Mal-2,000 student temmew korsijiet tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali

L-Istitut iħares ’il quddiem b’viżjoni mġedda

24/06/2025: L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali kkonkluda sena akkademika oħra nhar it-Tlieta 17 ta’ Ġunju 2025 wara li akkumpanja aktar minn 2,000 applikant fi 78 kors, żieda mill-1,052 parteċipant fi 28 kors tul is-sena l-oħra.

Il-lejla bdiet b’quddiesa ta’ ringrazzjament, ċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, segwita minn mument komunitajru bejn l-istudenti, il-letturi u l-istaff tal-istitut.

Sena ta’ tkabbir u tiġdid

Matul din is-sena akkademika, l-Istitut kompla jibni fuq il-pedamenti sodi li ġew stabbiliti fis-snin ta’ qabel, waqt li ħaddan spirtu ta’ tiġdid. Il-korsijiet tiegħu kellhom
firxa wiesgħa ta’ temi, fosthom l-Iskrittura u t-Teoloġija, l-Ispiritwalità u l-Kura Pastorali, il-Liturġija u l-Ministeru, il-Ħarsien tat-Tfal u Adulti Vulnerabbli u l-Formazzjoni.

L-Istitut baqa’ impenjat li jipprovdi micro-credentials ibbażati fuq ħiliet (korsijiet qosra mmirati li jiċċertifikaw ħiliet speċifiċi). Dawn jingħataw primarjament bil-Malti, bil-possibilità li jsiru bl-Ingliż fuq talba speċifika. Il-korsijiet jingħataw f’forom differenti biex joffri iktar flesssibbiltà lill-istudenti. Dawn isiru fil-klassi, b’mod ibridu bil-parteċipazzjoni online u wiċċ imb wiċċ kif ukoll kompletament b’mod virtwali permezz tal-Virtual Learning Environment (VLE) tal-Istitut. L-Istitut ikompli jfittex li jasal għand l-individwi fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajja diversi li jinsabu fihom.

Din is-sena kienet ukoll immarkata minn investiment sinifikanti fl-infrastruttura disponibbli għall-istitut. Ġew rinovati r-recording studio u ċ-ċentru prinċipali tal-Istitut b’tagħmir u faċilitajiet ġodda. Iċ-ċentru issa fih tliet klassijiet ġodda. Il-klassijiet kollha huma mgħammra bl-arja kkundizzjonata u teknoloġija awdjo-viżiva, li tippermetti lill-istudenti jingħaqdu fil-korsijiet online u jiżguraw esperjenza ta’ tagħlim komda għal kulħadd.

L-Istitut laqa’ wkoll żewġ membri ġodda fit-tim li ġabu magħhom enerġija u ideat friski. It-tim kompla jikber bħala grupp żagħżugħ u dinamiku lest biex iservi b’entużjażmu u innovazzjoni.

Ħarsa ’l quddiem

Matul iċ-ċelebrazzjoni tal-aħħar tas-sena, l-Istitut nieda l-prospectus għas-sena akkademika 2025/26, u afferma mill-ġdid il-missjoni tiegħu li jifforma mexxejja lajċi mimlija bil-fidi u li jkunu innovattivi. Il-programm għas-sena d-dieħla jilqa’ s-sejħa għat-tiġdid tal-Knisja mitluba mit-tieni Konċilju tal-Vatikan II.

“Il-lajċi jipparteċipaw, fil-qies tagħhom, mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u regali ta’ Kristu” (Lumen Gentium, 31). U kif qal il-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.”

Din il-viżjoni tiggwida l-missjoni edukattiva tal-istitut hekk kif iħares ’il quddiem għas-sena akkademika 2025/26. Is-sena li ġejja se tinkludi korsijiet ġodda ma’ dawk li saru fis-snin ta’ qabel, kollha mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jġibu magħhom l-komunitajiet ekkleżjali hekk kif qed jevolvu sabiex jiltaqgħu mal-bżonnijiet tad-dinja tal-lum, b’għeruq fil-Vanġelu.

Dawn il-korsijiet ikopru temi bħall-Ministeru Kreattiv, l-approfondiment tal-fidi, il-ħiliet Pastorali, l-Etika u s-Soċjetà, u t-Teknoloġija u l-fidi.

Dan kollu jirrifletti d-dedikazzjoni tal-istitut biex jifforma mexxejja sħaħ impenjati fil-Knisja u d-dinja.

Agħfas hawn biex tesplora l-prospectus għas-sena akkademika 2025/2026 tal-Istitut għall-Formazzjoni Pastorali.

Għal aktar informazzjoni kkuntattja lill-Istitut fuq info@pfi.edu.mt, 25906514/6 jew 79201358.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading