħabba hemm il-ferħ. Kultant xi nies jgħidu: “Għandi bżonn nixtri xi ħaġa biex insib il-ferħ.” “Għandi bżonn noħroġ fil-beraħ biex nieħu nifs frisk.” Dawn jistgħu jgħinuk, imma għal Ġesù, il-veru ferħ jiġi mill-imħabba. Fejn m’hemmx ferħ, hemm nuqqas ta’ mħabba.
Min m’għandux ferħ? Min ma jafx iħobb. Min tassew iħobb, jakkwista l-ferħ. Jekk tħobb lil Alla, int tkun ferħan. Jekk tħobb persuna, il-ferħ tiegħek ikun sħiħ. M’hemmx għalfejn tikkmanda lil xi ħadd biex ikun ferħan. Jekk il-qalb tiegħek mimlija bl-imħabba divina, inti jkollok ferħ — anke fit-tbatija, anke fit-telfa totali tiegħek innifsek għall-ġid ta’ ħaddieħor.
Ħuti, aħna lkoll imsejħin għal din l-imħabba. U dawk li għażlu l-ħajja kkonsagrata huma msejħin biex jgħixu dik l-imħabba b’mod radikali — li jirċevuha, jibqgħu fiha, u jwettquha b’mod totali, bil-konsagrazzjoni sħiħa tagħhom, bl-ubbidjenza, bil-kastità u l-faqar. Tgħidux: “Jaħasra, binti se tkun fqira!” Le, se tkun sinjura fl-imħabba. “Oh, se tkun taħt l-awtorità ta’ superjura! U rajtha dik is-superjura!” Le, hemm ferħ meta wieħed jissottometti ruħu għall-volontà ta’ xi ħadd ikbar minnu. Tgħidux: “Jaħasra, binti mhux se tiżżewweġ u mhux se jkollna neputijiet!” Le, għax bil-qawwa tal-imħabba tagħha, hi se tkun mogħtija lil kulħadd, mhux lil persuna waħda biss. Minħabba l-imħabba, għandna nifirħu magħhom.
San Pawl jgħid xi ħaġa importanti: l-imħabba ta’ Ġesù u l-imħabba tad-dixxipli tiegħu tidher bħala bluha għad-dinja. (1 Korintin 1:18) Din hi xi ħaġa li d-dinja ma tifhimx. Tabilħaqq, tidher bħala bluha, imma Alla salva lid-dinja permezz tas-salib. Xi wħud jgħidu: “Oh Mulej, din hi bluha li tħalli lilek innifsek tmut fuq is-salib?” Din hi bla sens, din hi dgħufija. Imma San Pawl jgħid: l-imħabba hija differenti. L-imħabba ta’ Alla tista’ tidher bħala bluha għad-dinja, imma hi l-vera għerf. Tista’ tidher bħala dgħufija, imma hi l-vera qawwa.
Għeżież sorijiet, naf li xi nies jgħidu: “M’intomx qed tieħdu d-deċiżjoni t-tajba. Xi darba għad tqumu u taraw kemm kienet bluha din!” Imma jiena, meta nara lilkom, ngħid ukoll: “Imma għaliex Alla sejħilhom?” Meta nqum filgħodu, u nħares lejja nnifsi fil-mera, ngħid: “Oh Alla, għaliex sejjaħt lil dan biex ikun saċerdot, u issa Kardinal?” Xi bluha! Xi dgħufija min-naħa ta’ Alla! Imma San Pawl jgħid, Alla għażel in-nies boloh għad-dinja, biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija, għażel il-mistmerra tad-dinja biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa.” (1 Korintin 1:27-28) Bl-imħabba tagħkom, in-nies jaraw l-għerf divin, li jidher bluha għall-għorrief, u l-qawwa divina, li tidher dgħufija għad-dinja.
Meta kont qed nagħmel id-dottorat f’Washington DC, kelli ftit ħin liberu u ddeċidejt li nagħti daqqa t’id b’volontarjat fid-dar tas-Sorijiet tal-Karità. Tliet darbiet fil-ġimgħa kont immur ngħin biex inqassam l-ikel u nieħu ħsieb persuni foqra jew morda bl-HIV/AIDS. Kull darba li mmur, kelli nirrapporta lis-superjura. U kuljum kienet tgħidli: “Father, illum il-Mulej qed isejjaħlek biex isservi fil-kċina”, jew, “illum il-Mulej qed isejjaħlek biex tmur fil-ward tal-HIV/AIDS.” Għalija kienet esperjenza sabiħa ħafna, imma hemm tgħallimt x’inhi din il-bluha u d-dgħufija li joħorġu mill-imħabba.
Darba fil-bidu tax-xitwa kont mitlub nipprepara l-kolazzjon. Il-toaster kienet taħdem bil-mod. Kont nixwi żewġ biċċiet ħobż u sakemm nispiċċa, l-oħrajn reġgħu jiksħu. Volontier ieħor qal li kellu toaster id-dar li mhux jużah, u xtaq jagħtih lis-sorijiet. Tajjeb. L-għada ġibnieh għand is-sorijiet u wrejna lis-superjura kemm kien effiċjenti. Dak l-antik kien idum 13-il minuta u l-ieħor ikun ferm aktar effiċjenti. U s-superjura qalet: “Dan it-toaster ġdid hu tajjeb, imma ma nistgħux naċċettawh.” Jien stagħġibt. Is-soru qaltlu: “Grazzi, imma ma nistax naċċettah.” U l-volontier telaq. Wara ftit minuti s-superjura sejħitli fl-uffiċċju. Kienet bħal prinċipal li ssejjaħ lill-istudenti. Qaltli: “Father, ħassejtek li m’intix taqbel miegħi.” U jien weġibtha: “Sister, b’kull rispett, le, ma naqbilx. It-toaster il-ġdid hu ħafna aħjar.” U hi qaltli: “Inti xħin tiġi hawn?” Għidtilha “Fil-5:30 ta’ filgħodu.” Hi weġbitni, “Imma kieku jkollna t-toaster li hi aktar effiċenti tibda tiġi fis-7:00 ta’ filgħodu. B’dan il-qadim, tiġi qabel, u tqatta’ aktar ħin mal-persuni. Aħna ma għandniex bżonn toaster. Għandna bżonn lilek. It-toaster ma jistax iħobb. Inti tista’ tħobb.”
X’għerf fil-bluha. X’saħħa fid-dgħufija. Iva, intom tassew missjunarji tal-karità. Uru lid-dinja x’inhi l-imħabba divina. Aħna nitolbu għalikom, u nitolbukom titolbu għad-dinja li qiegħda tfittex imħabba vera u awtentika.
+ Kardinal Luis Antonio Tagle