Il-Papa Ljun XIV lir-rappreżentanti pontifiċji.

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI FIL-ĠUBLEW U
L-LAQGĦA MAR-RAPPREŻENTANTI PONTIFIĊJI

Sala Clementina
It-Tlieta, 10 ta’ Ġunju, 2025

Eminenzi, Eċċellenzi, Monsinjuri,

tislima speċjali likom ilkoll, għeżież Rappreżentanti Pontifiċji.  Qabel ma naqsam magħkom id-diskors li ħejjejt, nixtieq biss ngħid lill-Eminenza Tiegħu u lilkom ilkoll, li dak li qal il-Kardinal, ma tennejtux fuq suġġeriment ta’ xi ħadd iżda għax nemmnu profondament: l-irwol tagħkom, il-ministeru tagħkom hu insostitwibbli.  Bosta ħwejjeġ ma jistgħux jingħataw fil-Knisja kieku ma kienx għas-sagrifiċċju, il-ħidma u dak kollu li tagħmlu, biex dimensjoni tant importanti tal-kbira missjoni tal-Knisja tibqa’ għaddejja, u preċiżament f’dal-kas li kont nitkellem dwaru, jiġifieri l-għażla tal-kandidati għall-episkopat.  Grazzi minn qalbi għal dak li tagħmlu!  Issa nitlobkom ftit paċenzja.

Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-bieraħ filgħodu, għall-Ġublew tas-Santa Sede, jien ferħan li nista’ nkun ftit magħkom, intom li tirrappreżentaw lill-Papa fl-Istati u fl-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fid-dinja kollha.

Qabel kollox irroddilkom ħajr li ġejtu, għal biċċa l-kbira minnkom wara vjaġġ twil ħafna.  Grazzi!  Bil-persuna tagħkom intom diġà xbieha tal-Knisja kattolika, għax mhemm ebda pajjiż fid-dinja li għandu korp diplomatiku tant universali bħalma hu tagħna!  Però, fl-istess ħin, nimmaġina li bl-istess mod jista’ jingħad ukoll li ebda pajjiż fid-dinja m’għandu Korp diplomatiku tant magħqud kif intom magħqudin bejnietkom: għaliex il-komunjoni tagħkom, tagħna, mhix biss funzjonali u lanqas hi biss ideal, imma aħna magħqudin fi Kristu u magħqudin flimkien fil-Knisja.  Interessanti riflessjoni fuq dal-fatt: bil-pesonnel tagħha, id-diplomazija tas-Santa Sede hi mudell – żgur li mhux perfett, imma ta’ tifsir kbir – tal-messaġġ li tipproponi, jiġifieri dak tal-fraternità umana u l-paċi bejn il-popli.

Għeżież, jien qed nagħmel l-ewwel passi f’dal-minsteru li l-Mulej fdali f’idejja.  U fil-konfront tagħkom ukoll inħoss dak li għidt xi jiem ilu jien u nindirizza lis-Segreterija tal-Istat, cioè, ir-rikonoxxenza lejn dawk li jgħinuni naqdi, jum ara ieħor, is-servizz tiegħi.  Dil-gratitudni tikber meta niftakar – u mmiss b’idejja l-kwistjonijiet varji – li l-ħidma tagħkom bosta drabi tasal qabel tiegħi!  Iva, u dan jgħodd b’mod partikolari għalikom.   Għax meta jippreżentawli xi sitwazzjoni li għandha x’taqsam – per eżempju – mal-Knisja f’xi pajjiż partikolari, inkun nista’ norbot fuq id-dokumenti, ir-riflessjonijiet, is-sintesi mħejjijin minnkom u mill-kollaboraturi tagħkom.  Ix-xibka tar-Rappreżentanti Pontifiċji dejjem hi attiva u operattiva.  Għalija dan hu raġuni ta’ apprezzament u gratitudni.  Ngħid dan fiż-żgur, jien u niftakar fid-dedikazzjoni, u aktar u aktar fil-motivazzjonijiet li jmexxukom, fl-istil pastorali li għandu jkun il-karatteristika tagħna, fl-ispirtu ta’ fidi li janimana.  Grazzi għal dawn il-kwalitajiet, jien ukoll nista’ nġarrab dak li kien kiteb San Pawlu VI, jiġifieri li permezz tar-Rappreżentanti tagħha li jgħixu fin-nazzjonijiet diversi, il-Papa jsir sehem mill-istess ħajja ta’ wliedu u, billi kważi jitwaħħad magħhom, isir jaf b’mod aktar mgħaġġel u żgur, il-ħtiġijiet tagħhom u fl-istess ħin l-aspirazzjonijiet tagħhom (cfr Ittra app. M.P. Sollecitudo omnium Ecclesiarum, Introduzzjoni).

U issa nixtieq naqsam magħkom xbihea biblika li waqgħet f’moħħi jien u naħseb fil-missjoni tagħkom b’relazzjoni ma’ dik tiegħi.  Fil-bidu tal-Atti tal-Appostli (3,1-10), ir-rakkont tal-fejqan tal-magħtub jiddeskrivi tajjeb ħafna l-ministeru, ta’ Pietru.  Ninsabu fiż-żerniq tal-esperjenza kristjana u tal-ewwel komunità miġbura madwar l-Appostli taf li tista’ torbot fuq realtà waħdanija: Ġesù rxoxta u huwa ħaj.  Raġel magħtub jinsab bilqiegħda jittallab fil-bieb tat-Tempju.  Hu xbieha tal-umanità li tilfet it-tama u hija rassenjata.  Illum ukoll, il-Knisja spiss tiltaqa’ ma’ rġiel u nisa li m’għadx għandhon ferħ, li s-soċjetà warrbithom, jew li l-ħajja ġagħalithom f’ċertu sens isiru tallaba tal-istess eżistenza tagħhom.  Hekk tgħidina dil-paġna tal-Atti: “Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu: “Ħares lejna.”  Dak baqa’ jħares lejhom, jistenna li se jaqla’ xi ħaġa minn għandhom.  Imma Pietru qallu: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!”  U qabdu minn idu l-leminija u qajjmu. Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; u malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla (3,4-8).

Iġagħlek taħseb dak li Pietru talab minn dar-raġel: “Ħares lejna!”  Il-ħarsa f’għajnejn xulxin tfisser li tkun tinbeda relazzjoni.  Il-ministeru ta’ Pietru hu li joħloq relazzjonijiet, pontijiet; u Rappreżentant tal-Papa hu servizz għal din l-istedina, għal dal-ħars f’għajnejn xulxin.  Kunu dejjem il-ħarsa ta’ Pietru!  Kunu persuni bil-ħila li tibnu relazzjonijiet fejn hu l-aktar iebes.  Imma intom u tagħmlu dan żommu l-istess umiltà u l-istess realiżmu ta’ Pietru, li jaf tajjeb li m’għandux is-soluzzjoni ta’ kollox: “La għandna deheb u lanqas fidda”, jgħid; imma jaf li għandu ħaġa ta’ valur, jiġifieri lil Kristu, is-sens l-aktar profond ta’ kull eżistenza: “F’isem ta’ Ġesù Kristu, ta’ Nazaret, imxi”.

L-għotja ta’ Kristu hi l-għotja tal-imħabba, xhieda ta’ dik il-karità lesta għal kollox.  Norbot fuqkom sabiex fil-pajjiżi fejn tgħixu kulħadd isir jaf li l-Knisja dejjem lesta għal kollox basta  għall-imħabba, li dejjem hi man-naħa ta’ dawk tal-aħħar, tal-foqra, u dejjem se tibqa’ tiddefendi d-dritt sagrosant tat-twemmin f’Alla, tal-emmna li dil-ħajja mhix ilsiera tas-setgħat ta’ did-dinja, imma mirfuda minn sens misterjuż.  L-imħabba biss hi denja tal-fidi, quddiem it-tbatija tal-innoċenti, tal-kurċifissi tal-lum, li bosta minnkom tafuhom personalment, għax isservu popli vittmi tal-gwerra, tal-vjolenza, tal-inġustizzji u wkoll ta’ dak il-benessri falz li jilludi u jiddeludi.

Għeżież ħuti, jalla ssibu dejjem faraġ fil-fatt li s-servizz tagħkom jinsab “fid-dell ta’ Pietru, kif se ssibu mnaqqqx fiċ-ċurkett li se  tirċievu bħala rigal mingħandi.  Dejjem ħossukom magħqudin ma’ Pietru, imħarsin minn Pietru, mibgħutin minn Pietru.  Hu biss bl-ubbidjenza u bir-rabta affettiva mal-Papa li l-ministeru tagħkom jista’ jsir aktar effikaċi għall-bini tal-Knisja, f’komunjoni mal-Isqfijiet lokali.

Ħarsitkom dejjem għandha tkun waħda ta’ barka, għax il-ministeru ta’ Pietru hu l-barka, jiġifieri li dejjem jara t-tajjeb, anki dak moħbi, dak li hu minoranza.  Ħossukom missjunarji, mibgħutin mill-Papa biex tkunu strumenti ta’ komunjoni, għaqda, servizz tad-dinjità tal-persuna umana, u tippromwovu kullimkien relazzjonijiet sinċieri u kostruttivi mal-awtoritajiet li intom imsejħin tikkoperaw magħhom.  Jalla l-kompetenza tagħkom tkun dejjem imdawla minn fehema sħiħa ta’ qdusija.  Huma ta’ eżempju għalina l-Qaddisin li ntbagħtu jagħtu servizz diplomatiku mis-Santa Sede, bħalma huma San Ġwanni XXIII u San Pawlu VI.

Għeżież, il-preżenza tagħkom hawn illum issaħħaħ l-għarfien li l-irwol ta’ Pietru hu li jikkonferma l-fidi.  Intom minn tal-ewwel li teħtieġu dil-konferma biex issiru messaġġiera tagħha, sinjali li jidhru f’kull rokna tad-dinja.

Jalla l-Porta Santa li lbieraħ għaddejna minnha lkoll flimkien, tixprunana biex inkunu xhieda kuraġġużi ta’ Kristu li dejjem hu t-tama tagħna.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading