Agħtuhom intom x’jieklu.

Kelma tal-Ħajja Ġunju 2025

“Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9, 13).

Ninsabu f’post ftit ʹil barra minn Betsajda, fil-Galilija, fejn Ġesù kien qed ikellem lil ġemgħa kbira ta’ nies fuq is-Saltna t’Alla. L-Imgħallem kien mar hemmhekk mal-appostli biex jistrieħu wara l-missjoni twila li kellhom f’dawk l-inħawi, fejn huma ppridkaw il-konverżjoni: “Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Bxara t-tajba u jfejqu l-morda kullimkien”[1]. Għajjenin kif kienu, imma b’qalbhom mimlija, bdew jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom.

Meta n-nies saret taf li Ġesù u d-dixxipli kienu qegħdin hemm, bdiet tinġabar  madwarhom. Ġesù laqa’ ʹl kulħadd: beda jisma’, jitkellem u jfejjaq. Sadattant il-folla bdiet tiżdied, kien riesaq il-lejl u l-ġuħ  beda jagħmel ġmielu. L-appostli bdew jinkwetaw u lill-Imgħallem tawh soluzzjoni li kienet tagħmel sens: “Ibgħathom in-nies, ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib, biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa”. Wara kollox, Ġesù kien ġa għamel ħafna… Imma hu weġibhom:

“Agħtuhom intom x’jieklu”.

Baqgħu mistagħġba għax kif setgħu jitimgħu lil dawk l-eluf kollha ta’ nies b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet! Ma kienx possibbli li f’dawk l-inħawi ta’ Betsajda jsibu l-ikel kollu meħtieġ u lanqas kellhom il-flus biex jixtruh.  

Ġesù ried jiftħilhom għajnejhom. Lilu kienu jinteressawh il-bżonnijiet u l-problemi tan-nies, u hu kien jara kif jagħmel biex isolvihom. Beda b’dak li kellhom f’idejhom, li kien ftit wisq. Imma ried isejħilhom għal missjoni: li jkunu għodda f’idejn il-ħniena ta’ Alla li jieħu ħsieb uliedu. Il-Missier jagħmel il-parti tiegħu, imma “għandu bżonnhom”.

Il-miraklu “jeħtieġ” li aħna nagħmlu l-parti tagħna u nemmnu, il-bqija jagħmlu hu.

“Agħtuhom intom x’jieklu”.

Għall-oġġezzjoni tal-appostli Ġesù ta l-għajnuna tiegħu, imma talabhom jagħmlu l-parti sħiħa tagħhom, anki jekk din kienet ċkejkna. Ma solviex il-problema minflokhom, iżda l-miraklu seħħ. Talabhom jagħtu s-sehem tagħhom b’mod sħiħ u dak li kien hemm tqassam bejn  kulħadd. Dan kien jitlob sagrifiċċju u fiduċja fih.

l-imgħallem jitlaq minn dak li ngħaddu minnu biex jgħallimna nieħdu ħsieb xulxin. Quddiem il-bżonnijiet ta’ ħutna m’għandniex għax inġibu skużi: “din mhix biċċa tagħna”, “jien ma nista’ nagħmel xejn”, “iridu jaraw kif se jsibu soluzzjoni, kif jagħmel kulħadd…”. Fis-soċjetà skont il-ħsieb ta’ Alla, huma mberkin dawk li jitimgħu lil min hu bil-ġuħ, li jlibbsu ʹl-foqra, li jżuru lil min jinsab fil-bżonn[2].

“Agħtuhom intom x’jieklu”.

Ir-rakkont ta’ din il-ġrajja jfakkarna fit-tixbiha tal-ikla li jirrakkonta dwarha l-ktieb ta’ Isaija, u li Alla stess joffri lill-ġnus kollha, meta Hu “jixxotta… d-dmugħ minn fuq kull wiċċ”[3]. Ġesù qalilhom biex joqogħdu bilqiegħda ħamsin ħamsin. Bħala Iben, hu jġib ruħu bħall-Missier, u b’hekk jidher biċ-ċar li hu tassew Alla.

Hu stess tana kollox, sar ikel għalina, fl-Ewkaristija, l-ikla ġdida tal-aħwa.

Meta raw il-ħafna bżonnijiet li kien hemm waqt il-pandemija tal-covid-19, il-komunità tal-Fokolari ta’ Barċellona, waqqfu grupp li fih bdew jgħarrfu lil xulxin bil-bżonnijiet li kellhom permezz tal-mezzi soċjali. Bdew jaqsmu bejniethom minn dak li kellhom. Kienet  impressjonanti tara kif bdew jagħtu għamara, ikel, mediċini… “Waħedna ftit nistgħu nagħmlu”, imma “flimkien nistgħu nagħmlu ħafna”. Il-grupp “Fent família” għadu sal-lum jgħin biex iseħħ dak li kien isir fl-ewwel komunitajiet Insara, fejn ħadd ma kien jonqsu xejn[4].

Silvano Malini u t-tim tal-Kelma tal-Ħajja


[1] Lq 9, 6.

[2] Ara Mt 25, 35-40.

[3] Is 25, 8.

[4] Ara At 4, 34.

One thought on “Agħtuhom intom x’jieklu.”

  1. Grazzi interessanti. Niehu gost nitghallem il kelma t’Alla. Sabieh li nkunu ta’ ghajnuna ghal haddiehor. Kemm ghadna nkunu konxjie ghal bzonnijiet ta dawk ta m’adwarna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading