MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-MEMBRI TAL-ORDNI SOVRAN MIITARI TA’ MALTA
FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊELEBRAZZJONI
TAS-SOLENNITÀ TA’ SAN ĠWANN BATTISTA
Jien partikolarment hieni li qed nibgħatilkom dal-messaġġ fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tas-solennità ta’ San Ġwann Battista, Protettur tal-Ordni reliġjuż tagħkom, u li intom imsemmijin għalih.
Il-Knisja troddilkom ħajr għall-ġid kollu li tagħmlu fejn hemm ħtieġa tal-imħabba, f’sitwazzjonijiet kultant diffiċli ħafna. Troddilkom ħajr ukoll għall-impenn ta’ tiġdid li ilkom għaddejjin bih minn xi snin ‘l hawn, biex tkunu aktar fidili lejn l-Evanġelju, b’kollaborazzjoni sħiħa u kordjali mal-Kardinal Patrun li jien ikkonfermajt mill-ġdid fil-kariga tiegħu. Komplu mexjin f’din id-direzzjoni!
Nistgħu ngħidu li San Ġwann Battista sa minn twelidu wettaq il-missjoni li rċieva minn Alla: li jkun ħabbâr ta’ Ġesù. Kellu jagħmel dan b’awsterità tul ħajtu kollha. Għall-bidu, l-idea li kellu tal-Messija kienet wisq marbuta mal-figura ta’ mħallef inflessibbli (cfr Mt 3,7-12). Ġesù jgħinu jibdel il-perspettiva, jikkonverti, meta jmur għandu u jitolbu jgħammdu, jitħallat b’umiltà ma tant midinbin oħra (cfr (Mt 3,13-17). Wara dil-manifestazzjoni, Ġwanni juri lil Ġesù bħala l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja (cfr Ġw 1,37). U Ġwanni jagħti ħajtu kollha biex jafferma dil-verità, isir xhud ta’ Ġesù li hu l-verità.
San Ġwann Battista, il-Protettur ċelesti tagħkom, għandu jdawwl ħajjitkom u l-missjoni li l-Knisja ssejħilkom biex twettqu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.
l-Ordni tagħkom għandu bħala għan aħħari it-tuitio fidei u l-obsequium pauperum (il-ħarsien tal-fidi u s-servizz lill-foqra). Żewġ aspetti tal-istess kariżma: il-fidi li tixerred u tkun imħarsa, b’dedikazzjoni mimlija mħabba lejn il-foqra, l-imwarrbin, dawk kollha li jeħtieġ sapport, li jeħtieġu l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Mhux sempliċiment għajnuna lill-foqra fil-ħtiġijiet tagħhom biss iżda wkoll titħabbrilhom l-imħabba t’Alla bil-kelma u bix-xhieda. Jekk dan ikun nieqes, l-Ordni jitlef il-karattru reliġjuż tiegħu u jispiċċa jsir organizzazzjoni ta’ skop filantropiku.
L-imħabba li aħna lkoll għandna noffru lill-oħrajn hi dik li tkun tal-istess livell ta’ dak li jirċevieha, l-istess kif għamel Ġesù li niżel għall-livell tagħna, kien solidali ma’ min kien disprezzat, ma dawk li tteħditilhom ħajjithom għax meqjusa mingħajr ebda valur (cfr Lq 10,29-37) Għalhekk lil Ġesù nistgħu ntuh tweġiba ta’ mħabba, għax bil-mod kif iċċekken qed jurina mħabbtu, imħabba li nistgħu rrodduhielu lura bil-gratitudni. L-istess mal-fqir. Jekk inħobbuh u ninżlu għal-livell tiegħu, l-imħabba li nkun ntuh tintradd lura lilna permezz tal-gratitudni tiegħu, mhux gratitudni ta’ umiljazzjoni, imma ta’ ferħ.
Din hi t-tuitio fidei għax b’dan l-aġir intom tittrażmettu konkretament il-fidi f’Alla-mħabba intom u toffru l-esperjenza tal-qrubija tiegħu.
Biex titħares u tkun protetta l-fidi, l-Appostlu Pawlu jurina kif għandna nkunu mħejjija: Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan; ħażżmu ġenbjekom bil-verità; ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja; ħudu f’idejkom it-tarka taf-fidi li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-Kelma t’Alla (cfr Ef 6,11-18). Naturalment biex tagħmlu l-ġid li l-Ordni tagħkom iwettaq f’diversi nħawi tad-dinja għandkom bżonn ħafna mezzi, ekonomiċi wkoll, u tant medjazzjoni. Imma dejjem tridu tibqgħu b’għajnejkom miftuħa biex dawn il-mezzi ma jkunux għalikom skop, imma biss mod li bih tilħqu l-miri tagħkom
Madankollu biex jintlaħaq skop tajjeb il-mezzi li jintużaw iridu jkunu tajbin ukoll: imma f’dal-qasam it-tentazzjoni faċilment tista’ tippreżenta ruħha bħala xi ħaġa tajba, tkun illużjoni li jistgħu jintlaħqu għanijiet tajbin imma li tippreżenta ruħha b’mezzi li jistgħu ma jkunux jaqblu mar-rieda t’Alla. Ġesù wkoll kien ittantat b’dal-mod meta l-Malinn “urieħ is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom” (Mt 4,8) u wiegħdu li jtihomlu kollha jekk jinżel jadurah. Kieku sar dan Ġesù ma kienx jibqa’ dak il-Qaddej sofferenti ta’ Alla, li bl-umiltà jitneżża minn kull setgħa tad-dinja biex bl-imħabba jikseb l-imħabba tal-bniedem. F’din it-tentazzjoni partikolarment qarrieqa, Ġesù jafferma mill-ġdid is-supremazija ta’ Alla u ma jinxtarax mill-qawwiet ta’ din id-dinja. Kieku kellu jċedi għat-tentazzjoni, Ġesù kien ikun juża’ mezzi illeċiti u ma kienx ikollu ħila jilħaq l-għan tal-missjoni li l-Missier bagħtu fid-dinja għaliha. Matul l-istorja, l-Ordni ta’ Malta ħa fuq spallejh, skont is-sitwazzjoni, mezzi differenti li però l-validità attwali tagħhom għandha titkejjel fid-dawl tal-għan tat-tuitio fidei u l-obsequium pauperum.
Matul is-sekli l-Ordni kiseb rilevanza dejjem akbar fil-qasam internazzjonali, tip ta’ sovranità partikolari, bi prerogattivi li neċessarjament għandhom ikunu funzjonali għall-għan tat-tuitio fidei u l-obsequium pauperum. Jekk intom tużaw dawn il-prerogattivi b’ġibda lejn il-mondanità, tidħlu f’periklu li ħarsitkom timraħ bogħod mill-għan veru tagħkom. Dejjem għandna nagħmlu tagħna t-tagħlim ta’ Ġesù li ma talabx lill-Missier biex iwarrabna mid-dinja iżda biex jibgħatna fid-dinja kif bagħat lilu għax aħna mhux tad-dinja kif hu mhux tad-dinja; u talab lill-Missier biex iħarisna mill-Malinn cfr Ġw 17,14-16.18)ż
L-Ispirtu jikxef l-inganni tal-Malinn, għalhekk għandna sejħa biex niddixxernu bla heda jekk hux l-Ispirtu li qed imexxina inkella l-Malinn, jew l-interessi tagħna.
L-impenn tagħkom hu mixja ta’ tiġdid. It-tiġdid ma jistax ikun sempliċiment funzjonali, normattiv: qabel kollox irid ikun interjuri, spiritwali, għax dan jagħti sens lit-tibdil tan-normi. Intom ġeddittu d-dritt propju, il-Kostituzzjoni u l-Kodiċi Melitense. Dan kien meħtieġ għax kien hemm bżonn li ċerti affarijiet ikunu ċċarati, speċjalment minħabba n-natura tagħkom ta’ Ordni reliġjuż, mogħtija u garantita mill-membri tal-Primo Ceto, li l-forza kariżmatika tiegħu tinħass ukoll fi gradi differenti fit-Tieni Ceto u fit-Tielet Ceto.
Temmejtu wkoll ix-xogħol tal-“Kumment” tat-testi normattivi. Xogħol utli ħafna biex jiffaċilita, minbarra t-tifsir letterali tan-normi, anki dak li hu s-sies spiritwali u teoloġiku, element ta’ importanza primarja għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom fl-Ispirtu. Ċertament, il-mixja ta’ tiġdid għadha mhix mitmuma, anzi dejjem tibqa’ fil-bidu tagħha, għax titlob il-konverżjoni tal-qalb, dmir għal tul il-ħajja kollha għalina lkoll. Nafu kemm hi iebsa l-konverżjoni tal-qalb. Il-membri tal-Primo Ceto, b’mod speċjali, f’das-sens huma msejħin biex jegħlbu kull tentazzjoni ta’ sekularizzazzjoni, jiġifieri ta’ ħajja li ma tkunx animata mir-radikalità evanġelika li hi propja ta’ Ordni reliġjuż. Jekk il-Primo Ceto ma jimxix f’dit-triq ta’ konverżjoni, li, minkejja li hi diffiċli u impenjattiva, hi mwieżna mill-grazzja tal-Ispirtu tal-Irxoxt, mhemmx tama li jimxu fiha, skont il-kundizzjoni tagħhom, it-Tieni u t-Tielet Ceto.
Madankollu, il-konverżjoni dejjem għandha inċentiv mill-esperjenza sinifikattiva li tolqot il-qalb. Il-konverżjoni tagħkom hi mwieżna mill-azzjoni tagħkom favur is-Sinjuri Morda, kif tħobbu ssejħulhom intom, u tal-foqra ta’ kull tip, u għandha merti quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. Il-ħidma ta’ karità u appostolika hi frott u manifestazzjoni ta’ spiritwalità, dik li sa mill-bidu kienet mgħoddija lilkom mill-Beatu Ġerardu u li intom imsejħin biex tinkarnawha fid-dinja tal-lum b’ġenwinità evanġelika dejjem akbar, frott ta’ purifikazzjoni kontinwa.
B’ferħ kbir sirt naf li hemm aspiranti li talbu biex jibdew l-esperjenza tan-novizzjat, u ta’ novizzjat residenzjali, li hi novità wara tant żmien li l-ħajja komunitarja donnha dabet. Din hi raġuni ta’ tama kbira, iżda hi wkoll sfida għall-Ordni kollu u fuq kollox għal dawk li għandhom f’idejhom il-formazzjoni. Il-formazzjoni hi aspett fundamentali għall-istituti kollha ta’ ħajja konsagrata, u hi partikolarment impenjattiva minħabba l-kumplessità tal-esperjenza tal-ħajja tal-kandidati fiż-żmien tal-lum. Dan jitlob, aktar minn qatt qabel, formazzjoni speċifika ta’ min jifforma, għax mingħajrha l-ħidma formattiva tkun biss approssimattiva u ineffikaċi, kif jista’ jiġri jekk l-iter u l-kontenut ma jkunux ċari. Il-formazzjoni ma tolqotx biss lill-Primo Ceto, imma b’manjieri diversi, it-Tieni u t-Tielet Ceto wkoll. L-għan tagħha għandu jkollu bħala element fundamentali, it-talb: liturġiku u personali, mantnut mis-solitudni u s-silenzju, dimensjonijiet neċessarji aktar ma’ wieħed jiddedika ruħu għall-attivtà tas-servizz lill-proxxmu, sabiex tkun xhieda tal-imħabba t’Alla, li permezz t’hekk isir preżenza.
Bl-istess mod hu ta’ tama kbira li xi membri Professi jixtiequ jibdew esperjenza ta’ ħajja komunitarja. Nagħmel kuraġġ minn qalbi lil dix-xewqa għax il-ħajja komunitarja tifforma konkretament il-karità reċiproka u l-osservanza awtentika tat-tliet pariri evanġeliċi. Anki jekk din l-idea tiltaqa’ ma’ ntoppi biex isseħħ, dawn jistgħu ikunu megħlubin bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, għax il-grazzja tiegħu qatt ma tqarraq (cfr Rum 5,5).
Il-Verġni ta’ Filermu, San Ġwann Battista u l-Beatu Ġerardu jinterċedu għalikom biex twettqu s-sentimenti u x-xewqat nobbli kollha tagħkom filwaqt li minn qalbi nagħti l-Barka Appostolika likom, lill-għeżież tagħkom u lil kulmin tiltaqgħu miegħu fis-servizz tagħkom.
Mill-Vatikan, 24 ta’ Ġunju, 2025
Ljun P P. XIV
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber