70% jippreferu kura paljattiva milli suwiċidju assistit – stħarriġ ta’ misco

47% jikkunsidraw suwiċidju assistit jekk iħossuhom piż fuq il-maħbubin tagħhom

24/06/2025: 70% tar-residenti f’Malta jippreferu kura paljattiva li tiggarantixxi mewt naturali mingħajr uġigħ, milli s-suwiċidju assistit skond stħarriġ li għadu kemm sar mill-kumpanija misco. L-istess stħarriġ juri kif kważi nofs dawk li wieġbu, 49%, ammettew li jikkunsidraw itemmu ħajjithom permezz tal-ewtanasja sabiex jevitaw li jkunu piż fuq il-familja tagħhom.

Dan meta sena ilu, f’April tal-2024, stħarriġ tal-kumpanija Esprimi wera li 61% urew ix-xewqa li tkun introdotta l-ewtanasja assistita, filwaqt li nqas minn sena wara, fi Frar, stħarriġ tat-Times of Malta wera li huma 57% tan-nies li jriduh, u stħarriġ tal-MaltaToday li sar iktar tard kompla juri tnaqqis drastiku, ta’ 49% favur l-ewtanasja assistita.

Issa, stħarriġ riċenti li sar mill-misco jkompli jixhed it-tnaqqis favur is-suwiċidju assistit u żieda ta’ persuni li qed jappellaw għal titjib ful-kura paljattiva. Sentiment espress ukoll mill-poplu Malti u Għawdxi, apparti għadd ta’ professjonisti fis-settur li wasslu l-istess appelli.

L-istħarriġ nazzjonali ta’ misco sab li aktar minn żewġ terzi minn dawk li diġà esperjenzaw it-telfa ta’ membru tal-familja kawża ta’ marda, jappoġġjaw il-kura paljattiva – punt li jenfasizza kemm l-esperjenzi reali jħallu impatt fuq l-attitudnijiet tal-pubbliku.

Tibdil fil-ħsieb f’każ ta’ piż fuq il-qraba

L-istħarriġ żvela wkoll il-pressjoni emozzjonali u soċjali li persuna tista’ tħoss jekk tingħata dijanjosi ta’ marda terminali. 47% qalu li jikkunsidraw din l-għażla jekk iħossu li huma piż fuq il-maħbubin tagħhom.

Terz ta’ dawk li rrispondew qalu li s-sitwazzjoni ta’ piż fuq il-familja ma tkunx fattur fid-deċiżjoni tagħhom, filwaqt li 18% ma rrifjutawx li jeskludu din il-possibbiltà.

40% ma jafux xi jfisser it-terminu assisted dying

L-istħarriġ żvela wkoll nuqqas wiesa’ ta’ fehim dwar x’ifisser eżattament it-terminu “assisted dying”. 60% biss fehmu b’mod korrett li dan ifisser li pazjent jingħata mediċina letali biex itemm ħajtu hu stess – kif deskritt fid-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Gvern.

Il-bqija żbaljaw u ħasbu li tfisser kura ta’ tip hospice għal dawk li jinsabu fl-aħħar stadju ta’ ħajjithom, jew id-dritt li persuna tieqaf tieħu trattament li jtawwal il-ħajja – żewġ għażliet li diġà huma legalment u mediċinalment disponibbli għal kulħadd.

L-istħarriġ sar fost 500 rispondent bejn l-10 u d-19 ta’ Ġunju 2025, sabiex jitkejjel is-sentiment pubbliku fid-dawl tal-konsultazzjoni ta’ xahrejn dwar White Paper appoġġjata mill-Gvern, li qed tipproponi li pazjenti terminali li jkun jonqoshom inqas minn sitt xhur ħajja jingħataw l-għażla ta’ suwiċidju assistit.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading