Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Festa tal-Viżitazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija.

QUDDIESA TAL-ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru

Festa tal-Viżitazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija
Is-Sibt 31 ta’ Mejju 2025

Għeżież ħuti!

Illum huwa jum ta’ ferħ kbir għall-Knisja u għal kull wieħed minnkom, ordinandi presbiteri, flimkien mal-familjari, il-ħbieb u sħabkom fil-mixja matul is-snin ta’ formazzjoni. Kif jixhed ir-Rit tal-Ordinazzjoni f’xi partijiet tiegħu, hija fundamentali r-relazzjoni bejn dak li llum qed niċċelebraw u l-poplu ta’ Alla. Il-profondità, il-kobor u saħansitra t-tul tal-ferħ divin li issa qed naqsmu hu direttament proporzjonali mar-rabtiet li jeżistu u għad jikbru bejnkom l-ordinandi u l-poplu li minnu ġejjin, li minnu tibqgħu parti u li għandu intom mibgħutin. Se nieqaf fuq dan l-aspett, waqt li nżommu dejjem quddiem għajnejna li l-identità tas-saċerdot tiddependi mill-għaqda ma’ Kristu s-saċerdot il-kbir u etern.

Aħna l-poplu ta’ Alla. Il-Konċilju Vatikan II kabbar aktar dan l-għarfien, u kważi antiċipa żmien fejn l-appartenenzi jiddgħajfu u s-sens ta’ Alla jsir aktar rari. Intom xhieda tal-fatt li Alla ma għejiex isejjaħ f’ġemgħa lil uliedu, l-aktar differenti, u jibnihom f’għaqda dinamika. Din mhix xi azzjoni imposta, imma dik il-fewġa ħelwa li reġgħet imliet bit-tama lill-profeta Elija fis-siegħa tal-qtigħ il-qalb (ara 1 Slat 19:12). Il-ferħ ta’ Alla ma jagħmilx storbju, imma tassew jibdel l-istorja u jqarribna lejn xulxin. Ikona ta’ dan hu l-misteru tal-Viżitazzjoni, li l-Knisja tikkontempla fl-aħħar jum ta’ Mejju. Mil-laqgħa bejn il-Verġni Marija u l-kuġina tagħha Eliżabetta naraw inixxi l-Magnificat, il-kant ta’ poplu miżjur mill-grazzja.

Il-Qari li għadu kemm ġie mxandar jgħinna ninterpretaw dak li qed iseħħ bejnietna wkoll. Qabelxejn, Ġesù fil-Vanġelu ma jidhirx quddiemna mkisser mill-mewt li kienet ġejja fuqu, lanqas mid-delużjoni għar-rabtiet imfarrka jew li baqgħu ma seħħux b’mod sħiħ. Għall-kuntrarju, l-Ispirtu s-Santu jintensifika dawk ir-rabtiet li jinsab f’periklu. Fit-talb huma jsiru iktar b’saħħithom mill-mewt. Flok ma jaħseb fid-destin personali tiegħu, Ġesù jqiegħed f’idejn il-Missier ir-rabtiet li bena hawn isfel. Aħna parti minnhom! Fil-fatt, il-Vanġelu wasal għandna permezz ta’ rabtiet li d-dinja tista’ twarrab, imma mhux teqred.

Għeżież ordinandi, aħsbu intom ukoll bil-mod ta’ Ġesù! Li nkunu ta’ Alla – qaddejja ta’ Alla, poplu ta’ Alla – jorbotna mal-art: mhux ma’ dinja ideali, imma ma’ dik reali. Bħal Ġesù, huma persuni tad-demm u l-laħam dawk li l-Missier iqiegħed fi triqitkom. Għalihom qed tikkonsagraw ruħkom, bla ma tinfirdu minnhom, bla ma tiżolaw ruħkom, bla ma tagħmlu mid-don li rċivejtu xi għamla ta’ privileġġ. Il-Papa Franġisku tant drabi wissiena fuq dan, għax l-awtoreferenzjalità titfi n-nar tal-ispirtu missjunarju.

Il-Knisja hi kostituttivament estroversa, kif estroversi huma l-ħajja, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Intom se tagħmlu tagħkom kliemu f’kull quddiesa: hu mogħti “għalikom u għall-bnedmin kollha”. Lil Alla ħadd ma rah. Hu ġie għandna, hu ħareġ minnu nnifsu. L-Iben sar l-eseġesi tiegħu, ir-rakkont ħaj tiegħu. U tana s-setgħa li nsiru wlied Alla. La tfittxux, ejjew ma nfittxux setgħa oħra!

Il-ġest tat-tqegħid tal-idejn, li bih Ġesù laqa’ għandu lit-tfal u fejjaq lill-morda, iġedded fikom il-qawwa ħelliesa tal-ministeru messjaniku tiegħu. Fl-Atti tal-Appostli dak il-ġest li minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se nirrepetu huwa trażmissjoni tal-Ispirtu ħallieq. Hekk, is-Saltna ta’ Alla issa ddaħħal f’komunjoni ma’ xulxin il-libertajiet personali tagħkom, lesti biex joħorġu minnhom infushom, tlaqqam l-intelliġenza u s-saħħa żagħżugħa tagħkom fil-missjoni ġubilari li Ġesù għadda f’idejn il-Knisja tiegħu.

Fit-tislima tiegħu lill-anzjani tal-komunità ta’ Efesu, li minnha smajna xi biċċiet fl-Ewwel Qari, Pawlu jgħaddilhom is-sigriet ta’ kull missjoni: “L-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa” (Atti 20:28). Mhux sidien, imma għassiesa. Il-missjoni hi ta’ Ġesù. Huwa l-Irxoxt, allura hu ħaj u jimxi qabilna. Ħadd minna ma hu msejjaħ jeħodlu postu. Il-jum tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema jedukana għall-preżenza inviżibbli tiegħu. Hu jafda fina, jagħmlilna l-wisa’; saħansitra wasal biex qal: “Jaqblilkom li jiena mmur” (Ġw 16:7). Anki aħna l-Isqfijiet, għeżież ordinandi, waqt li ninvolvukom fil-missjoni, illum qed nagħmlulkom il-wisa’. U intom agħmlu wisa’ lill-fidili u lil kull ħlejqa, li tagħha l-Irxoxt huwa qrib u li fiha jħobb iżurna u jissorprendina. Il-poplu ta’ Alla hu ħafna ikbar fl-għadd minn dak li naraw. Ejjew ma niddefenixxux aħna l-konfini tiegħu.

Minn San Pawl, minn dak id-diskors imqanqal tat-tluq tiegħu, nixtieq nindika t-tieni kelma. Din, fir-realtà, tiġi qabel l-oħrajn kollha. Hu jista’ jgħid: “Intom stess tafu kif jien ġibt ruħi kemm domt magħkom” (Atti 20:18). Din l-espressjoni ejjew inżommuha tajjeb f’qalbna u f’moħħna! “Intom stess tafu kif jien ġibt ruħi kemm domt magħkom”: it-trasparenza tal-ħajja. Ħajjiet magħrufa, ħajjiet leġġibbli, ħajjiet kredibbli! Aħna ninsabu fi ħdan il-poplu ta’ Alla, biex nistgħu nimxu quddiemu, b’xhieda li titwemmen.

Mela, ejjew flimkien nibnu mill-ġdid il-kredibbiltà ta’ Knisja midruba, mibgħuta għand umanità midruba, fi ħdan ħolqien midrub. Għadna m’aħniex perfetti, imma jeħtieġ li nkunu kredibbli.

Kristu Rxoxt jurina l-ġrieħi tiegħu u, minkejja li huma sinjal tar-rifjut min-naħa tal-umanità, hu jaħfrilna u jibgħatna. Ma ninsewhx dan! Hu jonfoħ illum ukoll fuqna (ara Ġw 20:22) u jagħmilna ministri tat-tama. “Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem” (2 Kor 5:16): dak kollu li f’għajnejna jidher imkisser u mitluf issa jidher quddiemna fid-dawl tar-rikonċiljazzjoni.

“Fil-fatt l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna…”, għeżież ħuti! Huwa pussess li jeħles u li jagħtina l-għajnuna biex ma nippossedu lil ħadd. Neħilsu, u mhux nippossedu. Aħna ta’ Alla: ma hemmx għana ikbar minn dak li napprezzaw u nipparteċipaw. Dan hu l-uniku għana li, maqsum ma’ oħrajn, jimmultiplika ruħu. Irridu flimkien inwassluh lid-dinja li Alla tant ħabb li taha lil Ibnu l-waħdieni (ara Ġw 3:16).

Hekk, hi mimlija bis-sens il-ħajja mogħtija minn dawn ħutna, li ftit tal-ħin ieħor se jiġu ordnati presbiteri. Nirringrazzjawhom u nirringrazzjaw lil Alla li sejħilhom għall-qadi ta’ poplu kollu saċerdotali. Fil-fatt, flimkien aħna ngħaqqdu sema u art. F’Marija, Omm il-Knisja, jilma dan is-saċerdozju komuni li jgħolli liċ-ċkejknin, jorbot il-ġenerazzjonijiet flimkien, jagħmel li nissejħu hienja (ara Lq 1:48,52). Hi, il-Madonna tal-Fiduċja u l-Omm tat-Tama, tidħol għalina.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading